George Vella

Closing Speech by His Excellency George Vella, President of Malta, during the I.N.T. (Irrid Nikber fit-Tjubija) Award Ceremony. Ħal Qormi. 21st April 2023. (Speech in MT)

Rispettabbli Sindku,

Sinjuri Kunsilliera,

Sinjuri,

Qabel nibda, għandi ftit noti hawnhekk, irrid nirringrazzja minn qalbi lill-kumitat, lill-Kunsill li jorganizza din l-attività.

Bħalma tistgħu timmaġinaw ċelebrazzjonijiet bħal dawn għalija huma ta’ importanza kbira għaliex hemmhekk inkunu qegħdin nitkellmu fuq l-imġiba u l-mod kif nixtiequ naraw is-soċjetà tagħna tikber u kif iż-żgħażagħ tagħna jiżviluppaw. Nitkellmu fuq il-valur tal-imħabba, nitkellmu fuq il-valur tas-solidarjetà u fuq il-valur tat-tjubija.

Irid jingħad li dawn il-valuri, li għandhom jiġu mħaddna minn kull wieħed u waħda minna, iridu jiġu aċċettati u pprattikati mhux biss mit-tfal, imma anki mill-kbar. Immaġinaw kemm inkunu qed ngħixu ħajja fqira jekk aħna ma ngħixux f’ambjent li jagħtina sens ta’ kuntentizza u ta’ għożża.

Nafu li l-ħajja mhux dejjem tkun ward u żahar.  

Il-ħajja għandha t-tlugħ u l-inżul. 

Imma minkejja d-diffikultajiet kollha li nesperjenzaw f’ħajjitna, ilkoll napprezzaw il-wens li jagħtina kliem ta’ faraġ jew imġiba li tagħmlilna kuraġġ jew li tagħti kuraġġ lil ħaddieħor. Dan jifforma parti mit-tama li jkollna bżonn sabiex inkomplu naħdmu, f’ċerti ċirkostanzi f’ħajjitna iktar minn ċirkostanzi oħra, u biex inkomplu nistinkaw biex nilħqu l-għanijiet tagħna u biex nirbħu d-diffikultajiet li kultant inkunu għaddejjin minnhom.

Huwa proprju għalhekk li lil Christa u lil Luigi qegħdin nagħtuhom il-Premju ‘Irrid Nikber fit-Tjubija’ llum. Però bħalma ntqal diġà, dawn mhumiex l-uniċi żewġt itfal, li qegħdin nippremjawhom għax huma biss jagħmlu dan ix-xogħol. Jien konvint li ħafna tfal jgħixu din il-ħajja.

U rrid nagħmel rimarka hawnhekk, li min jistudja t-tfal jaf li meta jibdew it-tfal ma jkollhomx differenzi, m’għandhomx mibegħda, m’għandhomx distinzjoni, jaċċettaw lil kulħadd, jilagħbu bejniethom, m’hemmx kulur u m’hemm xejn. Meta jibdew jikbru mbagħad nibdew infesfsulhom f’widnejhom: “U għax dak hekk”, u “għax dik ta’ dak, u dak tal-ieħor” u noqogħdu attenti. U hawnhekk il-periklu li qegħdin inġibu dawn l-affarijiet aħna l-kbar fit-tfal li ma nħalluhomx jikbru – ma ngħidx fl-innoċenza tagħhom – imma fl-aċċettazzjoni ta’ dak li għalihom huwa naturali.

Jien ċert li dan it-tfal ma jagħmluhx biss bħala sens ta’ dover. Jiena ċert li Luigi u Christa jħossuha naturali li jagħmlu dak li jagħmlu, mhux dover biex jgħidu: “Imbagħad nirreġistra biex imbagħad nieħu l-premju biex jgħidu li jiena rbaħt premju tat-tjubija”. Dawn jagħmluh għaliex iħossu li hu dover u f’qalbhom, dawn it-tfal, iħossu ferħ u sens ta’ sodisfazzjon bl-għemil tagħhom għaliex jaraw li lil min qegħdin jagħmlu servizz, lil min qegħdin jgħinu, qed jagħtuh iktar kuntentizza u qegħdin ikunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor. Kulħadd jaf, anki jekk toffri jdejk lil xi ħadd biex jaqsam it-triq, qed tagħmel ġest biex tgħinu. U dak li jkun jgħidlek grazzi għaliex hija xi ħaġa pożittiva. Immaġinaw it-tfal li jkunu l-ġurnata kollha fl-iskola flimkien u, kif urejtu diġà, xi ħadd illi jitfa’ għajnejh fuq xi ħadd li jħoss li għandu bżonn l-għajnuna tiegħu u jagħtihielu b’mod inkundizzjonat u għaliex irid verament jurih qalbu.

