George Vella

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, waqt it-tnedija tal-20 edizzjoni tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign. 3 ta’ Ottubru 2023.

Bonġu lil kulħadd.

L-ewwel nett, grazzi li sibtu l-ħin li tiġu hawnhekk biex invaraw din l-inizjattiva.

Meta dħalna fil-Presidenza jiena u Miriam, ma jkollokx idea kemm se teħodlok ħin u kemm hija intriganti l-Community Chest Fund. U l-iktar ħaġa, imbagħad, illi taqbdek fiha hija meta tibda tara l-ġid li jkun ħiereġ minn dik – ħa ngħidilha – “karità” għalissa.

Jien l-appell tiegħi mhu se jkun xejn differenti mill-kelliema ta’ qabli, ma nixtieq inżid xejn speċjali. Però rrid nappella lilkom, jekk hemm għalfejn nappella lilkom, bħala kapijiet, biex tirrealizzaw li għandkom f’idejkom il-formazzjoni tal-irġiel u tan-nisa ta’ għada.

U kif intqal, jekk aħna ma mmorrux ’il bogħod mill-kunċett ta’ edukazzjoni sempliċi – mis-somom, mil-lingwi u affarijiet bħal dawn – l-edukazzjoni hija iktar wiesgħa, u tgħallmuni intom; hija ħafna iktar wiesgħa fejn irridu nippreparaw lil dawn iż-żgħażagħ tagħna jħossuhom parti minn soċjetà li ħa jkunu parti minnha u anki jkollhom rispett u mħabba lejn din is-soċjetà.

Dawn huma valuri li sfortunatament fil-kbar – ma niddejjaqx ngħid – qegħdin naraw ħafna egoiżmu, qegħdin naraw ħafna kliem li jweġġa’, qegħdin naraw ħafna diviżjoni. U jekk aħna m’aħniex se nipproteġu lit-tfal tagħna u nispjegawlhom illi dawn mhux valuri li jeħduna xi mkien tajjeb, jiddispjaċini ngħid illi għada pitgħada jaf ikollna anki konsegwenzi differenti.

U għalhekk qed nappellalkom, ’il bogħod mill-Piggy Bank u mhux Piggy Bank, il-kwistjoni hija illi tridu taraw u terfgħu r-responsabbiltà kbira li għandkom fuq spallejkom biex tiffurmaw l-irġiel u n-nisa ta’ għada.

Issa, tkellimna wkoll, wieħed mill-valuri x’inhu? Il-valur huwa li inti tifforma parti minn soċjetà. Ma tgħixx għal rasek inti, ma tgħidx: “Ma jimpurtanix minn ħaddieħor”, ma tgħidx: “Jiena qiegħed tajjeb, ħaddieħor jagħmel li jrid”. U l-Piggy Bank hija proprju dik.

Issemmew żewġ aspetti. Pereżempju għandkom fejn lit-tfal tispjegawlhom l-imħabba lejn l-ambjent. Semmejna l-mod kif il-Piggy Bank li kien tal-plastik qabel, illum dorna biex nagħmluh tal-kartun, u l-affarijiet l-oħra kollha, u allura hemm diġà linja importanti ħafna ta’ edukazzjoni li lit-tfal tagħna rridu nagħmlulhom. Dik l-ewwel waħda.

Però l-iktar ħaġa importanti, imbagħad, kif issemma diġà, illi nitkellmu fuq il-bżonn ta’ solidarjetà. U jiena nagħmel distinzjoni bejn solidarjetà u bejn karità. Tgħiduli: “X’inhi d-differenza?” Il-karità, ħafna drabi, tagħmilha b’ċertu sens ta’ meta nagħtik il-karità, jiena qiegħed fuqek. Però għallmuhom lit-tfal ukoll illi d-dinja mhix dik biss li jaraw – bla ma ttappnulhom is-sabiħ tal-ħajja tal-lum u anki tal-futur – però jrid ikun hemm ħin fejn tgħidulhom ukoll illi d-dinja taf kultant tiswied u li sħabhom jafu jimirdu u li fil-familja jaf ikollhom nies li jaqgħu fil-mard, ħa jkunu ppreparati.

U importanti ħafna wkoll anki tikkwotaw, bħalma għamilna pereżempju s-sena l-oħra, fejn aħna ħadna l-eżempju ta’ dawk it-tfal li kienu morda u li bl-għajnuna u l-grazzja t’Alla ġew lura għal saħħa normali u għidnielhom “super heroes” għax irnexxielhom jirbħu l-mard.

Jiena nemmen li dan id-diskors lit-tfal irridu ngħiduhulhom f’kull livell, għax it-tfal jifhmuh fil-livell li jkunu fih: b’mod sempliċi għax ikunu għadhom żgħar, meta jibdew kemm kemm jikbru iktar jibdew jirriflettu fuq dak li qegħdin ngħidulhom.

Ma rridx inkun didattiku żżejjed imma jiġifieri dawn huma żgur ħsibijiet illi naħseb li wieħed irid jaqsam illum meta qed nitkellmu fuq kampanja – tgħiduli mill-Piggy Banks spiċċajna b’dawn il-ħsibijiet – imma dan hu l-importanti. Għax jekk aħna m’aħniex se ngħidu lit-tfal tagħna li huma parti minn soċjetà, li huma ħolqa minn soċjetà, u nuruhom li jekk allaħares qatt wieħed minnhom, waħda minnhom ikollha bżonn, ħa ssib is-sostenn ta’ ħaddieħor, għax b’hekk nibnu l-għaqda, b’hekk nibnu r-rispett lejn xulxin u ma ngħidux: “Ma jimpurtanix minn ħaddieħor”.

Dawn huma affarijiet illi qed nirrepetihom, u niddejjaq nirrepetihom għax naf li intom bħala għalliema żgur li dawn tipprietkawhom kontinwament, b’dak li tgħidu u anki b’għemilkom.

U għalhekk nirringrazzjakom mill-ġdid li kontu hawnhekk, inħeġġiġkom biex tgħinu lit-tfal jidħlu fl-ispirtu. Mhux l-ammont. L-ammont sabiħ u rrid nirringrazzja anki sponsors bħal BOV li matul is-snin kollha kienu magħna. L-ammont sabiħ, però l-ġest li inti qed tikkontribwixxi bi skop, dik hija xi ħaġa li naħseb li għandha tkun l-iktar ħaġa importanti.

Nirringrazzjakom. Nawguralkom illi twasslu dawn il-messaġġi u li fl-aħħar tal-ġabra, għaliex le, wara kollox nieħdu gost ukoll jekk ikun hemm somma mhux ħażin.

Grazzi ħafna.

-TMIEM-

Skip to content