On. Prim Ministru
On. Kap tal-Oppożizzjoni Kelliema Distini,
Nirringrazzjakom talli lqajtu din l-istedina biex tieħdu sehem f’din il-Laqgħa Fuq Livell Nazzjonali dwar l-Istat Tan-Nazzjon.
Għandi l-vantaġġ nindirizzakhom wara ġurnata li fiha smajna ħafna , u ngħid għalijja – tgħallimt ħafna.
Tlabt li nagħlaq din id-diskussjoni propjament biex inkun nista’ norbot mal- materjal, u l-għarfien li l-kelliema għoġobhom jaqsmu magħna llum.
Din il-laqgħa setgħet tittella’ permezz tal-parteċipazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ akkademiċi u professjonisti, iżda wkoll permezz tal-pubbliku u n-nies in ġenerali li taw il-kontribut tagħhom permezz tal-istħarriġ.
Nirringrazzjakom ilkoll.
Xtaqt li din l-okkażjoni tkun waħda fejn nagħmlu analiżi oġġettiva ta’ dak li aħna u dak li nemmnu.
Inżid ngħid li huwa ta’ sodisfazzjon għalija li din hija verament l-ewwel darba li saret analiżi daqshekk dettaljata.
Sinjuri,
Nixtieq qabel xejn inrodd ħajr lil min kien involut fl-istħarriġ – Dott. Vincent Marmarà u s-Sur Lou Bondi – li serva ta’ bażi għal din id-diskussjoni, u li minnu ħarġet ħafna informazzjoni interessanti li fiha x’tomgħod.
Ngħid ‘Grazzi’ wkoll lil dawk l-aktar minn elf ċittadin Malti u Maltija illi irrispondew id-domandi tal-istħarriġ, li permezz tagħhom sirna nafu iktar dwar il-fatturi li jsawwru l-opinjonijiet u bħala riżultat, l-imġieba tagħna l-Maltin.
Ix-xewqa tiegħi kienet li idealment niltaqgħu f’numru ferm ikbar bħala udjenza, iżda kellna nadattaw u nbiddlu l-pjanijiet diversi drabi sabiex inkunu konformi mar-regolamenti maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Insellem lil kull min, minħabba dawn il-limitazzjonijet, għoġbu jingħaqad magħna permezz tax-xandira ‘LIVE’ fuq il-paġna tal-Facebook tal-Presidenza.
Is-suġġetti li qsamna l-ħsibijiet tagħna fuqhom matul il-ġurnata tal-lum jorbotu ħafna mal-inizjattiva li nediet il-Presidenza tiegħi dwar l-Għaqda Nazzjonali fi Frar.
Għaldaqstant ninsab sodisfatt ferm li l-organizzaturi għoġobhom li din id- diskussjoni issir taħt il-Patroċinju tiegħi u f’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal- President.
Naħseb li l-figuri li ħarġu jagħtu togħma b’saħħitha ta’ kif il-poplu Malti iħares lejh innifsu fuq il-livell taċ-ċittadin, il-mod ta’ kif qed jgħix ħajtu, l-isfidi li qed
jiffaċċja u dawk il-valuri, bħal ma hija r-rabta mal-familja, li jiggwidjaw l- imġieba u d-deċiżjonijiet li jittieħdu.
M’inix soċjologu jew antropologu, iżda nista’ bħal ħafna minnkom nasal għal , ċertu konlużjonijiet.
Fid-dawl tal-figuri li smajna llum, jiġuni f’moħħi ċerti aġġettivi li jiddeskrivu il- maġġorparti ta’ dawk li ħadu sehem.
Il-Malti kburi li hu Malti, u li ma jixtieqx li twieled pajjiż ieħor, u li qabel xejn iħoss li hu Malti qabel kollox – mhux Belti jew Slimiż jew Żejtuni, u qabel ukoll ma jħoss li huwa Ewropew.
Il-Malti li kuntent b’ħajtu, li jħoss li rnexxa s’issa f’ħajtu u li jħobb jippjana, u li għadu jżomm lill-familja fil-qofol tad-deċiżjonijiet tiegħu.
Smajna wkoll kif l-ilsien Malti għadu prominenti ħafna u meqjus bħala l-lingwa prinċipali tal-Maltin.
Il-Malti li jħoss li l-livell t’għajxien ta’ ħajtu huwa fil-medja u li fl-istess ħin iħoss li d-drittijiet tiegħu qegħdin jiġu mħarsa.
