Onorevoli Ministru,
Segretarji Parlamentari,
Darren Carabott,
Presidenti tar-Reġjuni,
Sindki,
Segretarji Eżekuttivi,
Kunsilliera,
Insellmilkom.
L-ewwel nett, nixtieq nirringrazzja u ngħid li lqajt bi pjaċir din l-istedina biex hawn flimkien magħkom niċċelebraw it-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex.
Tul dawn it-tletin sena, rajna tibdil kbir fis-soċjetà Maltija, u tista’ tgħid li l-Kunsilli Lokali kienu parti sħiħa minn dan l-iżvilupp u għexu dan it-tibdil flimkien maċ-ċittadini u mar-residenti tal-irħula u tal-ibliet tagħna.
Mindu ġiet imdaħħla s-sistema tal-Gvern Lokali permezz tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali fl-1993, għaddiet ġenerazzjoni sħiħa.
Tul dawn is-snin, pajjiżna għadda minn riformi ekonomiċi b’saħħithom, kabbar l-oqsma tal-investiment, sar membru tal-Unjoni Ewropea, fetaħ il-bibien tiegħu għal bosta barranin, u kif għamel kull pajjiż ieħor – mexa maż-żminijiet.
Anki l-Kunsilli Lokali stess għaddew minn riformi importanti bħal pereżempju l-elezzjoni għal ħames snin minflok tlieta.
Minkejja dan kollu, il-Kunsilli Lokali kienu u baqgħu l-ewwel post fejn iċ-ċittadin jirrikorri biex iħares it-tisħiħ u t-tisbiħ tal-lokalità tiegħu, iż-żamma tal-ġonna pubbliċi u l-faċilitajiet lokali l-oħra.
Għall-funzjonijiet li qdejtu u għas-servizz li tajtu tul dawn is-snin, lilkom u lil dawk kollha li ġew qabilkom, xieraq li llum, f’isem il-Poplu Malti u Għawdxi kollu, inwasslulkom ringrazzjament kbir.
Dan ir-radd il-ħajr huwa ferm aktar f’waqtu meta nqisu li l-ħidma kollha tagħkom issir fil-ħinijiet ta’ wara x-xogħol. Meta waqt li forsi ħaddieħor ikun qiegħed igawdi xi ftit ħin ta’ mistrieħ mal-familja u l-ħbieb, intom tkunu qegħdin tħabbtu wiċċkom ma’ xi każ diffiċli, jew inkella xi lment min-naħa taċ-ċittadin.
Però, bħalma tafu, ix-xogħol baqa’ dejjem għaddej minkejja li f’xi mument jew ieħor, iltqajtu ma’ każijiet diffiċli, jew sfidi ta’ fondi jew ta’ riżorsi.
Anki meta ġara dan, żgur li ħadd minnkom ma ried jew xtaq li jgħid lil min kien qiegħed ifittxu biex jinqeda, li m’għandux ħin, jew li forsi m’għandux fondi jew riżorsi għalih.
Mill-ħafna laqgħat li kelli magħkom il-Kunsilli Lokali, u waqt il-funzjonijiet numerużi li attendejt fil-lokalitajiet tagħkom bħala President, stajt immedjatament ninduna u napprezza kemm huma kbar ir-responsabbiltajiet li għandkom.
Dan stajt faċilment narah ukoll jiena stess bħala ċittadin privat u bħala sempliċi resident.
Ngħidha, bejn verità u bejn nofs ċajta, imma min jaf kemm jiena stess – il-mara aktar minni ħafna drabi – bħal eluf ta’ Maltin u Għawdxin oħra, sibna ruħna f’sitwazzjonijiet jew ċirkostanzi fejn l-ewwel reazzjoni tkun: Ħa nċempel il-Kunsill!
Naf li waħda mill-akbar uġigħ ta’ ras tagħkom huma l-finanzi. Ċert li b’aktar fondi, kieku tagħmlu ħafna aktar. Naf ukoll li problema komuni hija dwar fejn jibdew u jispiċċaw il-kompetenzi tagħkom u dawk tal-gvern ċentrali, speċjalment fejn tidħol l-infrastruttura. Irrid ngħid ukoll li fejn jidħol il-ħarsien tal-ambjent, għandna bliet u rħula li, taħt id-direzzjoni tal-Kunsilli Lokali, għamlu progress enormi u ssebbħu tassew.
Huwa l-fatt li qegħdin daqshekk qrib il-poplu li jagħmel il-Kunsilli punt ta’ referenza uniku fil-komunitajiet tagħna.
Hawnhekk ser insemmi punt ferm għal qalbi u li nitkellem fuqu ħafna drabi. Qed nirreferi għall-multikulturaliżmu, li diġà naf li bosta fostkom qed jaħdmu sew fuqu fid-distretti u fl-ibliet u l-irħula tagħkom.
Hekk kif hawn fostna bosta residenti minn pajjiżi, kulturi u reliġjonijiet differenti, ikun tassew messaġġ pożittiv ta’ inklużjoni u integrazzjoni jekk fl-attivitajiet tal-lokalitajiet tagħkom tibdew, jew tkomplu jekk ġa bdejtu, tinkludu lil dawn il-komunitajiet.
Hemm ħafna lejn xiex wieħed iħares, minn attivitajiet folkloristiċi u tradizzjonali, u ngħaddu għall-isports, u anki l-festi tal-ibliet u l-irħula tagħna.
Jiġuni f’moħħi, b’mod speċjali, it-tfal jew iż-żgħażagħ li minkejja li l-ġenituri tagħhom huma barranin, uliedhom qed jitrabbew fostna u magħna daqslikieku kienu Maltin, speċjalment fl-iskejjel tagħna.
F’moħħi, il-Kunsilli għandhom funzjoni ewlenija biex tkompli tissaħħaħ l-għaqda f’Malta u Għawdex, u din għandha tinkludi wkoll lir-residenti barranin.
Inħallikom b’dawn il-ftit ħsibijiet tiegħi u qabel nagħlaq intennilkom mill-ġdid l-apprezzament tal-poplu Malti u Għawdxi għall-ħidma sfiqa tagħkom.
Komplu aħdmu biex bħalma rnexxielkom tagħmlu s’issa, tagħtu prova li d-devoluzzjoni ta’ ċertu aspetti tal-amministrazzjoni pubblika, mill-gvern ċentrali għall-awtoritajiet lokali, ħalliet riżultati pożittivi, u nemmen u nispera u nawguralkom li tkomplu tkunu wkoll, iktar ’il quddiem, fl-aħjar interess taċ-ċittadini kollha.
Nirringrazzjakom.