George Vella

Diskors mill-President ta’ Malta George Vella fl-okkażjoni tal-Iskambju tal-Awguri Għas-Sena l-Ġdida mal-Korp tal-Konsli Onorarji

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, On. Ian Borg,

Segretarju Permanenti,

Dekan tal-Korp tal-Konsli Onorarji,

Mistednin Distinti,

Grazzi, Professur Buhagiar, għad-diskors tal-ftuħ tiegħek, li bih qed nibdew iċ-ċerimonja tal-lum.

Nirringrazzjakom li lqajtu din l-istedina biex flimkien nilqgħu s-Sena l-Ġdida u nniedu l-ħidma għat-tnax-il xahar li ġejjin.

Dan l-appuntament ta’ kull sena dejjem kien wieħed importanti fil-kalendarju tiegħi għaliex permezz tiegħu stajt niltaqa’ magħkom u nisma’ mingħandkom stess dak li ksibtu tul ix-xhur li għaddew u anki l-proġetti li għandkom maħsubin għall-ġejjieni.

Kif semma tajjeb id-Dekan, il-Presidenza kurrenti dalwaqt tasal fi tmiemha.

Naturali, li hekk kif joqrob it-tmiem ta’ kull proċess, issir riflessjoni.

Għaldaqstant, din tal-lum hija okkażjoni tajba biex flimkien magħkom nagħtu ħarsa lura lejn xiex għadda minnu pajjiżna, u l-komunità internazzjonali, tul dawn l-aħħar snin.

L-ewwel ħaġa li tiġina f’moħħna hija bla dubju l-pandemija tal-COVID-19 li ġabet ħerba mad-dinja kollha.

Ħdejn pajjiżi oħra, aħna ma morniex ħażin.

Naħseb li lkoll taqblu miegħi li x-xogħol tagħkom bħala Konsli Onorarji tħarbat mhux ftit tul l-imxija kollha. Ma tantx stajtu taqdu l-funzjonijiet tradizzjonali tagħkom, bħalma huma l-promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment, it-turiżmu, l-iskambji kulturali u l-laqgħat mal-komunitajiet tal-pajjiżi li ħatrukom.

Ħafna minn xogħolkom kellu jiġi ffukat fuq xogħol ieħor.

Kellkom pressjoni ta’ xogħol intensiv ħafna meta ntlabtu tagħtu assistenza sabiex eluf ta’ barranin li kienu Malta fuq xogħol jew inkella għal xi btala jmorru lura pajjiżhom mill-aktar fis possibbli.

Il-kontribut tagħkom f’dan ir-rigward kien bla dubju ta’ xejn wieħed kruċjali għax għen eluf ta’ individwi jingħaqdu mal-familji tagħhom f’pajjiżhom, meta kien għad hawn inċertezza kbira dwar x’ser jiġri fil-pandemija.

Ħadna ħafna tagħlimiet mill-pandemija, u waħda minnhom żgur li hija dik li x-xogħol u r-rwol tal-Konslu Onorarju, speċjalment f’mumenti ta’ diffikultà bħal dawn, huma kruċjali u imprezzabbli.

Sinjuri,

Fit-titwila tagħna lejn is-snin li għaddew, b’xorti ħażina, bilfors ikollna nsemmu ‘l-gwerra’, jew aħjar, ‘il-gwerer’.

Fost oħrajn, l-aktar li għadhom jinkwetawna huma l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, u dik bejn Iżrael u l-Ħamas.

Dawn l-aktar li nisimgħu fuqhom u jaffettwawna l-aktar.

Dan ma jfissirx li ma ninkwetawx fuq konflitti u gwerer oħra bħal dik li għaddejja fis-Sudan.

Il-vittmi ta’ kull gwerra huma kollha l-istess – bnedmin bħalna, bil-familji tagħhom, il-ġenituri u t-tfal tagħhom, u fuq kollox bid-dinjità li tixraq lil kull persuna.

Xtaqt ħafna li l-aħħar diskors tiegħi magħkom ma jkunx maħkum minn dawn l-aħbarijiet u l-ġrajjiet koroh u ta’ diqa.

Tkellem sewwa d-Dekan meta qal li n-newtralità ta’ pajjiżna ma kinitx ta’ xkiel biex nieħdu pożizzjonijiet b’saħħithom u bla tlaqliq.

Dan spjegajtu fit-tul fid-diskors tiegħi ta’ Jum ir-Repubblika 2023.

Hawnhekk irrid intenni l-kundanna tiegħi fuq l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, li ħadet l-Ewropa tmenin sena lura għal żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.

Bl-istess qawwa rrid nikkundanna bla ebda riżervi l-attakki tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas fuq nies innoċenti ċivili f’Iżrael. Dawn l-atti barbari m’għandhom l-ebda post f’dinja ċivilizzata.

Fl-istess nifs u bl-istess qawwa, irrid nesprimi l-kundanna u l-allarm tiegħi għar-ritaljazzjoni bla ebda sens ta’ proporzjon li qed tintuża mill-Iżrael fuq in-nies ta’ Gaża.

