Onorevoli Speaker,
Membri Parlamentari,
Sinjuri,
Aktar milli diskors, pjuttost xtaqt nagħmel ftit rimarki ġenerali biex nuri l-apprezzament tiegħi għax-xogħol imprezzabbli li jsir minn dan l-Uffiċċju u li sar, ovvjament magħna hawnhekk għandna lis-Sur Mifsud, is-Sur Galea u s-Sur Spiteri, li kienu wkoll f’dan l-Uffiċċju matul dawn is-snin.
U rrid nibda wkoll billi nifraħ lill-Professur Warrington għax-xogħol kbir li għamel biex seta’ jiġbor flimkien dan il-ktieb bl-artikli kollha, bil-kontribuzzjonijiet kollha, li hemm ġo fih.
Nirringrazzjakom ukoll li stedintuna biex nagħtu kontribut żgħir fil-ftuħ tal-ktieb. Grazzi oħra wkoll tmur għall-fatt li stedintuni biex ikun hawn magħkom illum biex tiġi varata din il-pubblikazzjoni.
Jiena li rrid ngħid huwa li importanti ħafna li Uffiċċju bħal dan, li hu importanti, li huwa ta’ natura kostituzzjonali u tant huwa kruċjali fil-ħajja demokratika tal-pajjiż, ifakkar il-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif tiegħu b’pubblikazzjoni bħal din. Kif diġà semmejt fil-ftit kelmiet li ktibt fil-bidu tal-ktieb, l-ewwel nett, wieħed irid jagħmel espressjoni ta’ gratitudni. Bil-Malti, irridu ngħidu: “Grazzi”. U ngħidu dan f’isem il-Presidenza u f’isem il-poplu Malti kollu għall-ħidma essenzjali li ilha titwettaq f’din l-istituzzjoni, kif spjegalna l-Professur Warrington, għal snin twal ħafna.
Jiena naħseb li l-aqwa premju jiksbu l-Awditur Ġenerali nnifsu li jkun fl-Uffiċċju, id-Deputat Awditur Ġenerali li jkollu miegħu u anke l-membri kollha tal-persunal li jkun hemm fl-Uffiċċju, illi ma jistgħux ma jingħatawx il-grazzi għaliex ħadd ma jaħdem waħdu u l-grupp kollu flimkien ikun qed jikkontribwixxi biex ikollok ir-riżultat finali. U l-importanti huwa illi dan ir-riżultat u din it-tmexxija, jekk inħarsu lura u naraw x’sar minnha matul iż-żmien, irnexxielha, bl-aktar mod ċar, tirbaħ il-fiduċja tal-poplu. U din hija xi ħaġa li hija importanti ħafna għax l-istituzzjoni li ma tirbaħx il-fiduċja, li mhijiex rispettata, tista’ kważi kważi tkun ma teżistix.
Fil-ħamsa u għoxrin sena li qed ikopri dan il-ktieb spikkat, l-ewwel nett, l-indipendenza tal-Uffiċċju li hija kruċjali u li hija importanti għaliex ma jistax ikollok Uffiċċju bħal dan jitmexxa jekk ma jkunx totalment indipendenti. It-tieni ħaġa hija l-integrità assoluta ta’ min qed imexxi l-Uffiċċju u ovvjament imbagħad anke r-rapporti li joħorġu minn hemmhekk. U r-rapporti mbagħad jispikkaw minħabba li mhumiex biased, li huma rapporti li jkunu oġġettivi. Għandek ċertu oġġettività illi hija xi ħaġa li m’hemmx dubju li matul is-snin dan l-Uffiċċju kien evidenti li kien qiegħed jiddefendi b’għira kbira biex iżomm li la jkun influwenzat minn naħa u lanqas influwenzat mill-oħra, imma jagħmel dak li huwa ġust u dak li huwa verament oġġettiv.