Bla dubju ta’ xejn, il-Malti b’mod b’saħħtu ħafna li għadu jemmen f’Alla u kemm il-politika għadha fattur importanti ħafna għal nofs il-popolazzjoni.
Waħda mill-figuri li laqtitni kienet dik li għandha x’taqsam mal-medja u l-medja soċjali.
Jidher biċ-ċar kemm il-medja soċjali saret parti intrinsika mill-ħajja tagħna, mhux biss għall-interazzjonijiet tagħna iżda saħansitra bħala sors ta’ aħbarijiet – ferm iktar mis-sorsi uffiċċjali tal-aħbarijiet.
Is-saħħa ta’ dawn l-għoddod naħseb li għad irridu nibdew l-ewwel nett niddiġeruha, u t-tieni nett nindirizzawha.
Irridu naraw ukoll kif l-influwenza tat-teknoloġija diġitali u l-effetti li qed ikollha fuq il-valuri tagħna.
Din il-prominenza tal-medja soċjali, u t-tajjeb u l-ħażin li qed iġġib fostna bħala poplu, fil-klassi politika, bejn il-familji, bejn kompetituri, bejn min għandu fehemiet differenti, u anki, jiddispjaċini ngħid, fost it-tfal.
Smajtuni diversi drabi insemmi kemm jinkwetani l-użu abużiv u ħażin tal- linwaġġ fuq il-medja soċjali u nemmen li hemm bżonn ta’ studji iktar dettaljati f’dan ir-rigward.
Ħa nabbuża mill-preżenza tal-On. Prim Ministru u l-On. Kap tal-Oppożizzjoni – biex intenni l- appell għall-użu iktar rispettuż tal-medja soċjali fil-ħajja politika u bejn Membri Parlamentari u partitarji jew segwaċi politiċi.
Sinjuri,
Iktar kmieni semmejt il-Malti u kif dan għadu jiġi meqjus b’mod prominenti bħala l-lingwa ewlenija tal-Malti.
Iżda insaqsi, kemm din ir-rabta mal-ilsien Malti qegħda tissarraf fl-użu korrett tal-lingwa fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fil-ġurnaliżmu, fil-medja soċjali u anki tradizzjonali?
Irridu naħdmu ħafna aktar biex nimlew dan il-vojt bejn ir-rabta tal-Malti mal- ilsien Malti u kif qed inħaddmuh.
Punt ieħor li smajna dwaru llum kien il-multikulturaliżmu.
Nistqarr li dak li smajt, inkwetani xi ftit il-għaliex perċentaġġ għoli – kważi terz ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ, mhumiex komdi bit-taħlit kulturali f’pajjiżna.
Hawnhekk irridu inħarsu lejn x’qed iwassal għal din it-tip ta’ figura.
Bla dubju, dan mhux fenomenu li qed jolqot biss lil-pajjiżna, għax qed narawh jerfa’ rasu wkoll f’pajjiżi Ewropej, iżda inħoss li din iċ-ċifra ma tistax tiġi injorata.
Sinjuri,
Naħseb li bħali ħadtu pjaċir tismgħu kemm il-Malti għandu sens ta’ kburija li huwa Malti u kemm hu konxju ta’ dawk il-fatturi li jnisslu fih sens ta’ identità – l-ikel, il-festi, l-arti u l-kultura.
Kif diġà għidt, ftit hawn fostna li jixtiequ li twieldu pajjiż ieħor.
Ċertament m’aħniex ngħixu f’ xi utopija, u hemm bosta mistoqsijiet li jiġuni f’moħħi meta nisma b’dawn il-figuri.
Waħda minnhom għalija hija kif minkejja din il-kburija u dan is-sens li wiehed jifforma parti minn nazzjon, xorta waħda ghadna naraw firdiet kbar fostna.
Niltaqgħu ħafna daż-żmien mal-kelma ‘tribali’ biex niddiskrivu l-firdiet li ilhom magħna u li qegħdin ikomplu jinbtu.
Żgur li din il-kelma ma tixraqx lill-poplu Malti, u nixtieq li ma tiġi, bl-ebda mod assoċjata iktar magħna.
Kulħadd fostna jista’ jagħmel xi ħaġa f’dan ir-rigward .
L-ewwel wieħed jiena li bħala President tal-poplu Malti kollu kemm hu, irrid nagħti kontribut għal-pajjiż inqas mifrud.
