Dott. Noel Buttigieg Scicluna, Chairman tan-National Cancer Platform
Speċjalisti,
Sinjuri,
Fil-Jum Dinji ddedikat għall-marda tal-Kanċer, huwa pjaċir tiegħi li dalgħodu nilqagħkom fil-Palazz Verdala, biex flimkien nitkellmu dwar suġġett li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qiegħed ikollu importanza f’ħajjitna, u fuq il-kwalità ta’ ħajja li ngħixu.
Ilkoll nieħdu gost naqraw u jkollna l-esperjenza li naraw nies u qraba jgħixu aktar fit-tul, minħabba ħafna fatturi li flimkien jgħinu biex nagħmlu l-ħajja aħjar.
Imma t-tul tal-ħajja biss mhux biżżejjed.
Ilkoll nitkellmu spiss fuq il-kwalità tal-ħajja u mhux biss fuq il-kwantità ta’ snin li ngħixu.
Fil-passat, meta l-ħajja kienet tkun iqsar, kellna mard li ftit li xejn konna nafu kif nikkontrollawh jew infejquh.
Dan ix-xenarju tbiddel.
L-użu tal-antibijotiċi kkontrolla ħafna mill-mard infettiv li kien ikollna. L-apparat sofistikat, u l-użu tat-teknoloġija avvanzata, għenuna mhux ftit biex innaqqsu l-imwiet fil-qasam tal-kardjoloġija. L-istess f’ħafna oqsma oħra.
Illum, sfortunatament, inħabbtu wiċċna ma’ sfidi differenti: dawk li ġejjin minn mard deġenerattiv, u dawk ġejjin mill-marda tal-kanċer.
Huwa probabbli li l-fatt li qegħdin ngħixu aktar, qiegħed jikkontribwixxi għal dan kollu. Illum il-kanċer huwa l-kawża primarja ta’ 30% tal-imwiet kollha f’pajjiżna.
L-istatistika turina li jkollna mal-2500 każ ġdid ta’ kanċer fis-sena, u mal-elf ruħ jitilfu ħajjithom minħabba f’hekk.
L-inċidenza f’pajjiżna hija taħt il-medja fil-pajjiżi Ewropej. B’mod ġenerali, l-aktar komuni fl-irġiel huma l-kanċer tal-prostata, tal-pulmun, u tal-musrana. Fin-nisa l-aktar komuni huma dawk tas-sider, tal-musrana, u tal-utru.
Parti minħabba l-kampanji edukattivi li saru matul is-snin u anke minħabba li fil-fatt żdiedu n-numru ta’ pazjenti li jiżviluppaw tip ta’ kanċer jew ieħor, il-problema tal-kura, aktar ma’ jgħaddi żmien, aktar qiegħda ssir diffiċli.
Il-kura mibdija kmieni, il-mod kif qegħdin jiġu ttrattati l-pazjenti, u l-użu ta’ mediċini ġodda dejjem aktar sofistikati, qiegħed iwassal biex pazjenti bil-kanċer, għal grazzja t’Alla, jgħixu aktar fit-tul.
F’pajjiżna nistgħu ngħidu li, b’mod ġenerali, pazjenti misjuba li għandhom kanċer, u mogħtija l-kura meħtieġa, hemm ċans li nofshom, jiġifieri 50%, ikunu għadhom ħajjin wara għaxar snin. Dan magħruf. Ivarja skont it-tip tal-kanċer, u l-età meta jiġi.
Dan fih innifsu huwa tajjeb, imma awtomatikament iwassal biex jinħass il-bżonn ta’ investiment aktar qawwi fir-riżorsi, kemm dawk finanzjarji, u aktar u aktar dawk umani.
Fil-prevenzjoni, ħarsien, u kura kontra l-kanċer, hemm bżonn il-kooperazzjoni ta’ numru kbir ta’ dixxiplini, li jieħdu ħsieb l-aspetti edukattivi, l-aspetti mediċi, iż-żmien ta’ riabilitazzjoni, il-ħarsien psikosoċjali, u l-kura paljattiva. Dan ma jinkludix in-nies involuti fir-riċerka, fl-iżvilupp ta’ mediċini ġodda, fi studji ta’ statistika, u fi tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali.
Pajjiżna għandu n-National Cancer Plan tiegħu, u issa għadu kif tħabbar li se titnieda l-ewwel Strateġija Nazzjonali għall-Kura Paljattiva.
Kull min għandu l-iċken esperjenza ma’ pazjenti morda bil-kanċer jaf li kull pazjent iġorr miegħu ġenituri, qraba, u ħbieb, li tajjeb jew ħażin, min ħafna u min anqas, ilkoll iġorru l-effetti psikoloġiċi negattivi ta’ din l-esperjenza.
Hemm involut mhux biss il-kwalità tal-ħajja tal-pazjent, imma anke ta’ dawk ta’ madwaru. Dan jorbot ħafna mal-livell ta’ sodisfazzjon tal-pazjent, u anke ta’ ħbiebu, li jirriżulta mill-esperjenza tal-marda, u l-mod kif ikun qiegħed jiġi kkurat.
Dan jinkludi mhux biss il-mediċini u trattamenti fiżiċi oħra li jkun jista’ qiegħed jingħata. Jinkludi wkoll ir-rapport uman ma’ dawk li jkunu qegħdin jagħtuh it-trattament, il-livell ta’ komunikazzjoni personali, il-mogħdrija li jħoss ġejja minnhom, u anke l-livell ta’ serħan il-moħħ li jirnexxilhom jagħtuh bil-mod kif jaġixxu miegħu.
