Palazz Verdala
On. Ministru Borg
Segretarju Permanenti
Ambaxxaturi
Kummissarji Għolja
Mistednin Distinti
Għeżież ħbieb,
F’isem u f’isem Miriam, nirringrazzjakhom talli għoġobkom tiġu ssellmulna bħali parti mill-programm tal-Laqgħa tal-Ambaxxaturi.
Naf li għadkom ġejjin minn taħditiet dettaljati mil-lat tekniku u allura mhux ser nidħol f’dak il-mertu.
Nemmen li bħal dejjem, id-diskussjonijiet li kellkom ser ikunu ta’ ġid u li qsamtu esperjenzi u prattiċi li ser ikompli isaħħu x-xogħol tal-Ambaxxati u tal-Ministeru b’ mod aktar wiesgħa.
Minn naħa tiegħi, l-okkażjoni tal-lum nixtieq li sservi tlett funzjonijiet, Appell, Ringrazzjament u Tislima.
Ippermettuli nibda billi nagħmel appell b’saħħtu biex iżżommu l-valuri u l-prinċipji fuq quddiem nett tal-ħidma tagħkom u matul it-teħid ta’ deċiżjonijiet li jkollkom tieħdu.
L-interessi tal-pajjiż jiġu l-ewwel u qabel kollox.
B’dan irrid infisser kif apparti l-għarfien tagħkom tas-suġġetti u l-oqsma li ssegwu b’interess, kif ukoll ir-riżultati li tiksbu b’ mod tanġibbli, tkunu wkoll kapaċi tiddefendu dak li huwa tajjeb, u tieqfu għal dak li huwa ħażin.
Kapaċi tipperswadu li dak li qegħdin tippromwovi, huwa l-aħjar triq il-quddiem.
Użaw il-kariga u l-kwalitajiet tagħkom biex kif jippermettu ċ-ċirkostanzi, tiġġieldu l-inġustizzji globali u l-abbużi, u tkunu leħen għal min l-inqas li għandu setgħa.
Leħinna jaf huwa żgħir, iżda meta kien hemm bżonn jasal wassalnieh, u rajna riżultati.
Fil-kuntest imqalleb tal-lum, hemm bżonn iktar minn qatt qabel li nitkellmu kontra l-aggressjoni u l-vjolenza fuq in-nies ċivili, ir-ritaljazzjoni bla proporzjon, u atti li jkissru u jxejnu il-liġijiet internazzjonali, inklużi dawk umanitarji.
Fuq kollox irridu nsostnu li atti terroristiċi, ġejjin minn fejn ġejjin, huma dejjem kundannabbli bla ebda riżerva.
Biżżejjed insemmi dak li għaddej fl-Ukrajna u f’Gaza biex tifhmu kemm hemm bżonn ta’ ilħna bħal dawk ta’ Malta, li kontra kull kurrent, dejjem tibqa’ tfittex il-paċi u d-djalogu.
Żgur li taqblu miegħi meta ngħid li l-kumpass morali għandu jaħdem ukoll fid-diplomazija.
Ħa ngħaddi issa għar-ringrazzjament.
L-ewwelnett, inroddilkom ħajr għax-xogħol imprezzabbli li kull waħda u wieħed minnkom qegħdin tagħmlu – mhux għal ġieħkom, iżda għal ġid Malta; għall-imħabba lejn pajjiżna.
Ma hemmx sodisfazzjon akbar minn meta nkunu barra minn pajjiżna u nisma’ awtoritajiet barranin ifaħħru x-xogħol u l-kompetenzi tad-diplomatiċi Maltin.
Ngħid għalija, f’dawn il-ħames snin ta’ sfidi ma jonqsu qatt – tista’ tgħid li kelli sodisfazzjon kontinwa u kostanti – li nisma’ tifħir fuq l-uffiċċjali tagħna fil-qasam tad-diplomazija – minn kull qasam, kemm dak bilaterali, kif ukoll f’oqsma ta’ ħidma multilaterali.
Kull meta ltqajt mal-kollegi tiegħi Kapijiet ta’ Stat, jew mexxejja oħrajn, anki dawk ta’ Istituzzjonijiet Inter-Governattivi – kulħadd l-istess kelma qalli.
Ħafna minnhom jistaqsuni – kważi bi stagħġib – kif jirnexxielna nlaħħqu ma’ kollox u ma’ kulħadd, u nżommu l-kolp ma’ pajjiżi ferm akbar minna u mgħonija ferm aktar fir-riżorsi.
Il-limitazzjonijiet tagħna qatt ma xekklu l-aspirazzjonijiet tagħna jew il-kisbiet u l-miljiet li konna dejjem kapaċi nilħqu.
Dawn id-diffikultajiet dejjem irnexxielna ngħelbuhom.
Dan huwa mument distint u delikat ħafna fl-istorja diplomatika ta’ pajjiżna hekk kif qegħdin fit-tmun ta’ tnejn mill-ikbar żewġ istituzzjonijiet internazzjonali – il-Ġnus Magħquda u l-OSCE.
