Onorevoli Ministru,
President tas-Soċjetà tal-Arti,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Verament pjaċir tiegħi u unur li ninsab hawn magħkom illejla biex nirrikonoxxu l-ħidma fejjieda ta’ wild ieħor ta’ pajjiżna fil-qasam tal-kultura – rikonoxximent li hu l-aħħar minn sensiela twila li s-Soċjetà tal-Arti tat tul il-medda taż-żmien li ilha mwaqqfa. Smajna diġà l-firxa tan-nies u tal-kapaċitajiet li kienu ġew rikonoxxuti bil-Midalja tad-Deheb. Is-sena l-oħra kelli l-pjaċir li nwassal din il-medalja lil Mariella u llum il-ġurnata qegħdin nagħtu dan l-unur li ilu jingħata għal aktar minn 120 sena.
Jekk inqallbu, anki fl-ewwel faċċata tal-ktejjeb li tajtuna hemm lista ma tispiċċa qatt ta’ ismijiet illustri li ġew ippremjati b’dan il-premju: Ċensu Apap, Oliver Friggieri, pitturi, artisti, mużiċisti, kellna minn kollox. Fosthom ukoll Antonio Sciortino, Oreste Chircop – il-lista ma tispiċċa qatt. U dawn huma wħud mill-ismijiet illustri li ġew rikonoxxuti mill-istorja għall-kontribut li taw lil pajjiżna fil-qasam tal-arti fil-forom wiesgħa tagħha. L-arti, mhux biss il-mużika, imma anki pittura, skultura u kollox. Illum ma’ din il-lista jiżdied l-isem tas-Surmast Michael Laus.
Is-Surmast Laus ma għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Rajnieh kemm-il darba fid-direzzjoni tal-Orkestra Nazzjonali ta’ pajjiżna iżda wkoll f’dik ta’ bosta orkestri oħrajn ’il bogħod minn xtutna fejn għamel unur lil art twelidu. Rajnieh ukoll jidderieġi bosta produzzjonijiet operistiċi li minkejja l-isfida li fihom, ukoll minħabba kemm l-aspetti ta’ riżorsi umani u ekonomiċi, kif ukoll l-organizzazzjoni u d-direzzjoni, jeħtieġu – kif jista’ jikkonfermalna hawnhekk is-Surmast Laus stess – impenn konsiderevoli. Dan minbarra li s-Surmast Laus jibqa’ fil-fond ta’ ruħu mużiċist, hekk kif ikompli jagħtina wkoll kunċerti fuq il-pjanu, bħalma semmgħalna anki llejla. Il-pjanu huwa l-istrument, ħa ngħid hekk, favorit tas-Surmast, qed nagħmel assunzjoni, però huwa wkoll dedikat għall-kompożizzjoni, l-att kreattiv mużikali li min-noti tiegħu min jaf kemm ħarġu siltiet u repertorji mużikali. Iżda s-Surmast Laus hu wkoll għalliem u edukatur, Professur fl-Università ta’ Malta kif ukoll il-fundatur tal-Orkestra Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Jiġifieri qegħdin nitkellmu fuq edukazzjoni, direzzjoni u interpretazzjoni, u dawn nistgħu ngħidu li huma t-tliet binarji tal-karriera tal-Professur Laus li s-Soċjetà tal-Arti llum qiegħda tirrikonoxxi.
Il-mużika, kif jgħidu, ma tistax titħassar ġaladarba wellidha l-istrument mużikali. Hija għaldaqstant l-espressjoni l-aktar sinċiera ta’ ruħ l-artist – il-mużiċist – li jesprimi u jinterpreta fl-istess ħin dak li jkun qiegħed jipproduċi. Jinterpreta tabilħaqq il-partitura li għandu quddiemu iżda jesprimi wkoll il-ħsus ta’ ruħu ma’ kull nota li jdoqq, silta u kompożizzjoni li jagħmel. L-interpretazzjoni għaldaqstant tagħtina ħjiel ġdid, perspettiva ġdida, ta’ komponiment oriġinali li jibqa’ jiġġedded kull darba li jindaqq – dan huwa s-sabiħ tal-mużika. Hija forma tal-arti li kull darba tiġi magħmula mill-ġdid ma’ kull darba li xi ħadd jerġa’ jdoqqha. U aktar minn kollox jagħtina wkoll l-esperjenza estetika li pajjiżna tant jeħtieġ, mhux biss fil-mużika, iżda wkoll fil-forom l-oħra kollha tal-kreattività – fuq l-ewwel post aħna ħafna drabi nitkellmu fuq l-arkitettura – u wieħed jista’ jkompli wkoll fuq forom oħra hekk kif jintgħaġnu flimkien biex jagħtuna ħjiel ta’ min aħna, tal-karattru tagħna u anki tal-identità kulturali ta’ pajjiżna. L-edukazzjoni tagħtina l-possibbiltà li nifhmu u napprezzaw sabiex nagħrfu kemm il-mużika tmur lil hinn mis-sempliċiment estetika biex tagħtina ħjiel ta’ min aħna bħala ħolqien u l-potenzjal ta’ kreattività li għandu l-bniedem.
Nixtieq hawnhekk, u għal darb’oħra, nirrikonoxxi l-impenn tas-Soċjetà tal-Arti b’ħidmietha fit-tagħlim u t-taħriġ fis-snajja’ u l-artiġġjanat, mifruxa fuq aktar minn 160 sena, u li għad għandha rwol importanti x’taqdi f’pajjiżna. Is-Soċjetà għarfet ukoll tixpruna l-movimenti artistiċi ġodda, b’mod speċjali ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta dawn sabu ruħhom fil-mewġ tal-maltemp. F’dawn l-aħħar snin bil-ħidma ta’ bosta, li minn hawn nirringrazzjahom tal-impenn u l-ħidma tagħhom, għarfet tiġġedded biex terġa’ ssib postha bħala waħda mill-aktar istituzzjonijiet attivi fil-kamp kulturali ta’ pajjiżna.
Sinjuri,
Ma nistax nagħlaq dawn il-kelmtejn qosra mingħajr ma nsemmi l-importanza tal-volontarjat u l-impenn tiegħu f’dan il-qasam. Din l-istess soċjetà hija eżempju ta’ kemm il-volontarjat ta, matul l-istorja ta’ pajjiżna, u għadu jagħti wkoll illum għall-ġid tas-soċjetà, it-tkattir tal-kreattività u l-espressjoni kreattiva kif ukoll tal-għarfien u l-apprezzament tagħha.
Il-Midalja tas-Soċjetà hi damma fl-istorja tal-arti u l-kultura f’pajjiżna. Jalla s-soċjetà tkompli tinseġ l-istorja tal-kultura f’Malta bħala protagonista billi ssellem u tirrikonoxxi l-kontribut ta’ wlied din l-art ħelwa, bħalma għamilna llejla bil-Maestro Michael Laus.
Prosit. Grazzi. Awguri.