Diġa bdejt naħdem fuq dan il-għan permezz tal-Konferenza ta’ Frar li għadda u ser inkompli bil-ħidma tiegħi għall-kisba ta’ aktar għaqda bejnietna.
Inħoss li l-materjal u d-diskussjonijiet dettaljati li ħarġu llum jagħtu bażi iktar soda biex nersqu aktar qrib ta’ xulxin, u nitgħallmu nisimgħu aktar u nirrispettaw id-diversita’ ta’ bejnietna il-Maltin u anki ma’ dawk il-barranin li għar-raġuni jew oħra jinsabu fostna.
Kif sostnejt meta nedejt dan il-proġett favur l-Għaqda Nazzjonali, Konferenza ta’ darba mhiex biżżejjed u inħoss il-ħtieġa ta’ struttura iddekikata lill dan l-għan.
L-okkażjoni tal-lum kienet waħda ta’ inkoraġġiment kbir u ser nieħu din l- opportunità biex f’ dan il-kuntest inħabbar li l-Presidenza ser tkun qegħda tagħti ħajja lill-Fundazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali fix-xhur li ġejjin.
Dan ser isir bil-għan li tindirizza b’mod tanġibbli, u billi tisma’ mill-Poplu nnifsu, dak li għad fadal x’isir.
L-oqsma li ġew identifikati f’dan ir-rigward ivarjaw bejn l-ambjent, il- ġurnaliżmu, l-edukazzjoni, il-partiġġjaniżmu politiku, ma’ oħrajn.
Ħareġ ċar illum id-diżappunt li hawn dwar kif qegħdin inkerrħu l-ambjent ta’ pajjiżna b’kostruzzjoni żejda u l-bżonn li nsalvaw l-ambjent tagħna.
Wasal iż-żmien li lill-ambjent nagħtuh identità ġuridika.
Dwar il-ġurnaliżmu, smajna kif dan il-qasam tbiddel radikalment f’dawn l-aħħar snin ta’ hekk imsejjaħ żvilupp ta’ teknoloġija tal-informazzjoni, u l-perikli li ġab miegħu … li minflok konsumaturi, sirna oġġetti wżati minn kumpanniji internazzjonali.
Insemmi wkoll l-edukazzjoni u kif din hija kruċjali għall-formazzjoni ta’ valuri u karattru.
Fl-aħħar semmejt il-partiġjaniżmu politiku.
Iva, fi sfond ta’ Fundazzjoni bħal din, inkunu nistgħu bil-mod il-mod nitkellmu b’rispett dwar il-pjaga ta’ partiġjaniżmu esaġerat.
Sinjuri,
Jiena ser nagħlaq billi nesprimi s-sodisfazzjon kbira tiegħi fuq l-andament ta’ din il-Laqgħa, fejn l-iskambi kienu rispettużi ferm u ta’ kontenut għoli ħafna.
Lil hinn mill-istatistika, illum tajna wkoll lok għal diskussjoni dwar l-ambjent u l-iżvilupp, li fl-aħħar mill-aħħar wriet l-imħabba lejn pajjiżna u x-xewqa li għal ġejjieni aħjar.
Importanti li nevalwaw u nikkritikaw b’mod kostruttiv. Ħadt gost nosserva kif ħarġu wkoll sensibilita’ u passjoni, minbarra kritika.
Smajna karba mill-qalb, lill-politiċi, ċara u bla tlaqlieq – ħa insejjaħlu ‘patrijotiżżmu sinċier’ li jitlob għal ħarsien aħjar tal-ambjent.
Illum poġġejna lilna nfusna taħt il-lenti.
Konferenzi edukattivi bħal ma kienet din żgur li qegħdin ikunu ta’ ġid għall- pajjiż u ser inkompli nibni fuq dan li diġa inkiseb.
It-tama tiegħi hija li anki permezz ta’ diskussjonijiet bħal din tal-lum, fil-kelma ‘nazzjon’ nibdew ukoll inwasslu sens ta’ komunità magħquda.
Ninsab ċert li dan kollu li smajna llum iqanqal diskussjonijiet infurmati fid- diversi oqsma tas-soċjetà tagħna, u forsi wkoll inissel ideat jew iwassal għal deċiżjonijiet maħsuba biex ikattru l-ġid u l-għaqda bejnietna l-Maltin u l- Għawdxin kollha.
Grazzi.