U għalhekk kif semma s-Sindku Dr Masini Vento, jista’ jkun li fl-innoċenza tagħhom it-tfal lanqas ikunu qegħdin jirrealizzaw kemm ikunu qed jagħmlu ġid bl-azzjonijiet tagħhom. Dawn huma azzjonijiet li għalihom jiġu naturali. U din nixtieq li nifhmuha illi t-tfal, jekk aħna nħalluhom jagħmlu dak li għandhom jagħmlu bla ma noqogħdu infesfsulhom f’widnejhom, jibqgħu jagħmlu l-affarijiet b’mod naturali. Eventwalment, iktar ma jikbru, il-ħajja toffri problemi u jibdew imbagħad ibiddlu l-attitudni tagħhom.

Huwa dan li rridu niċċelebraw illum. Il-fatt li dawn it-tfal, b’għemilhom, jagħżlu li jkunu twajba u mhux jagħmlu dak li jagħmlu sempliċiment għax hekk hemm bżonn, jew biex jieħdu xi pjaċir lura minn dak li jkunu qegħdin jagħmlu. 

Illum Christa u Luigi qed jagħtu lilna l-adulti tagħlima kbira. 

Kemm hu sabiħ li nagħtu lilna nfusna u li ngħinu lil ħaddieħor bla ma nistennew xejn lura.

U dwar dan, ejjew nirriflettu ftit. F’dan il-pajjiż mhux biss it-tfal. Għaliex ħafna drabi l-midja ħlief l-ikrah ma tpinġix, ħlief l-imgħawweġ ma turiniex, imma meta nirrealizzaw li għandek kważi elfejn għaqda volontarja f’dan il-pajjiż illi jagħmlu xogħol volontarju fi kważi s-setturi kollha tal-ħajja, nirrealizzaw kemm għandna affarijiet tajbin. U għalhekk ma rridux inkunu negattivi magħna nfusna u naħsbu li aħna kollox tkisser, kollox spiċċa, m’hawn ħadd lil min tafda, m’hawn ħadd min hu ta’ rispett. Mhux il-każ. Għandna ħafna illi huwa tajjeb.

U għalhekk jiena ngħid illi din is-soċjetà tagħna xorta għad għandha bażi illi hija altruwistika, u soċjetà li taf tħenn. Dan ngħidu u ngħidu b’konvinzjoni għaliex fil-karriera tiegħi dejjem rajt illi malli jkun hemm il-bżonn, tiskanta minn fejn kulħadd jinqala’ biex jgħin u mhux noqogħdu ngħidu: “Għax dik hekk u għax dik hekk”, kulħadd imidd idejh biex jgħin. Fejn ir-rispett u l-valuri umani jiġu l-ewwel qabel kull tip ta’ interess materjali. Dan huwa wkoll il-bażi, kif qed ngħid, tal-volontarjat.

Sfortunatament, l-individwaliżmu, li tant daħal f’kull aspett ta’ ħajjitna, forsi bla ma nindunaw ħafna drabi, idaħħal dak is-sens ta’ egoiżmu li jġib miegħu nuqqas ta’ rispett lejn l-interessi ta’ ħaddieħor u anki, u hawnhekk niġu fuq dak li jiena xbajt inħambaq fih kemm ilni fil-Presidenza, il-bidu tal-firda.

Illi l-għaqda li tiġi naturali, l-għaqda li inti tħoss li għandek tikkultiva u li żżomm, tibda bil-mod il-mod titnawwar, titmermer, u tibda twarrab lil dak u twarrab lil dik u dak il-grupp u l-grupp l-ieħor u hemmhekk jibdew il-firdiet tagħna. U għalhekk jiena nemmen illi għadna fiż-żmien illi nagħmlu eżerċizzju u anki nagħmlu analiżi ħa naraw dak li qed jifridna biex inkunu nistgħu, fejn nistgħu, insolvuh, inwittuh, ħalli d-differenzi li jkun hemm kemm jista’ jkun inġibuhom flimkien.

L-ewwel niġi jien, f’ċerti nies, u l-interessi tiegħi qabel kollox. Dan huwa l-egoiżmu, fejn inti għandek min jgħidlek: “Jiena jimpurtani minni, mhux minn ħaddieħor”. Però kif għidt, dawn huma l-ftit. Dawn huma n-nies illi wieħed irid jara x’ġabhom hekk għax ħafna drabi jkunu għaddew minn xi trawma, għaddew minn xi ċirkostanzi, minn xi affarijiet illi ġagħluhom jaħsbu li kulħadd kattiv bħal min għamlilhom il-ħsara, kulħadd negattiv bħal min warrabhom, imma mhux il-każ.