Ma ninsewx li pazjenti normalment ma jkollhomx biss l-inkwiet ta’ saħħithom, imma ħafna minnhom ikollhom ukoll tħassib fuq l-effett finanzjarju li marda bħal din tħalli fuqhom u fuq familthom, speċjalment jekk ikollhom tfal żgħar x’jieħdu ħsieb.
Kif qegħdin naraw, il-problema, kif ngħidu bl-Ingliż, hija ‘multifaceted’.
Is-sitwazzjoni tikkomplika ruħha aktar meta sfortunatament ċertu każi jkomplu mixjin ’il quddiem, u jwasslu għall-bżonn ta’ kura aktar speċjalizzata u personalizzata f’dik il-fażi terminali magħrufa bħala ‘end-of-life’.
Hawn l-obbligu prinċipali jkun dak li bl-akbar imħabba u rispett lejn id-dinjità li jixraqlu kull pazjent, wieħed jgħin biex itaffi kemm jista’ jkun l-uġigħ u t-tbatijiet, u jara li l-pazjent jgħaddi għal ħajja oħra, bl-akbar serenità possibbli.
Din il-kura, minn mindu pazjent jinstab li għandu kanċer, u matul iż-żmien kollu li jiġi kkurat, tinvolvi spejjeż kbar, li fil-maġġoranza tagħhom iħallas għalihom il-Gvern permezz tas-sistema ta’ saħħa komprensiva li għandna f’pajjiżna.
Din il-kura aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħda ssir tqum flus, b’mod partikolari minħabba l-mediċini ġodda ta’ kontra l-kanċer li dejjem ħerġin fuq is-suq, u li jqumu flejjes kbar.
Dan iġibni biex nirriflettu ftit fuq il-kontribut kbir, li numru ta’ organizzazzjonijiet u għaqdiet volontarji li nibtu u kibru f’pajjiżna matul is-snin, jagħtu b’xejn lill-pazjenti morda bil-kanċer. Dawn jagħtu sehemhom f’oqsma differenti, u jikkumplimentaw dak li jingħata mill-awtoritajiet tas-saħħa, jew saħansitra, jimlew il-vojt li sal-lum forsi għadu ma mteliex mill-istess awtoritajiet tas-saħħa.
Qiegħed nirreferi għall-għaqdiet li huma interessati fuq xi aspett jew ieħor tal-pazjenti morda bil-kanċer, u li bejniethom kienu ftiehmu li jingħaqdu taħt pjattaforma awtonoma, magħrufa bħala n-National Cancer Platform.
Din il-pjattaforma hija magħmula minn dawn l-organizzazzjonijiet: Action for Breast Cancer Foundation, Alive Charity Foundation, Aurora Support Services, Europa Donna Malta, Hospice Movement, Karl Vella Foundation, Malta Community Chest Fund Foundation, Malta Health Network, Malta Male Cancer Awareness, Malta Colorectal Cancer Awareness Group u Puttinu Cares.
Dawn l-għaqdiet għandhom l-għan li jikkooperaw u jikkoordinaw il-ħidma tagħhom, iqajmu għarfien, u jedukaw dwar prevenzjoni mill-fatturi u drawwiet li nafu li jistgħu jwasslu għall-kanċer, jaqsmu ideat bejniethom fil-laqgħat regolari li jagħmlu, jippromwovu riċerka, studji u pubblikazzjonijiet, iżommu sessjonijiet ta’ taħriġ, u fuq kollox jipprovdu servizzi ta’ assistenza u għajnuna finanzjarja għal xiri ta’ mediċini, u servizzi oħra.
In-numru ta’ pazjenti li jagħmlu użu mis-servizzi pprovduti minn dawn l-għaqdiet volontarji huwa kbir ħafna, u mistenni jikber aktar, kif maħsub fil-pjanijiet li qegħdin jitwettqu.
Mhux se nidħol fix-xogħol li tagħmel kull għaqda li tifforma parti minn din il-Pjattaforma Nazzjonali. Irrid biss f’isem il-poplu Malti, u b’mod partikolari f’isem l-eluf kbar ta’ pazjenti li għamlu użu mis-servizzi tagħhom, nirringrazzjahom għad-dedikazzjoni, impenn, u mħabba li wrew, u għadhom juru, lejn il-pazjenti li jiġu bżonn is-servizzi tagħhom.
Dan huwa servizz ‘over and above’ dak li jipprovdi l-Gvern. Biż-żmien, ċertu servizzi mogħtija minn dawn l-organizzazzjonijiet tant ġie apprezzat il-kontribut tagħhom, li qegħdin jiġu integrati mas-sistemi pprovduti mill-awtoritajiet tas-saħħa nfushom.
Hawn huwa xieraq li fil-Jum Dinji tal-Kanċer insellem ukoll lill-eluf ta’ ħaddiema f’setturi differenti tal-istituzzjonijiet nazzjonali tas-saħħa tagħna li jagħtu servizz b’tant dedikazzjoni u mħabba.
In-National Cancer Platform għandha uffiċċju miftuħ kuljum fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre (SAMOC) għal dawk kollha li jkollhom bżonn xi tagħrif, għajnuna, jew qegħdin ifittxu ma’ min jiftħu qalbhom.
Din il-konferenza tal-lum hija organizzata min-National Cancer Platform. Insellem għal darb’oħra liċ-Chairperson il-ġdid Dr Noel Buttigieg Scicluna, u nirringrazzja lil kull min aċċetta li jieħu parti f’dan l-avveniment.