George Vella

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, during the conference entitled ‘Children and Addiction’ organised by OASI Foundation, 7th July 2023. (Speech in MT)

Insellmilkom.

Nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-Fondazzjoni OASI li għal sena oħra għoġobha tistedinni biex naqsam magħkom xi ftit ħsibijiet fuq suġġett daqstant importanti.

Waqt it-taħditiet li saru matul din il-konferenza, ħareġ biċ-ċar l-impatt negattiv fuq it-tfal ta’ dawk l-individwi li jsofru minn problemi relatati mal-vizzji.

Il-vizzju jaf jieħu forom differenti.  Il-vizzju ma jinvolvix biss l-użu tas-sustanzi imma jista’ wkoll jinvolvi logħob tal-azzard, sess, l-użu tal-internet u tal-midja soċjali, fost oħrajn.

Il-vizzju jikkawża sfidi u diffikultajiet kbar fuq il-persuni li jsofru minn xi tip ta’ dipendenza jew xi ħaġa oħra.  Però ħafna drabi, waqt li jkunu qegħdin imissu ma’ dan il-vizzju, dawn l-individwi jkunu wkoll qed ifittxu wens, xi forma ta’ wens, li jista’ jservi ta’ kenn mill-problemi u mill-inkwiet tal-ħajja ta’ kuljum.

Jien napprezza li hemm ħafna li għad irid isir fir-rigward tal-persuni li huma vittmi tad-dipendenza.

Fl-istess ħin, huwa importanti wkoll li nirrikonoxxu li l-imġiba li tirriżulta mill-vizzju jista’ jkollha wkoll impatt fuq dawk ta’ madwar il-vittmi stess, partikolarment fuq uliedhom.

F’dan l-isfond, ninnota b’sodisfazzjon li din il-konferenza ffukat fuq it-tema ta’ ‘It-Tfal u l-Addiction’ biex tinħoloq aktar kuxjenza fuq kif it-tfal jiġu affettwati meta jkollhom lil xi ħadd mill-familja li jsofru minn xi vizzju.

Hawn m’aħniex qegħdin nitkellmu fuq it-tfal li jistgħu jkunu qabdu l-vizzju huma stess.  Sfortunatament dan qiegħed jiġri, u b’għafsa ta’ qalb ninnota li l-età ta’ dawk li jidħlu f’dipendenzi, skont l-istatistika li għandna, qiegħda dejjem tiżdied, u tinkludi anke tfal.

Irrispettivament minn kemm ikollna żmien, aħna dejjem xi ftit jew wisq niġu influwenzati min-nies li jrabbuna.  Dawn l-influwenzi jinkludu mhux biss il-ġeni li jintirtu mill-ġenituri bijoloġiċi, iżda wkoll l-imġiba, id-drawwiet, il-valuri u l-istil ta’ komunikazzjoni li nitgħallmu minn dawk l-adulti li jrabbuna u jieħdu ħsiebna aħna u nikbru.

F’din il-konferenza rajna li l-mod kif iġibu ruħhom il-ġenituri għandu impatt qawwi fuq kif it-tfal jaħsbu u jħossuhom dwarhom infushom u anke fuq id-dinja ta’ madwarhom.  Meta l-ġenituri jiżviluppaw jew ibatu minn xi vizzju, dan ikollu impatt fuq is-saħħa fiżika u anke dik emozzjonali tagħhom, u konsegwentement fuq il-kapaċità li jrabbu kif suppost lil uliedhom b’mod effettiv.  Jekk xejn, hemm l-effett dirett tal-eżempju ħażin.

Il-vizzju mhux biss għandu effetti dejjiema fuq l-individwu li jkun waqa’ vittma – il-vizzju jaffettwa wkoll b’mod sinifikanti lill-maħbubin tagħhom, u kif diġà għedna, b’mod speċjali lil uliedhom fi kwalunkwe stadju tal-iżvilupp tagħhom.

Sfortunatament, huma ħafna dawk it-tfal li jikbru, u li qegħdin jikbru, f’ambjent fejn hemm preżenti l-problema tal-vizzju.

Tul din il-Presidenza, jien dejjem sħaqt li t-tfal tagħna huma l-fulkru fuq xiex jiddependi l-ġejjieni u l-iżvilupp ta’ pajjiżna.  It-tfal huma bħal żerriegħa li maż-żmien, mogħtija l-attenzjoni u l-imħabba li jixirqilhom, trid fl-aħħar mill-aħħar, tieħu l-frott minnhom.  Skont kif nieħdu ħsiebhom u kif inrabbuhom, dan jiddetermina x’tip ta’ adulti jsiru meta jikbru.