Importanti għalhekk illi lit-tfal, u hawnhekk nappella anki lill-edukaturi u nappella lil kull min ikollu kuntatt mat-tfal, ngħallmuhom dawn l-affarijiet u ngħidulhom, u ħadt pjaċir nisma’ jien, is-sens – nibdew bl-innu ta’ Ħal Qormi, issa nkantaw l-Innu Malti – is-sens ta’ għaqda, is-sens ta’ appartenenza. Li aħna nappartjenu lil soċjetà, aħna membri ta’ pajjiż u rridu nkunu kburin b’din l-appartenenza għaliex il-bniedem li ma jafx min hu jew ta’ min hu, huwa bniedem mitluf.

U allura l-importanza tal-għaqda hija importanti. U anki, barra minn hekk, iktar ukoll huwa s-sens tal-identità, min aħna. Aħna Maltin bil-kultura tagħna, bid-drawwiet tagħna, bil-lingwa tagħna u l-affarijiet kollha sbieħ li għandna. U dan jiena nemmen li lit-tfal għandna nippritkawhulhom u ngħallmuhulhom minn tfulithom ħalli jitilgħu bih.

U għalhekk allura jiena nemmen illi apparti li nieħdu l-eżempju minn dawn it-tfal, irridu wkoll inkunu aħna, u kif għidt diġà, l-edukaturi illi jwasslu għand it-tfal u jsammru f’moħħ it-tfal – l-edukaturi u anki l-ġenituri li huma l-iktar edukaturi importanti – isammru f’moħħ it-tfal dawn il-valuri ta’ għaqda, ta’ rispett u anki ta’ karità lejn xulxin.

Irridu ngħallmuhom li f’dak kollu li nagħmlu dejjem infittxu li nagħmlu dak li jgħaqqadna. 

B’hekk biss inkunu nistgħu nibnu soċjetà li taħdem bis-serjetà għall-inklużjoni. 

Meta noffru l-għajnuna, meta mmiddu jdejna biex ngħinu lil ħaddieħor, b’għemilna inkunu ta’ tama għal dawk li jħossu u jgħixu fis-solitudni, fil-biża’ u fl-esklużjoni. U rridu ngħidu li hawn min huwa mwarrab. Hawn min hu eskluż. Hawn min iħossu waħdu. Mhux għax qiegħed waħdu, imma jħossu waħdu. Għax jaf ikun qiegħed f’familja imma eskluż, ma jkellmuhx, imwarrab. Jiġifieri dawn huma affarijiet illi rridu noqogħdu attenti għalihom.

Hekk ukoll importanti, u t-tfal nixtieq li jisimgħuha din, is-soċjetà tagħna qed titħallat, is-soċjetà tagħna qed tikber. Illum il-ġurnata għandna ħafna barranin illi ġew hawn, nies tal-affari tagħhom, nies li jaħdmu, li jħallsu t-taxxi, li jagħtu kontribut għall-ekonomija u dawn huma parti mis-soċjetà Maltija. U ma nistgħux nibqgħu ngħidu “aħna u huma”. Is-soċjetà tagħna, bħal f’ħafna pajjiżi oħra, qed titbiddel u rridu naċċettaw din id-diversità.

Bi ftit riflessjoni, kull wieħed u waħda minna jista’ jkun strument biex innaqqsu dan il-faqar soċjali. Il-faqar soċjali, kif qed ngħid, tal-esklużjoni, il-faqar soċjali ta’ dak li jkun li jiġi mwarrab u jiġi minsi kompletament.

Hekk inkunu ta’ ġieħ għalina nfusna u għal ħaddieħor.

Għalhekk, irrid f’ismi u f’isem kulħadd, ngħid grazzi lil Christa u lil Luigi tal-eżempji li tajtuna. Naf li bħalkom hawn ħafna tfal oħra li jagħmlu ħafna ġid lil dawk ta’ madwarhom. Min b’mod u min b’ieħor.

F’dinja ideali, għemilkom għandu jkun rifless fis-soċjetà tagħna kollha, kif qed ngħid. Biss sfortunatament mhux il-każ, għax kieku b’hekk tonqos l-esklużjoni, tonqos il-firda u jonqsu t-tbatijiet li dawn iġibu magħhom.

Nagħtikom kuraġġ sabiex tkomplu tikbru fl-imħabba u fis-solidarjetà. Nitlobkom li intom u tikbru u tilħqu dak li tixtiequ f’ħajjitkom, ma tinsewx dawn il-valuri sbieħ li sawrukom sa issa u li tagħhom qegħdin tiġu rikonoxxuti f’din iċ-ċerimonja llum.

Irrid nagħlaq billi nirringrazzja mill-ġdid lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, lis-Sindku Josef Masini Vento, u lill-Kummissjoni li ħadet ħsieb li ttella’ din is-serata, lil Dott. Sean Apap Meli, lis-Sa Ottilia Terribile u lis-Sur Emanuel Montebello, u lil dawk, speċjalment il-ġenituri u l-għalliema, li b’xi mod jew ieħor ikunu ta’ gwida għal dawn it-tfal. 

Nirringrazzjakom u l-lejl it-tajjeb.

-Tmiem-

Skip to content