George Vella

Speech during the commemoration of the 170th anniversary of the birth of Ġużè Muscat Azzopardi. (Speech in MT)

Rispettabbli Sindku,

Sinjuri Kunsilliera,

Sinjuri,

Illum kellna x-xorti, matul din il-lejla mużiko-letterarja, li nisimgħu dwar min kien Ġużè Muscat Azzopardi proprju hawnhekk f’raħal twelidu, f’Ħal Qormi. Ma nħossx li għandi għalfejn nirrepeti dak li diġà ntqal dwaru u dwar ħidmietu u li nittama li bħali ħadtu gost issegwu u titgħallmu aktar fuqu.

Nixtieq minflok naqsam magħkom żewġ riflessjonijiet dwar is-sinifikat ta’ ħidmet Muscat Azzopardi llum, fi żminijietna. L-ewwel riflessjoni hi marbuta mal-lingwa u t-tħaddim xieraq tagħha, li diġà rreferejna għaliha.

Bħalma tafu, matul il-Presidenza tiegħi ħdimt u għadni naħdem biex inseddqu l-għarfien dwar kif nużaw il-Malti, il-lingwa materna tagħna. Jeħtieġ, u naħseb li llum fil-pajjiż teżisti kuxjenza ġdida, li l-lingwa materna tagħna titħaddem tajjeb u b’mod meqjus. Ma naħsibx li hemm xi dubju li l-Maltin ma jridux jitkellmu bil-Malti. Ta’ dan għandna għarfien ukoll mill-istatistika u mir-riċerka li għandna f’idejna.

L-isfida li għandna quddiemna hi dik li nħaddmu lsienna b’mod tajjeb u meqjus mingħajr tniġġis li jitilfilha ruħha. Jinħtieġ li ma nħallux il-bilingwiżmu jtappan is-sbuħija tal-lingwa Maltija għaliex, bħalma spiss nisimgħu madwarna, il-konjugazzjoni tal-kelma Ingliża bil-Malti saret konvenjenza perikoluża. Perikoluża għaliex spiss ikollna l-kelma Maltija adatta u li spiss tirrifletti l-ħsieb b’mod aħjar u nwarrbuha biex nużaw xi ħaġa differenti. Nagħżlu li nwarrbuha għall-ebda raġuni partikolari. U dan huwa ħażin.

L-istess Ġużè Muscat Azzopardi jagħtina t-tweġiba għal din l-isfida. Azzopardi ma kitibx biex jesperimenta bil-Malti fi żmien meta l-lingwa tagħna kienet għadha ferm ’il bogħod milli jkollha r-rikonoxximent li tgawdi llum. Kienu żminijiet oħra. Azzopardi kiteb b’għan wieħed – dak li joħloq u jsawwar letteratura Maltija. Il-kontribut tiegħu jinsab f’kull qasam tal-letteratura Maltija. Minn proża għal poeżija u anki kritika. Minn kotba reliġjużi, kif rajna, għal rumanzi u bijografiji. Minn ġabriet ta’ poeżija għal xogħlijiet għall-palk. Il-pinna tiegħu kienet wiesgħa ħafna. U b’xogħlu saħħaħ ħafna l-lingwa mitkellma lil hinn mill-esperimentazzjoni. Ma kinitx għażla ta’ konvenjenza. Kienet għażla ta’ dak li kien mistenni u xieraq.

Iżda aktar minn hekk Ġużè Muscat Azzopardi ħaddem ukoll it-Taljan. Minbarra li kien eżaminatur tat-Taljan fl-Università u fis-Seminarju, għaraf ukoll iħaddem il-lingwa Taljana biex b’hekk nistgħu ngħidu wkoll li l-istess missier il-letteratura Maltija għaraf ukoll l-importanza ta’ lingwi oħrajn u l-għażla tat-Taljan kellha wkoll tintrabat ma’ raġunijiet storiċi ta’ dak iż-żmien.

Ma hemm xejn xi jżommna milli nħaddmu l-lingwi li nitħarrġu fihom. Din tabilħaqq hi rikkezza u vantaġġ kbir għalina. Dan kollu jpoġġina f’vantaġġ iżda dan l-istess vantaġġ ma għandux ikun kaġun li nitilfu lsien art twelidna. Ejja nħaddmu l-lingwi tajjeb u kif inhu xieraq. Iżda ejja wkoll nitkellmu u nħaddmu l-Malti b’mod xieraq u b’rispett lejn ir-regoli tal-lingwa.

It-tieni riflessjoni li nixtieq nagħmel hi marbuta mal-volontarjat. Il-karriera ta’ Ġużè Muscat Azzopardi hi damma sħiħa ta’ impenn favur il-poplu tagħna. Nista’ nsemmi r-rwol tiegħu bħala membru fundatur tal-Għaqda Kittieba tal-Malti li aktar tard, bħalma diġà ntqal, saret l-Akkademja tal-Malti. Nista’ nżid ukoll ir-rwol attiv tiegħu f’Ħal Qormi bħala raħal twelidu, l-aktar fejn għandhom x’jaqsmu l-għaqdiet soċjali u mużikali ta’ dan il-post.

Il-volontarjat jinsab għaddej minn sfidi kbar wara l-imxija tal-COVID-19. In-numru ta’ dawk li lesti jagħtu minn ħinhom għall-ġid tas-soċjetà u l-progress tagħha, illum ma għadux daqstant kotran u numeruż daqskemm kien ftit snin ilu.

Ejja nħarsu lejn l-eżempju ta’ Ġużè Muscat Azzopardi li minkejja l-professjoni tiegħu, għaraf jagħti kontribut għall-ġid tas-soċjetà. Ejjew ma ninsewx li l-volontarjat hu rikkezza li pajjiżna ma jiflaħx jitlef għaliex il-ġid li jsir, ukoll fil-lokalitajiet tagħna ma’ Malta kollha, ma jkunx jista’ jitwettaq mingħajru.

Ħsieb ieħor li xtaqt inħallikom bih qabel nagħlaq huwa dwar kemm huwa ġust u xieraq li ma ninsewx lil dawk il-persuni li fil-passat għamlu tant ġid lil pajjiżna.

Ħafna minnhom bilkemm niftakruhom aħseb u ara kemm infakkru xogħlijiethom u napprezzawhom. Dan huwa ħażin, għaliex dawn huma dawk li b’ħidmiethom għenu biex pajjiżna jsir nazzjon.

Jixraq li jkollna, bħalma għandhom pajjiżi oħra, post, mużew, gallerija tal-arti fejn ikunu mfakkra dawn in-nies fuq bażi permanenti.

Nagħlaq billi nifraħ lill-organizzaturi għal din l-okkażjoni fejn stajna nħarsu mill-qrib lejn persunaġġ daqstant importanti mhux biss fejn għandu x’jaqsam ilsienna, il-Malti, iżda wkoll fl-impenn għall-ġid tas-soċjetà. Jalla l-eżempju ta’ Muscat Azzopardi jibqa’ validu għal din il-komunità daqskemm hu validu għal dawk kollha li jaħdmu u jirsistu b’risq il-lingwa Maltija.

Nirringrazzjakom.

Skip to content