Nitaqsi lili nnifsi, x’jonqos jiġri, meta diġà sptarijiet u knejjes jiġu mġarrfa bil-bombi bin-nies qed jistkennu ġo fihom? Eluf ta’ tfal ta’ ftit xhur jew ġranet midfuna, jew inkella fi stat ta’ xokk psikoloġiku għax sfaw orfni, bla ma jifhmu għaliex? Jew inkella ġenituri jitkarrbu għal-loqom, jew ftit ilma biex uliedhom ma jmutux quddiem għajnejhom bil-ġuħ?

Hemm limitu għal kollox.

Sinjuri,

Dan huwa mument ikrah ħafna għall-komunità internazzjonali.

Jiddispjaċini ngħid li l-potenzi l-kbar – dawk li verament għandhom is-saħħa li jwaqqfu dan kollu – qed idawru wiċċhom in-naħa l-oħra, waqt li jkomplu jipprovdu lill-ġellieda taż-żewġ naħat bl-armamenti u l-munizzjon.

Dan il-vacuum kellu b’xi mod jimtela, u hawnhekk stajna naraw kif Malta ħadet hi l-inizjattiva.

Kellha tkun Malta li tieħu pass u taħdem bla waqfien għal Riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda biex jitħarsu l-ħajjiet ta’ ċivili, speċjalment it-tfal – fuq iż-żewġ naħat.

Ħasra li anki Riżoluzzjoni bħal din ġiet ukoll kważi injorata, minkejja li suppost tiġi mħarsa.

Bl-istess mod, fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, Malta kienet l-għażla unanima biex tmexxi l-Presidenza tal-Kunsill Permanenti fid-dawl ta’ ċirkostanzi politiċi li ma huma xejn faċli.

Din hija turija u xhieda ta’ fiduċja oħra fir-rwol dejjiemi u l-vokazzjoni b’saħħitha ta’ pajjiżna favur il-multilateraliżmu.

Ippermettuli nifraħ lill-Ministru Borg – u permezz tiegħu lid-diplomatiċi u l-uffiċjali li għandna jaħdmu fis-servizz tagħna – għall-viżjoni u d-determinazzjoni li qed tintwera mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’dawn ix-xhur.

Minkejja l-isfidi mhux żgħar, Malta qiegħda tkompli tiddefendi l-kooperazzjoni u d-djalogu fil-ħidma mistennija minna skont il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna – il-ħidma b’mod attiv, favur il-paċi.

F’dan l-isfond ta’ taqlib internazzjonali, il-funzjonijiet marbuta mal-kariga tagħkom huma fundamentali biex il-potenzjal ta’ pajjiżna jkompli jixxandar u jiġi utilizzat mal-pajjiżi li ħatrukom.

Inħeġġiġkom tkomplu tibnu fuq dawk l-inizjattivi fl-oqsma tal-kummerċ, tal-investiment, is-servizzi b’mod ġenerali, it-turiżmu, it-tagħlim tal-Ingliż, skambji edukattivi u attivitajiet kulturali oħra.

Jiġuni wkoll f’moħħi l-qasam marittimu, l-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji, u oħrajn li tant aħna magħrufin u mfittxija għalihom. Irridu nkomplu ninvestu f’oqsma innovattivi li Malta kompliet tissaħħaħ fihom, iżda wkoll f’intrapriżi ġodda li taħsbu li jistgħu jaqbdu sew f’Malta.

Kif semma wkoll id-Dekan, napprezza ferm kif ir-rwol tagħkom kompla jżid fl-importanza tiegħu bil-preżenza ta’ bosta barranin – ħafna minnhom mill-pajjiżi li akkreditawkom – li qegħdin Malta b’xogħol jew studju.

Apparti l-proċeduri marbuta mal-aspetti purament konsolari, hemm bżonn ukoll li tkunu ta’ gwida u direzzjoni fuq il-liġijiet u regolamenti oħrajn ta’ pajjiżna biex dawn il-barranin jadattaw sew għall-ħajja f’Malta, u biex ikunu jafu sew x’inhuma d-drittijiet tagħhom.

Importanti ħafna li dawn ikollhom aċċess, daqs kulħadd ieħor, għall-jeddijiet kollha tagħhom.

Nitlobkom ukoll tkunu intom stess, aġenti ta’ integrazzjoni u inklużjoni fil-komunità Maltija permezz ta’ inizjattivi soċjali, kulturali jew sportivi ma’ entitajiet bħalma huma l-Kunsilli Lokali u oħrajn.

Qabel nikkonkludi, nixtieq inwasslilkom ir-ringrazzjament tiegħi għall-appoġġ li dejjem sibt fil-Korp tal-Konsli Onorarji tul is-snin kollha tal-ħidma Ministerjali u Presidenzjali tiegħi.

Kien dejjem sodisfazzjon u pjaċir għalija li niltaqa’ magħkom, kemm f’dan il-grupp kif ukoll b’mod individwali, biex niddiskutu l-ideat, l-inizjattivi u anki l-isfidi tagħkom.

Nixtieqkom li żżommu l-istess spirtu ta’ kooperazzjoni u ta’ sostenn ma’ min ser jiġi warajja.

Nagħlaq billi nwassal lilkom u lill-familji tagħkom l-isbaħ xewqat għal Sena Ġdida mimlija hena u, fuq kollox, saħħa.

Grazzi.

Skip to content