George Vella

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, during the Public Service Awards Ceremony. 12th May 2023. (Speech in MT)

Segretarju Permanenti Ewlieni,

Segretarji Permanenti,

Mistednin distinti,

Nibda billi nirringrazzjakom ta’ din l-istedina tal-lejla biex flimkien nagħrfu x-xogħol siewi u bla waqfien li jsir fis-Servizz Pubbliku.

Ta’ kull sena huwa pjaċir għalija li ningħaqad magħkom biex inħarsu flimkien lejn l-iktar kisbiet sinifikanti tas-Servizz Pubbliku, u fl-istess okkażjoni nifirħu lil dawk kollha li ser ikunu qegħdin jiġu ppremjati għal xogħolhom.

Kif diġà ntqal, din is-sena tfassal programm ġdid u innovattiv.

L-attivitajiet fil-fatt laħqu l-qofol tagħhom permezz tal-EXPO, li hemm hemm barra u li għadni kif dort, u li nista’ ngħidilkom li hija tassew interessanti u li nħoss li tat ħafna spazju għal ideat u viżjonijiet ġodda li bihom ser tkompli tissaħħaħ l-effiċjenza tas-Servizz Pubbliku.

Jiena nawgura wkoll li, kif qaluli, kien hawn dawn it-tfal kollha llum, li wħud minnhom jispiraw ruħhom li jaqbdu karriera fis-Servizz Pubbliku.

Dan it-tiġdid sar parti sħiħa mill-preżent u l-futur tal-ħidma tagħkom fis-Servizz Pubbliku.

Ix-xogħol tagħkom jinvolvi proċess li jibqa’ għaddej il-ħin kollu u li ma jista’ qatt ikun statiku, speċjalment biex ilaħħaq u jaġġorna ruħu mal-iżviluppi fit-teknoloġija li rajna kontinwament hemm barra f’kull stand li waqaft fiha.

Minnu nnifsu, is-Servizz Pubbliku għandu dejjem jevolvi u jinbidel biex jilħaq il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ soċjetà li hija dejjem għaddejja ’l quddiem, soċjetà dinamika u li qed tiżviluppa u li ovvjament anke tara postijiet oħra u tippretendi servizz li jkun qed jiġi aġġornat skont iż-żminijiet u ċ-ċirkostanzi.

Ilkoll nifhmu kif it-teknoloġija għandha rwol ċentrali biex ikompli jintlaħaq dan il-għan. U nerġa’ nirrepeti, dan rajnieh hemm barra fl-EXPO fejn kull dipartiment u kull settur huwa mmexxi jew qed juża teknoloġija li hija xi ħaġa tal-għaġeb.

Fil-kuntest modern li qegħdin ngħixu fih, filwaqt li parti sew mill-popolazzjoni għadha tfittex servizzi pubbliċi wiċċ imb wiċċ fid-dipartimenti u l-uffiċini – jiġuni f’moħħi pereżempju l-anzjani li sfortunatament mhux kollha forsi għandhom l-għarfien meħtieġ jew inkella l-mezzi meħtieġa u allura jippreferu li jmorru jinqdew personalment – però hemm persentaġġ ieħor, dejjem jikber, li jfittex li jinqeda fl-inqas ħin u bl-inqas skariġġ possibbli. U dan isir possibbli minħabba l-użu tat-teknoloġija moderna.

Hawnhekk joħroġ biċ-ċar il-valur tat-teknoloġija mobbli li toffri soluzzjonijiet immedjati, bla ma wieħed joqgħod jinqala’ minn daru u jaħli ħinijiet twal fil-kju jew inkella ħin twil fuq it-telefon.

Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, dawn is-servizzi m’għadhomx meqjusa bħala lussu, iżda pjuttost saru bżonn. Hija xi ħaġa li iktar ma l-ġenerazzjonijiet tagħna javvanzaw, iktar jibdew iqisuh bħala dritt illi inti tinqeda billi tuża t-teknoloġija.

Għalhekk ninnota b’sodisfazzjon li s-Servizz Pubbliku qabad direzzjoni iktar mgħaġġla għal iktar diġitalizzazzjoni. Hemm ħafna investiment teknoloġiku, u b’hekk qed ikun iktar f’pożizzjoni li jilħaq l-aspettattivi tan-nies illum il-ġurnata u, iktar u iktar, il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar li bħalma nafu llum il-ġurnata saru part and parcel mit-teknoloġija moderna.

Id-diversi proġetti li rajna fl-EXPO huma xhieda ta’ dan. Jekk ikun hemm bżonn prova, wieħed jerġa’ jiftakar f’kull dipartiment, kull settur li rajna u jara li kollu prattikament jiddependi fuq it-teknoloġija moderna.

Rajna proġetti li minnhom, dak li fl-aħħar mill-aħħar ser igawdi mill-benefiċċji, jibqa’ dejjem iċ-ċittadin.

Waqt li kont qed inżur il-wirja, rajt soluzzjonijiet imħaddma b’kapaċità u, f’diversi okkażjonijiet, anke żviluppati mill-uffiċjali pubbliċi tagħna. Jiena ningħaqad mas-Segretarju Permanenti Ewlieni fejn infaħħar lill-ħaddiema tal-Gvern, tas-Servizz Pubbliku u anke nagħti l-ikbar prosit għall-ħafna avvanzi li għamlu mhux biss bit-teknoloġija li ġiet importata imma anke li ġiet żviluppata minn membri tas-Servizz Pubbliku Malti stess.

U allura dan huwa element importanti ħafna u kunsiderazzjoni importanti ħafna għaliex filwaqt li qabel, biex ngħid hekk, is-Servizz Pubbliku kien li tidħol skrivan mal-Gvern, li tidħol taħdem mal-Gvern, illum il-ġurnata qed joffri ħafna karrieri anke speċjalizzati b’ħiliet varji. U dan huwa xi ħaġa li għandu jkun ta’ attrazzjoni, ta’ kalamita għaż-żgħażagħ tagħna biex iħarsu lejn is-Servizz Pubbliku, l-ewwel nett, b’rispett u, it-tieni, jivvalutaw il-possibbiltajiet li tagħtik karriera f’dan is-Servizz.

Dan l-għatx biex is-Servizz Pubbliku jilħaq dejjem livelli ogħla joħroġ bid-deher meta tikkunsidra li s-Servizz Pubbliku Malti diġà ilu jiġi ċċertifikat fost l-aqwa pajjiżi fl-Ewropa f’dak li huwa l-eGovernment, għal sena wara oħra, mill-Kummissjoni Ewropea. Din hija xi ħaġa li għandna nkunu kburin biha.

Huwa dan li ċ-Ċittadin Malti u Għawdxi jistenna. Jistenna Servizz Pubbliku li jkun motivat, u iktar milli motivat, anke li jkun ambizzjuż li jinvesti f’għada u fil-futur.

Sinjuri,

Nagħlaq billi nieħu l-okkażjoni biex inrodd ħajr lil kull uffiċjal pubbliku tal-impenn tiegħu fil-livelli kollha, u nifraħ lill-uffiċjali u d-dipartimenti li llejla ser jiġu rikonoxxuti għax-xogħol tagħhom f’diversi oqsma.

Nixtiqilkom il-kumplament tal-lejla t-tajba u grazzi tas-servizz li tagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Skip to content