George Vella

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, on the occasion of the inauguration of the exhibition called ‘Il-Malti: il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’, 21 February 2023, (Speech in MT)

Onorevoli Ministru,

Sur Mario Cutajar, Chairperson ta’ Heritage Malta,

Mistednin Distinti,

Nibda billi nirringrazzjakom għal din l-istedina, u nifirħilkom li rnexxielkom tħejju b’suċċess wirja bħal din.

Ilkoll kemm intom familjari mal-importanza li l-Presidenza, u jien personalment, nagħti lill-ilsien Malti, u tafu wkoll kemm jien konxju li għad fadal ħafna x’isir biex inkomplu nsaħħu l-apprezzament tagħna lejh, u lejn il-ħarsien tiegħu.

Nemmen li dan li qegħdin nagħmlu llum huwa pass fid-direzzjoni t-tajba biex inkomplu nilħqu dan il-għan. Inroddilkom ħajr għal din l-inizjattiva daqstant f’waqtha.

Ix-xewqa tiegħi li jkompli jitħares l-ilsien Malti esprimejtha b’mod ċar fid-diskors tal-ħatra tiegħi bħala President tar-Repubblika erba’ snin ilu, u tkellimt fuq il-Malti bħala wieħed mill-pilastri tal-identità Maltija.

Din il-wirja teħodna matul il-vjaġġ li għadda minnu lsienna matul is-sekli, u taħt ħakmiet differenti. Teħodna minn bidu msaħħab b’ħafna spekulazzjoni u teoriji dwar minn fejn seta’ nibet ilsienna, u tgħaddina matul l-istorja, fejn ilsien ta’ poplu żgħir irnexxielu jibqa’ ħaj u jintuża bħala mezz ta’ komunikazzjoni taħt il-ħakmiet kollha li pajjiżna għadda minnhom, biex wasalna llum li lsienna għandu l-għarfien ta’ lingwa uffiċjali fl-Unjoni Ewropea.

Dan kollu ma sarx waħdu. Din il-wirja ġustament tagħti ġieħ ukoll lil dawk kollha li matul is-snin urew għożża għal dan l-ilsien u ħabirku biex jipproteġuh u jibżgħu għalih, kemm b’inizjattivi ta’ natura politika u amministrattiva, kif ukoll bit-twaqqif ta’ strutturi bħall-Akkademja tal-Malti li ħarset l-aspett akkademiku ta’ lsienna.

Inkunu qegħdin nilludu rwieħna jekk naħsbu li lsienna għeleb l-isfidi kollha, u għandna nserrħu rasna li kollox sewwa.

Bħal kull ħaġa ħajja, ilsienna, biex jibqa’ ħaj, irid jiġi sostnut kuljum u dejjem.

Illum, ftit anqas minn sittin sena minn mindu ħadna l-Indipendenza ta’ pajjiżna, il-Malti qiegħed jiġi mdakkar aktar minn qatt qabel mill-elementi tal-lingwa Ingliża, minħabba l-fatt li fil-Punent din saret il-lingwa franka, u minħabba l-fatt tal-iżvilupp tal-mezzi tal-komunikazzjoni u t-teknoloġija moderna li aktar iva milli le jużaw il-lingwa Ingliża.

Minn dawn ir-riflessjonijiet joħroġ il-fatt ta’ kemm il-mixja tal-ilsien Malti kienet u għadha diffiċli, bħal dik ta’ kull lingwa żgħira oħra.

Joħroġ ukoll il-fatt ta’ kemm ilsienna ta prova matul is-snin li għandu pedamenti sodi u kemm huwa reżiljenti u kapaċi jadatta għal żminijiet u sfidi differenti.

Joħroġ ukoll dak li diġà indikajt aktar kmieni, jiġifieri li l-mixja biex ilsienna jibqa’ ħaj għadha għaddejja u trid tibqa’ għaddejja.

Għalhekk irridu nistaqsu “Fejn wasal il-Malti llum?”, u “x’Malti se ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna?”

“Irriduh jibqa’ lsien ħaj, jew relikwa lingwistika, tajjeb għal mużew, jew biex jiġi studjat mill-akkademiċi?”

Il-Malti qiegħed jiffaċċja sfidi tal-ħajja moderna. Hija ħasra li l-użu tal-Malti fostna qiegħed jonqos. Diġà semmejt it-theddida mil-lingwa Ingliża. Insemmi wkoll l-effett li qiegħed ikollu l-influss kbir ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna kif ukoll dik tal-miljuni ta’ turisti li jżuruna matul is-sena.

Dawn l-isfidi jinħtieġu attenzjoni.

