ERA Chairman Dottor. Perit Cassar,
Rettur tal-Università, Professur Alfred Vella,
Professur Victor Axiak (mhux magħna),
Sinjura Mary Gaerty,
Sinjuri,
Għal sena oħra huwa pjaċir tiegħi li qiegħed ningħaqad magħkom hawnhekk għal din is-Seba’ Edizzjoni tal-Premju Buonamico.
Bħala l-Patrun tal-Premju Buonamico, għandi pjaċir li qed niftaħ din iċ-ċerimonja importanti, li tagħtina l-opportunità sabiex ta’ kull sena nagħrfu u nagħtu ġieħ lil personalitajiet li permezz tal-ħidma tagħhom ikunu taw kontribut mhux żgħir fil-qasam tal-ħarsien u l-konservazzjoni tal-ambjent.
Kif smajna diġà, din is-sena qed nippremjaw lill-Professur Alfred Vella, lill-Professur Victor Axiak, u lis-Sinjura Mary Gaerty.
Kif tafu, il-Professur Vella huwa r-rettur tal-Università ta’ Malta. Il-Professur Vella beda, kif qalilna diġà, bħala għalliem tal-kimika u sa minn meta ġie appuntat bħala lettur fl-Università lura fl-1987, huwa dejjem kien interessat fix-xjenza ambjentali u t-tniġġis tal-arja. Tul dawn is-snin, is-Sur Vella għallem mijiet ta’ studenti li llum saru xjenzati, akkademiċi u għalliema tax-xjenza. Permezz tar-riċerka li ħadem fuqha tul il-karriera tiegħu, il-Professur Vella għamel ħafna ġid permezz tal-għarfien nazzjonali li qajjem fejn għandu x’jaqsam it-tniġġis fl-ilma u fl-arja ta’ madwarna.
Jiena kelli l-pjaċir naħdem fil-qrib mal-Professur Vella fejn meta kont Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Ambjent (1996-1998), huwa ġie appuntat Viċi President fil-Bord Konsultattiv tal-Ambjent (Vice Chair of the Consultative and Advisory Board for the Environment – CABE) flimkien ma’ tim ta’ esperti oħra li għadhom sal-lum, kull wieħed minnhom, jagħtu kontribut mhux żgħir fejn jidħlu problemi ambjentali.
Iktar riċenti, il-Professur Vella kien membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għal seba’ snin sħaħ, propju sa Frar li għadda.
Fost it-tim li semmejt ftit ilu tal-CABE, kien hemm ukoll il-Professur Victor Axiak. Dan huwa t-tieni persuna li ser jirċievi l-Premju Buonamico llum.
Prof. Axiak ilu Professur tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta għal kważi erbgħin sena. F’dawn is-snin, huwa għamel riċerka f’oqsma marbuta mal-ħarsien ambjentali, fosthom it-tniġġis tal-baħar. Għallem f’diversi universitajiet internazzjonali fil-qasam ambjentali u saħansitra organizza diversi korsijiet universitarji fuq is-sitwazzjoni ambjentali fil-Mediterran.
Il-Professur Axiak mexxa l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mit-twaqqif tagħha fl-2016 sa Jannar ta’ din is-sena. Dawn l-ewwel snin tal-Awtorità kienu ta’ sfida u x-xogħol tal-Professur Axiak għenu sabiex l-ERA timmatura u tiżviluppa fl-awtorità regolatorja b’sisien sodi li hija llum.
It-tielet Premju Buonamico qed imur għand is-Sinjura Mary Gaerty, kofundatur u President tal-Green Skip Services Ltd. Din il-kumpanija tagħti konsulenza fuq l-immaniġġjar tal-iskart, fost affarijiet oħra. Fi żmien fejn l-għarfien fost il-poplu Malti rigward l-impatt tal-iskart fuq l-ambjent kien limitat, is-Sinjura Gaerty għażlet li tispeċjalizza fl-immaniġġjar tal-iskart u l-protezzjoni ambjentali. Is-Sinjura Gaerty emmnet bis-sħiħ li l-edukazzjoni u l-għarfien dwar il-konservazzjoni ambjentali huma kruċjali sabiex l-ambjent naturali jiġi mħares minn kull wieħed u waħda minna. Hija wettqet diversi żjarat fl-iskejjel ġewwa pajjiżna, fejn iffokat propju fuq tagħlim relatat mal-importanza tar-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-iskart.
U hawnhekk irrid nagħmel nota li qegħdin nitkellmu fuq nies li meta mmorru lura dawn is-snin kollha u ntefgħu b’ruħhom u ġisimhom fuq dan is-suġġett, meta qed nitkellmu fuq l-iskart, qabel konna qegħdin ngħidu: “Qegħdin nieħdu ħsieb iż-żibel”, li kien xi ħaġa li n-nies kienet negattiva: “M’hemmx x’tagħmel; aqbad armih u teħles minnu”. Imma dak iż-żmien, u anki dik il-ħabta jien kont inkarigat mill-ambjent, bejn l-1996 u l-1998, il-problema kienet li bdejna nippruvaw insibu mezz kif indaħħlu f’ras in-nies li dan mhuwiex sempliċiment żibel, imma huwa xi ħaġa li kellu impatt enormi fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna u anki fuq saħħitna eventwalment.