Ambjent fejn hemm il-vizzju jaffettwa ħażin ħafna lit-tfal li jistgħu jispiċċaw isofru minn trawma jew problemi relatati mas-saħħa mentali, jew agħar minn hekk, jekk kemm-il darba jitħajru jaqbdu l-vizzju huma stess.

Il-problemi relatati mal-impatt fuq it-tfal li huma esposti għall-vizzju għandhom jiġu indirizzati mill-iktar fis.

Inkunu qed nitilfu opportunità tad-deheb jekk ma nħarsux lejn dan il-fenomenu minn bosta angoli sabiex inkunu nistgħu nifhmu tassew u aħjar l-impatt tal-vizzju fuq it-tfal u biex, konsegwentement, inkunu nistgħu noffru lil dawn it-tfal is-sostenn kollu li għandhom bżonn.

Sinjuri,

Jiena nemmen bis-sħiħ li l-involviment tas-soċjetà ċivili – b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi – huwa importanti sabiex nindirizzaw l-impatt tal-vizzju ta’ qraba u ħbieb fuq it-tfal.

L-attivitajiet numerużi u l-kisbiet ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-ġlieda kontra l-problemi kkawżati mill-vizzju huma xhieda tal-impenn u tal-involviment tagħhom biex jippromwovu l-prevenzjoni tal-abbuż u jgħinu anke lil dawk li għandhom bżonn jindirizzaw il-ħsarat relatati mal-vizzju.

Jiena nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-Fondazzjoni OASI tax-xogħol siewi li qed jagħmlu fil-qasam tar-riabilitazzjoni.  L-impenn tagħkom favur il-ħajja ħielsa mix-xkiel tad-dipendenza tagħti tama ta’ futur aħjar lil bosta nies li jfittxu l-għajnuna professjonali tagħkom.

Kif nafu tajjeb, l-impatt tal-vizzju jmur lil hinn mill-klassi, mir-razza jew mil-livell ta’ edukazzjoni.  Minħabba dan, jien dejjem nisħaq li l-prevenzjoni tal-addiction teħtieġ sforz kollettiv sabiex din l-isfida tiġi megħluba b’mod komprensiv.  Ma nistgħu nħallu lill-ebda membru tas-soċjetà tagħna waħdu jew waħedha f’mumenti ta’ diffikultà hekk kbira.

Huwa għalhekk importanti li, bħala soċjetà, nuru aktar empatija u napprezzaw li l-ħajja toffri sfidi lil kulħadd, b’mod differenti.  Kemm jista’ jkun, irridu nevitaw kliem ta’ disprezz li jwaqqa’ d-dinjità tal-persuna.  Soċjetà li hi kapaċi tagħder u tħenn hija tassew il-pedament ta’ kull suċċess li pajjiż jista’ jikseb u ċertifikat ta’ soċjetà matura.

U għalhekk irrid inħeġġeġ ukoll minn hawnhekk lill-awtoritajiet konċernati sabiex jassiguraw li l-ħidma tagħhom favur il-ġustizzja soċjali tkompli tissaħħaħ billi jkomplu jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom kull meta jkun hemm bżonn.

Il-qafas legali jrid ikompli jservi bħala sostenn għal dawk li għandhom bżonn il-kura, u fl-istess waqt ikun ta’ deterrent għal oħrajn li b’xi mod jagħmlu, jew jitħajru jagħmlu, profitt mid-dgħufija u l-vulnerabilità ta’ ħaddieħor.

Jiena konvint, fuq kollox, li għandna naħdmu iktar sabiex inħejju iktar inizjattivi edukattivi u implimentazzjoni ta’ programmi għall-ġid ta’ dawk li jsofru minn dipendenza fuq il-vizzju.

Nagħlaq dawn il-kelmtejn qosra billi nisħaq dwar l-importanza li nrawmu soċjetà inklussiva u li turi empatija u li lesta tilqa’ bi ħġarha u tieħu ħsieb lil dawk ħutna li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ dipendenza.  Irridu nkomplu naħdmu sabiex nibnu ambjent soċjali dejjem iżjed inklussiv li jħares is-saħħa kemm ta’ min hu vittma tal-vizzju, iżda wkoll tal-maħbubin tagħhom, b’mod speċjali lil uliedhom.

Nirringrazzjakom tax-xogħol tagħkom.

Grazzi.

Skip to content