Hemm it-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel. Hawn hemm ukoll ir-realtà li ħafna klassijiet tant fihom tfal tal-barranin, li għalliem jispiċċa jitkellem bl-Ingliż milli bil-Malti bit-tama li jinftiehem aħjar mill-akbar numru ta’ tfal possibbli. L-istess sforzi jridu jsiru fil-postijiet tax-xogħol, fil-korrispondenza ma’ uffiċċji amministrattivi, fil-qasam mediku u dak teknoloġiku, fid-dinja diġitali, u fuq kollox fil-qasam tax-xandir li huwa wieħed li jolqot l-akbar numru ta’ nies fl-istess ħin.

Hawn irrid insellem u nfaħħar lil dawk kollha li minkejja kull sfida, li ħafna drabi jinkludu sfidi ta’ natura finanzjarja, imiddu għonqhom biex jagħtuna studji u letteratura bil-Malti, produzzjonijiet teatrali bil-Malti, u jippromwovu l-Malti kull fejn u meta jistgħu.

Inizjattivi bħal dawn jixirqilhom kull appoġġ.

Aspett ieħor dwar il-mixja tal-Malti li jkiddni mhux ftit, huwa l-mod kif il-Malti qiegħed bil-mod il-mod jintilef fost l-eluf kbar ta’ Maltin ħutna li jgħixu barra minn pajjiżna.

Wieħed jifhem id-diffikultà li jsibu t-tfal, u t-tfal tat-tfal, ta’ min ħalla pajjiżna snin twal ilu, mhux biss biex iżommu u jużaw il-lingwa Maltija, imma aktar u aktar jistudjaw u jitgħallmu lsien li ftit li xejn se jużaw fl-ambjent li jgħixu fih illum.

Nafu mill-esperjenza li sforzi matul is-snin biex ikompli jiġi mgħallem il-Malti ftit jagħtu riżultati. Jien nemmen li f’dawn iċ-ċirkostanzi għall-inqas għandna nvaraw kampanja li ngħallmu lil dawn tas-second u third generation, jekk mhux il-Malti, għall-inqas ngħallmuhom DWAR il-Malti. Xi ħadd forsi jqanqal interess li jistudja l-Malti.

Huwa minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Uffiċċju tiegħi dejjem fittex li jaħdem mill-qrib mal-għaqdiet tal-Malti bil-għan li jiġu identifikati miżuri konkreti li jgħinuna naslu għall-użu tajjeb tal-lingwa Maltija, kif ukoll għall-użu ta’ Malti tajjeb.

F’dan il-kuntest nixtieq insemmi l-kampanja li nedejt f’Ġunju tas-sena l-oħra f’kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-President u seba’ għaqdiet tal-Malti, b’risq l-ilsien Malti.

Nerġa’ nieħu din l-okkażjoni biex intenni li l-għan ta’ din il-kampanja mhuwiex li neskludu lingwi oħra biex indaħħlu l-Malti, imma li l-Malti jintuża fejn diġà huwa stabbilit, u li bħala lsien nazzjonali jiġi użat b’rispett billi jintuża b’mod tajjeb.

Ilsienna, li jifforma parti tant kbira mill-identità tagħna, ma jixraqlu xejn anqas.

Minbarra li jifforma parti mill-kultura u l-identità tagħna, l-ilsien Malti huwa element qawwi li jgħaqqadna bħala ġens.

Bil-għan li lsienna nżommuh ħaj u attiv, nappella għall-aġġornament kontinwu li jirrispetta kemm l-għeruq kif ukoll l-istruttura u t-tħaddim tal-lingwa.

Biex nagħlaq, mingħajr dubju li wirja bħal din li qed tittella’ minn Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti ser tkompli tnissel fina aktar apprezzament, u sservi wkoll ta’ xprun sabiex nużaw aktar il-Malti fit-taħdit u fil-kitbiet tagħna.

Is-sodisfazzjon li nieħdu meta nsegwu l-mixja tal-Malti sal-għarfien tiegħu bħala lsien nazzjonali tar-Repubblika ta’ Malta, u bħala lsien uffiċjali ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, jisfa fix-xejn jekk aħna, il-werrieta ta’ dan it-teżor, inwarrbuh jew, agħar, inbarruh minn ħajjitna u l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Jekk inkunu aħna stess li ma nurux ir-rispett mistħoqq lil ilsien ġensna, kif se nippretendu li jirrispettah il-barrani?

It-twissija tal-Poeta Dun Karm ta’ mitt sena ilu għadha tgħodd u għadha b’saħħitha sal-ġurnata tal-lum.

Skip to content