Hawnhekk, kif għamilt riċentement mal-kollegi barranin, ser nifraħ lill-Ministeru Ian Borg, għall-viżjoni, determinazzjoni u – nżid ngħid ukoll kuraġġ – ta’ kif qed imexxi l-politika barranija ta’ Malta.
Ian, għidtielek qabel, u nerġa ngħidlek illum – prosit.
Dan it-tifħir mhuwiex wieħed tal-okkażjoni jew xi wieħed li qed inwassal bla ħsieb.
Ix-xogħol bil-għaqal tagħkom stajt narah u mmissu jien stess b’idejja kemm fil-kapaċità tiegħi ta’ Ministru, kif ukoll issa bħala President ta’ pajjiżna.
Ilkoll tafu li l-linja tal-affarijiet barranin dejjem żammejtha fuq quddiem nett tal-ħidma tiegħi. Suġġett li dejjem ħabbejt.
Ngħidilkom b’ sens ta’ gratitudni li r-riżultati li stajt ksibt matul il-karriera tiegħi ma kienux ikunu possibbli mingħajr ix-xogħol tagħkom, u l-kuntatti b’saħħithom u ta’ kuljum li żammejtu magħna fl-Uffiċċju, u anki miegħi personalment.
Ma nsemmi l-ħadd partikolari, iżda nsellem lil dawk kollha li għallmuni, iggwidawni u wettqu l-proposti u l-pjanijiet tiegħi.
Apprezzajt ferm kif bosta minnkom, kull meta kontu Malta għal xi laqgħa jew żjara privata hawn Malta, ġejtu ssellmuli l-Palazz ta’ Sant’ Anton, u kellna skambji ta’ ħsibijiet li jiswew mitqlu deheb.
Tafu daqsi li ċertu żviluppi kunfidenzjali u anki xi inkwiet li seta’ nqala’ fil-pajjiżi fejn qed isservu, ma ssibhom miktubin imkien, u għalhekk apprezzajt ħafna dawn it-tip ta’ laqgħat li kellna tul dawn il-ħames snin.
Forsi ftit hemm barra huma konxji ta’ kemm il-kariga tagħkom li sservu barra mill-pajjiż hija waħda li titlob minnkom impenn u responsabbiltà kbar, u li xi kultant tfisser anki ċaħda – mill-familja, minn pajjiżkom, u anki mill-ħin liberu u delizzji tagħkom.
Il-Poplu Malti u Għawdxi għandu jkun grat lejkom għad-dedikazzjoni, professjonalità u anki sens ta’ sagrifiċċju li tagħmlu biex iżżommu isem Malta fl-ogħla livelli ta’ stima u rispett.
Ħafna drabi xogħolkom ma jagħtix riżultati ta’ malajr, iżda ġieli jgħaddu s-snin biex jidher ir-riżultat.
Kważi kważi, iktar minn karriera, din tagħkom hija vokazzjoni.
It-tieni ringrazzjament, kemm xejn iktar personali, nagħmlu għall-mod ta’ kif, kull fejn żorna Miriam, jiena u d-delegazzjonijiet tiegħi, dejjem ilqajtuna b’dirgħajkom miftuħin.
Ma nqastuna qatt kemm mill-perspettiva professjonali, għan-natura u dettall tal-laqgħat li ħejjejtulna, u anki mil-lat iktar personali bil-merħba sinċiera li dejjem tajtuna.
Ħafna minnkom, anki fil-pajjiżi l-iktar imbegħdin u mhux mingħajr kumplikazzjonijiet, ilqajtuna litteralment fi djarkom u laqqajtuna mal-familji tagħkom, u mal-Maltin li jgħixu barra f’atmosfera ta’ rispett u ħbiberija.
Dawn kienu kollha esperjenzi memorabli u emozjonanti, li kemm jien u kemm Miriam ser nibqgħu ngħożżu.
It-tielet ringrazzjament imur għall-uffiċċjali tal-Ministeru, ibbażati f’Malta li tul dawn il-ħames snin, anki taħt pressjoni kbira ta’ xogħol ma fallew qatt milli jipprovduli noti u materjal ieħor utli għal mijiet ta’ laqgħat, Konferenzi u Żjarat ta’ Korteżija li kelli.
Nitlob lis-Segretarju Permanenti, d-Diretturi Ġenerali u Diretturi preżenti hawn biex iwasslu dan l-apprezzament tiegħi lill-membri kollha tal-uffiċċjali tagħhom, mill-kbir saż-żgħir.
It-Tislima ħallejtha għall-għeluq.
L-aħħar kelmtejn tiegħi, huma sempliċi iżda sinċiera fl-istess ħin.
Hekk kif it-terminu tiegħi wasal biex jintemm ser insellmilkom għall-aħħar darba bħala President tar-Repubblika.
Miriam u l-istaff tiegħi – uħud minnhom tafuhom sew – jingħaqdu miegħi f’din it-tislima, u awgurju sinċier għal aktar suċċess fil-ħidma tagħkom u fuq kollox l-hena u s-saħħa.
Miriam u jiena nistednukom tiġu żżuruna bħala ħbieb, fid-dar tagħna ż-Żejtun, kull meta terġgħu tkunu Malta.
Grazzi.