George Vella

Speech by His Excellency George Vella, President of Malta, for the launch of the August Moon Ball, 28 June 2023, (Speech in MT)

Bonġu lil kulħadd.

Grazzi li ġejtu dalgħodu, speċjalment il-midja, għax kif qal il-Markeżin, permezz tagħkom inkunu nistgħu nxandru dan l-appell, dan il-messaġġ, li qegħdin nagħmlu dalgħodu hawnhekk.

Il-messaġġ huwa illi f’Awwissu ħa jerġa’ jkun hemm xi ħaġa li saret tradizzjonali issa anki fid-djarju tal-Presidenza, The Ball of the August Moon, u bħalma qal, dan ħa jkun l-aħħar wieħed tal-Presidenza tiegħi.

Jiena rrid nirringrazzja lill-Markeżin u lill-kumitat organizzattiv mhux biss għax-xogħol li jagħmlu biex jippreparaw għal din is-sena, però għall-ballijiet l-oħra kollha li kien hemm matul il-Presidenza tiegħi. U rrid ngħid illi naħseb ma kienx hemm żmien meta kienu daqshekk diffiċli meta speċjalment konna qegħdin nippruvaw li nibqgħu għaddejjin nagħmlu l-affarijiet xorta taħt il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li kellna minħabba l-COVID, fejn qgħadna nkejlu l-imwejjed kemm ikunu ’l bogħod, is-siġġijiet kemm ikunu ’l bogħod, restrizzjonijiet fuq numri u l-affarijiet l-oħra kollha. Dak żmien li għadda, żmien sabiħ illi jerġa’ jipprova għal darba oħra l-kapaċitajiet tal-organizzazzjoni li kellu l-Markiż ħalli jipprova jżomm lil kulħadd flimkien għaliex kienu anki s-snin fejn, minkejja kollox, ukoll nista’ ngħid li kellna suċċess.

Irrid, bħalma għamlu ta’ qabli, anki nirringrazzja bl-iktar mod speċjali lill-isponsors kollha, mhux se nsemmihom jien, però kulħadd jaf li mingħajr l-għajnuna tagħhom attivitajiet bħal dawn kieku ma jkunux jistgħu jsiru.

Min-naħa l-oħra, nixtieq illi wieħed iżomm f’moħħu illi din, apparti li hija event, xi ħaġa illi kulħadd jieħu pjaċir jattendiha għaliex tipprovdi ambjent sabiħ, ambjent ta’ divertiment, ta’ rilassament, però wkoll irridu niftakru li din hija xi ħaġa, kif jgħidu bl-Ingliż, “with a cause”. Din għandha xi ħaġa illi qegħdin nikkontribwixxu mhux biss biex nieħdu pjaċir niġu hawnhekk ingawdu l-ambjent ta’ madwarna u l-ilbies u dawn l-affarijiet kollha, però wkoll nafu li dawk il-flus ħa jmorru għal kawża ġusta. Il-kawża tal-Community Chest Fund.

Bħalma tafu, dan huwa wieħed mill-ikbar avveniment illi nagħmlu matul is-sena. Fost ħafna avvenimenti oħra, dan huwa l-iktar wieħed li huwa, ħa ngħid hekk, kbir, li jispikka, imma fl-istess ħin ukoll illi jagħti l-iktar sodisfazzjon.

Irridu niftakru li dawn huma flus li qegħdin imorru għal kawża ġusta illi, sfortunatament – niddejjaq nirrepeti imma tajjeb li wieħed dawn il-ħsibijiet isammarhom f’moħħ in-nies – kawża illi qed dejjem titlob iktar u iktar flus mill-Community Chest Fund, minn min qed jorganizza. Ir-raġunijiet huma li xterrdu l-kawżi li wieħed japplika għalihom, żdiedu, sfortunatament, in-nies li jitolbu għajnuna, kemm ta’ mediċini u kemm ta’ għajnuna għal meta jsiefru barra, u hija xi ħaġa li żgur tiddependi biss, biex wieħed ikompli jissodisfa dawn it-talbiet, mid-dħul. Jekk ma jkollokx dħul, ma tistax tissodisfa dawn it-talbiet.

Ma rridx nagħfas iżżejjed fuq dan il-punt, imma rrid inżomm f’moħħ in-nies illi din mhix sempliċement ħaġa li ħa nħallas ħa mmur niddeverti, però ħa nħallas u fl-istess ħin naf li qed nikkontribwixxi għal kawża ġusta li hija ta’ valur soċjali qawwi.

Jiena m’għandix ħafna iktar xi nżid. Nixtieq illi nirringrazzja lil kulħadd. Nappella għal dawk kollha illi s’issa dejjem kienu patrons u dejjem sibniehom jgħinuna f’din l-attività, u nixtieq illi din is-sena tkun waħda, kif dejjem ngħidu, dejjem aħjar minn tas-sena ta’ qabel ħalli jkun hemm iktar fejn wieħed jieħu pjaċir.

Bla dubju ta’ xejn irrid insemmi wkoll, bħalma semmew diġà, lil kull min jikkontribwixxi, apparti l-isponsors, il-Forzi Armati ta’ Malta, b’mod partikolari, li sena wara sena dejjem iżommu ċertu pjaċir matul dan l-avveniment.

Jien nirringrazzjakom u nixtieq illi, kif qegħdin ngħidu, din is-sena tkun sena partikulari speċjalment anki peress li ħa tkun l-aħħar waħda illi qiegħda ssir taħt il-Presidenza tiegħi. ’Il quddiemhom imbagħad wieħed jara.

Nirringrazzjakom u grazzi talli ġejtu dalgħodu.

Skip to content