U allura din hija r-raġuni għaliex il-fiduċja f’dan l-Uffiċċju hija kompletament mistħoqqa u hija kompletament ġusta għaliex matul is-snin ma kien hemm imkien akkużi jew inkella suspetti mitfugħin fuq ix-xogħol, il-ħidma u l-oġġettività ta’ kif saru r-rapporti tal-Uffiċċju tal-Verifika.
L-ewwel nett, fir-rwol primarju essenzjali tiegħu dan l-Uffiċċju huwa parti importantissima mid-demokratizzazzjoni tal-istat tad-dritt, u l-istat u l-pajjiż bħala pajjiż. Ma jistax ikollok demokrazija li qed tiffunzjona jekk ma jkollokx accountability. U hawnhekk l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika huwa parti mit-tranżizzjoni importanti li minnha għadda – semma l-Professur Warrington kemm ilu l-Uffiċċju u anke minn xiex għaddejna – però anke fl-istess ħin minn dak li għaddejjin minnu u dak li għad irridu ngħaddu minnu għax jekk inti ma jkollokx min qiegħed jiggwidak u jkejjel kemm qed tiffunzjona kif suppost, taf tibqa’ on track, però ħafna drabi ma tibqax għaliex ma jkollokx gwida.
Jiena nemmen illi mal-partijiet ikkonċernati lokali u internazzjonali oħra, dan l-Uffiċċju, u dan mhux hawn Malta biss, ovvjament dan hu anke, illum il-ġurnata, ħalli ma ngħidx vetted, imma ovvjament forzi internazzjonali li niffurmaw parti minn gruppi minnhom bħalma hi l-Unjoni Ewropea, għajnejha fuq il-livell u fuq il-mod kif jaħdem dan l-Uffiċċju. U allura huwa importanti li jkollok min ikun qiegħed jara li l-Uffiċċju mhux biss jiffunzjona sempliċiment biex jiffunzjona, imma l-ewwel nett u qabel kollox li jkun qed jadatta għall-isfidi l-ġodda maħluqa miċ-ċirkostanzi ta’ madwarna, fejn għandek inugwaljanzi soċjali; fejn għandek inugwaljanzi ekonomiċi; għandek tensjonijiet politiċi li jinfluwenzaw; għandek, nafuha mill-esperjenza reċenti, l-effetti devastanti ta’ xi ħaġa bħalma kellna, il-pandemija, għal sentejn sħaħ; u mbagħad l-ordni internazzjonali li għandna mħarbat bil-gwerer u l-kunflitti li għaddejjin minnu. Apparti l-fatt tal-effett li għandhom dawn imbagħad fuq in-nuqqas ta’ sigurtà f’dak li hija l-enerġija u l-ikel. Tgħiduli: “X’għandu x’jaqsam dan?” M’għandix dubju li dawn huma kollha effetti li jista’ jkollhom impatt fuq kif jitmexxew imbagħad id-dipartimenti tal-Gvern li ovvjament imbagħad l-Awditur irid jara li dawn ikunu mixjin kif suppost jimxu.
Kif taraw, il-lista tal-isfidi ma tispiċċa qatt. Jiġifieri li kieku wieħed kellu jibda jsemmi x’jista’ jimpatta fuq il-mod kif jaħdmu dipartimenti tal-Gvern u istituzzjonijiet u dak li jrid jikkontrolla l-Uffiċċju tal-Verifika, ma jispiċċa qatt.
