George Vella

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, waqt is Serata Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2022, 16 ta’ Diċembru 2022

Onorevoli Andy Ellul, Segretarju Parlamentari,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Irrid nibda billi nirringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari Għad-Djalogu Soċjali ta’ din l-istedina.  Kemm hu sabiħ li għal sena oħra qegħdin nagħtu ġieħ lil dawk kollha li matul l-aħħar sena spikkaw fil-qasam tax-xogħol tagħhom.

Din hija l-ewwel sena mingħajr restrizzjonijiet fl-aħħar tliet snin. 

Irrid inrodd ħajr lill-ħaddiema kollha tas-sagrifiċċji li għamlu matul il-pandemija.

Nibda b’dawk li xogħolhom ma setax isir mid-dar, dawk hekk imsejħa ‘frontliners’ li ħadmu lejl u nhar qatigħ u spiss ’il bogħod mill-aktar għeżież tagħhom.  B’mod speċjali qed nirreferi għal dawk li jaħdmu fis-settur tas-saħħa, tas-sigurtà, ix-xufiera, tal-merċa, ħaddiema tal-banek u servizzi bażiċi oħrajn.  Minkejja l-biża’ mill-mard baqgħu jagħtu l-ħidma tagħhom bla waqfien. 

Bl-istess mod nirringrazzja lill-ħaddiema kollha li b’ħafna paċenzja u reżiljenza offrew is-servizzi tagħhom online.  F’moħħi jiġu mal-ewwel l-istituzzjonijiet akkademiċi kollha mill-kindergarten sal-ogħla livell terzjarju, is-Servizz Pubbliku, u l-ħafna kumpaniji privati li jaħdmu f’oqsma differenti. 

Fl-istess waqt, ma jonqosx radd ta’ ħajr għal min iħaddem, li b’ħafna flessibilità, kreattività u b’fiduċja sħiħa fil-ħaddiema tagħhom, ħolqu u taw spazju lil sistemi elettroniċi li bihom salvaw l-impjiegi ta’ eluf ta’ ħaddiema u bl-istess mod baqgħu jieħdu profitt u jagħtu sehem dirett fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. 

Ilkoll kontu katina, fejn bis-saħħa tagħkom kollha, ħadna ħsieb il-vulnerabbli u rajna li pajjiżna jibqa’ jikber ekonomikament.  Ta’ dan għandna kollha nkunu kburin. 

[Kif irrefera l-Onorevoli Ellul], irrid inħeġġeġ lil min iħaddem li fejn l-esperjenza tal-pandemija għallmitna nkunu flessibbli u effiċjenti, inkomplu nagħmlu użu minn dawn is-sistemi anke issa li r-restrizzjonijiet huma xi ħaġa tal-passat. 

Nemmen li s-sistemi varji li tħaddmu offrew bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema.  Fl-istess ħin, tnaqqset il-ħafna konġestjoni mit-toroq u mill-uffiċini fejn anke l-konsumatur tgħallem juża sistemi elettroniċi għal bosta servizzi.  Kien għalhekk proċess ta’ bidla pożittiva għal kulħadd.  Infaħħar, għaldaqstant, dawk l-inizjattivi, kemm fis-settur pubbliku u anke f’dak privat, li biddlu sitwazzjoni negattiva għal metodi li żiedu l-effiċjenza u l-produttività, u fl-istess ħin ħadu ħsieb is-saħħa tal-ħaddiema tagħhom.

Sinjuri,

Pajjiżna minn dejjem kien magħruf għall-għaqal u l-bżulija tal-ħaddiema tiegħu.  F’dawn l-aħħar snin żdiedu sew il-ħaddiema barranin fostna.  Dawn kienu, għadhom, u se jibqgħu element kruċjali fis-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.  Filwaqt li nirringrazzjahom tal-kontribut validu tagħhom, nixtieq li kull wieħed minn dawn jiġi trattat b’rispett u b’dinjità għas-servizz li jkunu qed jagħtu. 

Dan l-aħħar, smajna ħafna b’inċidenti fuq il-post tax-xogħol.  Uħud fatali.  Din hija weġgħa kbira kull darba li sseħħ.  Nixtieq għalhekk niġbed l-attenzjoni ta’ kull min iħaddem biex ma jkunux xħaħ fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.  Min iħaddem u l-awtoritajiet responsabbli għandhom ikunu xprun ta’ inizjattivi li jieħdu ħsieb lill-impjegati minn diżgrazzji li jkunu jistgħu jiġu evitati bi ftit aktar attenzjoni u dixxiplina.

Ejja nżommu f’moħħna u napprezzaw bi sħiħ li l-ħaddiem hu l-akbar riżorsa li għandu pajjiżna.  Riżorsa kbira li dejjem tiżviluppa f’servizzi ta’ eċċellenza.  Huwa importanti għalhekk li nagħrfu kif nieħdu ħsiebha bl-aħjar mod.  B’hekk insaħħu isem pajjiżna f’kull servizz li noffru.

F’okkażjoni bħal tal-lum inħossni kburi bit-talent u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-kumpaniji tagħna.  Intom li qegħdin hawn, nominati u ppremjati, qed isservu ta’ xempju għal oħrajn fejn jidħlu l-etika u l-istandards fuq il-post tax-xogħol.

F’isem il-Poplu Malti, nifirħilkom kollha tas-servizz li qegħdin tagħtu lil pajjiżna u nawguralkom aktar ħidma sfiqa fil-ġejjieni.

Il-lejl it-tajjeb.

Skip to content