Palazz ta’ Sant’Anton
8 ta’ Frar 2023
On. Prim Ministru,
On. Prim Imħallef,
On. Ministru tal-Ġustizzja,
Avukat tal-Istat,
Sinjuri Maġistrati,
Mistednin Distinti,
Insellmilkom u nilqagħkom bi pjaċir għal din l-okkażjoni importanti għat-tkomplija tat-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt f’pajjiżna.
Filwaqt li nagħti merħba lilkom ilkoll, nilqa’ b’mod speċjali likom – Sinjuri Maġistrati – Dott. Kevan Azzopardi; Dott. Gianella Camilleri Busuttil; Dott. Abigail Critien; Dott. Joseph Gatt.
Nifirħilkom għal din il-ħatra prestiġjuża.
Nilqa’ wkoll lill-familjari tagħkom, li m’għandix dubju kienu ta’ appoġġ kbir fil-fażijiet differnti ta’ ħajjitkom sabiex stajtu tilħqu din il-milja – minn tfal fl-iskola, għall-istudji Universitarji, u anki bħala professjonisti fil-qasam legali.
Bir-raġun, illum qed jifirħu u jħossuhom kburin bikom.
Aħna wkoll, l-awtoritajiet tal-Istat nilqgħu b’sodisfazzjon din l-okkażjoni.
Dan mhux biss għax ser ikunu qed jiżdiedu b’mod konkret ir-riżorsi fil-Qrati ta’ Malta permezz ta’ ħatriet bħal din tal-lum, iżda fuq kollox għax qed ikomplu jissudaw il-kredenzjali tagħna fl-oqsma tal-Istat tad-Dritt u l-governanza tajba.
Mil-lum ‘il hemm, pajjiżna ser ikun qed jafdakom bil-ħidma iebsa u delikata li tiġġudikaw u ssolvu, b’mezzi legali, sitwazzjonijiet li jaffettwaw il-komunità tagħna kollha kemm hi.
Fl-aħħar mill-aħħar, intom ser tkunu qed iġġorru l-piż li tħarsu u tiggarntixxu d-drittijiet u libertajiet tal-individwu, bla ebda eċċezzjoni.
Hawnhekk nixtieq nisħaq fuq punt importanti li jorbot il-ġustizzja mal-ugwaljanza fis-soċjetà.
Nitlobkom iżżommu quddiem għajnejkom ir-rwol fundamentali tagħkom li tħarsu u tipproteġu lil min hu vulnerabbli u lil dawk li m’għandhomx il-fakultà li jħarsu lilhom infushom.
L-aċċess sħiħ għall-ġustizzja irid japplika għal kulħadd, inkluż min huwa żvantaġġat u min forsi jsib ruħu f’sitwazzjoni ta’ bżonnijiet speċjali. Ma hemmx eċċezzjonijiet.
Fil-qadi ta’ dmirijietkom m’għandix dubju li ser tkunu qed tiġu mmexxija mill-prinċipji kardinali tal-imparzjalità, l-integrità, u t-trasparenza.
Jekk iżżommu ma’ dawn il-valuri, tkunu mħarsa minn kull kritika professjonali, kif ukoll dik personali.
Minn Ġudikant, is-soċjetà tistenna indipendenza sħiħa, minn kull indħil, influwenza jew pressjoni esterna, biex ix-xogħol tagħkom isir bis-serenità assoluta, li jirrikjedu deċiżjonijiet ta’ piż kbir għas-soċjetà kollha.
Jistenna wkoll li taġġornaw ruħkom kontinwament fil-liġi u l-ġurisprudenza.
Barra mill-Qrati, żommu ukoll quddiem għajnejkom, li għall-poplu inġenerali, intom eżempju ta’ korrettezza, etika u onestà fl-imġiba tagħkom.
Intom Ġudikanti kullimkien – mhux biss fuq il-bank tal-Qorti.
Ninsab konvint li dawn il-valuri ser ikunu qegħdin imexxukom f’kulma tagħmlu.
Nifirħilkom fil-kariga u fl-obbligi ġodda tagħkom.
Sinjuri Maġistrati, inħeġġiħkom tagħmlu l-almu tagħkom sabiex bil-ħidma tagħkom tkomplu ssaħħu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Nawguralkom kull suċċess.