F’dan l-isfond tal-inċertezzi, iċ-ċittadin, bħalma tafu, dejjem ifittex punt ta’ riferiment li joffrilu stabbiltà u li joffrilu wkoll permanenza. U l-Uffiċċju tal-Verifika huwa dak l-Uffiċċju, wieħed mill-Uffiċċji istituzzjonali u kostituzzjonali tagħna, li l-individwu, iċ-ċittadin, iħares lejh ħalli jara eżatt x’inhuma l-assessments tiegħu. U għaldaqstant jiena konvint illi r-rekord eċċellenti li ħalla matul is-snin dan l-Uffiċċju, jisboq is-sempliċi twettiq tal-ħidma tiegħu. Mhux sempliċiment qed jagħmel xogħlu biex jagħmel xogħlu imma hemm anke ċertu maturità fir-rapporti, fir-rakkomandazzjonijiet, fil-kritika li jsiru ma’ kull rapport illi jiġi ppubblikat. U huwa fundamentali għaliex dan jerġa’ jmur lura għal dak li semmejt fil-bidu. Dan jerġa’ jmur lura għas-sens ta’ fiduċja li għandu jkollu ċ-ċittadin fl-istituzzjonijiet tiegħu. U nerġa’ ngħid, allaħares istituzzjoni bħal din titlef il-fiduċja tal-poplu.
Importanti li f’okkażjoni bħal din insemmu wkoll kif dan l-Uffiċċju ma kienx jirnexxilu jikseb riżultati eċċezzjonali mingħajr, kif diġà semmejt u nerġa’ nsellmilhom minn hawnhekk, il-membri tal-istaff tiegħu, fil-livelli kollha, fejn jiddedikaw ix-xogħol tagħhom u jagħmluh bil-qalb. U mhux biss. L-importanti li anke jkun staff li jżomm ruħu aġġornat u jkompli l-iżvilupp tiegħu ma’ dak li jkun għaddej u anke man-normi tal-professjoni tagħkom biex tkunu tistgħu taraw li l-affarijiet mixjin kif suppost.
Jiena nisħaq fuq il-benefiċċji ta’ żvilupp professjonali kontinwu tal-impjegati. Dan bħal kull professjoni oħra, illum il-ġurnata, il-continuous education hija xi ħaġa li hija meħuda for granted. Ma jfissirx li llum tidħol fl-uffiċċju bil-livelli li jkollok u tibqa’ sa għoxrin, tletin sena wara taħdem bl-istess livelli, imma trid tkun aġġornat kontinwament, il-ħin kollu. U dan juri fil-livell tar-rapporti li joħorġu regolari minn dan l-Uffiċċju.
Aspett ieħor tal-ħidma tal-Uffiċċju li jolqotni huwa l-kontribut li jagħti sabiex ikompli jsaħħaħ il-profil internazzjonali ta’ pajjiżna. Kif għidt diġà, illum m’aħniex qegħdin naħdmu f’iżolament, m’hemm l-ebda pajjiż illum li jaħdem f’iżolament, u żgur li nkunu qegħdin ma’ organizzazzjonijiet li jkopru dawn l-Uffiċċji f’pajjiżi oħra u, kif semmejt, b’mod partikolari fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Fil-ħidma u d-diskussjonijiet tagħhom mas-sħab barranin, l-uffiċjali tan-National Audit Office huma dejjem eżempju tajjeb kif l-istandards professjonali u etiċi ta’ Malta jixirqilhom li jiġu rispettati għaliex, kif semmejt, hemm konsistenza u hemm anke livell għoli ħafna. Dan nafu mill-esperjenza li kelli jien, meta kont attiv mhux ħażin f’istituzzjonijiet bħall-Commonwealth, fejn ir-rekord ta’ dan l-Uffiċċju, tan-National Audit Office, flimkien mad-disponibbiltà tiegħu li jaqsam l-aħjar prattiki, kienu dejjem apprezzati immens u mfaħħra ħafna minn min kien qed imexxi l-Commonwealth dak iż-żmien.
Nagħlaq billi f’isem il-poplu Malti nirringrazzja mill-ġdid lill-uffiċjali kollha tal-Uffiċċju tal-Verifika għall-ħidma eċċellenti li twettqu ta’ kuljum fi spirtu tal-akbar diliġenza u l-akbar diskrezzjoni, però dejjem fl-aħjar interess u fl-interess komuni taċ-ċittadin.
Nirringrazzjakom.