George Vella

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, on the occasion of the oath of office of the Ombudsman, (Speech in MT)

Onorevoli Prim Ministru,

Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,

Mr Speaker,

Sinjuri,

Nibda billi nifraħ lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon għal din il-konferma tal-ħatra tiegħu bħala Ombudsman. 

Nawguralek li taqdi din il-funzjoni daqstant importanti għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt b’impenn u dedikazzjoni, hekk kif jistenna u jitlob minnek il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Kif stajna nsegwu lkoll tul is-snin, minn mindu ġiet fis-seħħ il-liġi tal-Ombudsman fl-1995, kien hemm numru konsiderevoli ta’ applikazzjonijiet għal investigazzjonijiet imressqa mill-pubbliku lil dan l-Uffiċċju. 

Din hija turija ta’ kemm il-poplu inġenerali rabba fiduċja f’din l-istituzzjoni, u jħares lejha bħala mezz ta’ rimedju kważi awtomatiku fejn u meta jkun hemm suspett ta’ deċiżjonijiet inġusti u/jew interpretazzjoni żbaljata tal-liġi.

Din l-istess fiduċja trid tkompli tissaħħaħ permezz tad-doveri li jaqdi l-Ombudsman, li għandhom ikomplu jitwettqu b’integrità u professjonalità, bla ebda favuri jew żbilanċ.

Il-ħolqien ta’ diversi Ombudsmen għal funzjonijiet speċifiċi, hija wkoll xhieda tas-suċċess tar-rwol li jaqdi l-Ombudsman. Permezz ta’ dawn l-iżviluppi pożittivi, kompla jikber u jespandi x-xogħol tal-Uffiċċju f’oqsma kruċjali bħalma huma s-Saħħa, l-Ambjent u l-Ippjanar u l-Edukazzjoni. 

B’mod tanġibbli, dan ikompli jqarreb lil din l-istituzzjoni lejn il-poplu.

Hekk kif kull pajjiż u soċjetà jinbidlu, hekk ukoll l-Uffiċċju tal-Ombudsman ma jistax jibqa’ statiku. Irid jevolvi id f’id mal-isfidi ġodda li jinbtu b’ċerta flessibilità, filwaqt li jżomm bis-sħiħ mal-prinċipji u l-valuri li fuqhom jistrieħ.

Dan huwa bilanċ bżonjuż biex ikollna governanza tajba, li tilħaq u tasal għand kulħadd.

Ħafna drabi jridu jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi, li mhux dejjem ser jintgħoġbu minn kulħadd.

Jien dejjem insostni li meta deċiżjonijiet tqal iżda neċessarji jkunu ttieħdu b’awtonomija sħiħa, fuq bażi ta’ fatti, riċerka u verifika, mhux spekulazzjoni, l-istituzzjoni li tkun ħadithom ikollha s-saħħa u s-serenità li tibqa’ tiddefendi l-pożizzjoni tagħha sal-aħħar.

L-appell frekwenti tiegħi, speċjalment f’ħatriet bħal din tal-lum, imur dejjem lejn il-ħarsien tad-drittijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fostna. 

Nittama li taħt it-tmexxija tiegħek Sur Ombudsman, l-Uffiċċju tiegħek ikun ħajt tal-kenn għal min għal xi raġuni jew oħra m’għandux l-għodda, il-fakultà jew saħansitra s-saħħa li jikkumbatti u jegħleb l-inġustizzji.

Mill-ġdid nawguralek fil-kariga ġdida tiegħek, u nixtieqlek kull suċċess fil-qadi ta’ dmirijietek.

Grazzi.

Skip to content