Għalkemm dawn it-tliet personalitajiet jispeċjalizzaw f’oqsma daqsxejn differenti, l-iktar element li dawn għandhom komuni huwa l-insistenza tagħhom fuq l-edukazzjoni.
Il-Professur Vella, il-Professur Axiak u s-Sinjura Gaerty għamlu xogħol li jispira, jeduka u jagħti s-setgħa lill-membri tas-soċjetà tagħna. Huma kienu u għadhom ta’ sostenn għal ħafna nies, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.
Permezz tal-ħidma edukattiva tagħhom, ġenerazzjonijiet ġodda ser ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fl-ikbar sfida li qegħdin inħabbtu wiċċna magħha bħalissa, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali, u anki ngħid globali – dak li huwa t-tibdil tal-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Sfidi li l-konsegwenzi tagħhom diġà qegħdin inħossuhom. Sfidi li sfortunatament jekk ma rreġġgħux lura l-ħsara li saret, uliedna u wlied uliedna, diġà mwelldin, ser jiffaċċjaw sfidi u taqlib kbir. Mhux qed nitkellmu fuq mijiet ta’ snin oħra, imma fuq għexieren ta’ snin.
Waqt żjarat fl-iskejjel u fil-kuntatt li jkolli mat-tfal u ż-żgħażagħ, dejjem nimpressjona ruħi u nagħmel kuraġġ fuq kif dawn huma tassew konxji fuq il-bżonn ta’ iżjed għarfien dwar is-sostenibbiltà u l-ħarsien ambjentali. Dan nifhem għaliex, bħalma diġà għidt, dawn huma sfidi ta’ żmienhom. Però rrid ngħid ukoll li rnexxielna sa ċertu punt anki ndaħħlu dawn l-ideat u dawn ir-realtajiet f’moħħ it-tfal tagħna u ż-żgħażagħ tagħna.
Għandna kemm jista’ jkun inkomplu nitkellmu fuq is-sostenibbiltà u fuq kemm din hija importanti sabiex l-ambjent ta’ madwarna jiġi mħares u sostnut. Nemmen bis-sħiħ li t-tema tas-sostenibbiltà għandha tiġi introdotta wkoll f’diskussjonijiet orizzontali. Dan għaliex meta nitkellmu fuq is-sostenibbiltà, m’għandniex biss ninkludu lill-awtoritajiet konċernati fid-diskussjoni, iżda għandna wkoll ninvolvu lin-negozji privati, lis-soċjetà ċivili, akkademiċi, professjonisti u iktar.
Fl-opinjoni tiegħi, is-sostenibbiltà għandha tkun rispettata u mħaddna f’kull livell tas-soċjetà tagħna, f’kull ħin u f’kull mument u f’kull proġett li nagħmlu. Fl-aħħar mill-aħħar, is-sostenibbiltà hija l-mezz kif nassiguraw ħajja aħjar għal kull wieħed u waħda minna.
Fl-irwol tiegħi bħala President tar-Repubblika, jiena dejjem sostnejt u tkellimt fuq l-importanza ta’ dan is-suġġett. Dan huwa rifless f’ħafna mill-interventi pubbliċi tiegħi, f’diskorsi f’pajjiżna, kif ukoll barra minn pajjiżna. Għadni sal-lum inġorr miegħi t-tagħrif li tgħallimt tul l-irwolijiet Ministerjali tiegħi, kemm meta kont responsabbli mill-Ambjent kif ukoll mill-Affarijiet Barranin.
Kif diġà għidt, imma ma niddejjaqx nirrepeti, dawn l-esperjenzi kollha għallmuni li n-nuqqas ta’ azzjoni immedjata fuq il-problemi u l-isfreġju ambjentali, kif ukoll problemi relatati mat-tibdil fil-klima, ser jiffaċċjawhom b’iktar diffikultà l-ġenerazzjonijiet li jmiss.
Kif diġà semmejna, illum qegħdin hawnhekk sabiex nagħtu ġieħ u nagħrfu l-ħidma ta’ dawn it-tliet persunaġġi li ħadmu fil-protezzjoni ambjentali u l-konservazzjoni tal-wirt naturali ta’ madwarna.
Għalkemm huwa tajjeb li nagħtu kas u nippremjaw l-irwol importanti tal-individwu fis-soċjetà, għandna bl-istess mod nisħqu fuq l-importanza tat-twaqqif u l-ħarsien tas-sistemi regolatorji li suppost iħarsu u jipproteġu s-sostenibbiltà ambjentali f’pajjiżna.
Hemm bżonn ta’ liġijiet stretti, u hemm bżonn ta’ ħarsien bis-serjetà. Kull abbuż u kull traskuraġni jridu jinqatgħu. Nifhem li l-iżvilupp tal-bini huwa bżonjuż, iżda dan m’għandu qatt isir għad-detriment tal-ambjent naturali.
Hawn qed nitkellmu fuq “Built Environment versus natural environment”. Dan huwa bilanċ li huwa delikat ħafna f’pajjiż żgħir bħal tagħna u huwa importanti li jinżamm dan il-bilanċ, speċjalment meta qed nitkellmu fuq territorju daqshekk żgħir.
Il-ħarsien tal-ambjent naturali huwa essenzjali mhux biss għas-sostenibbiltà, jew biex jiġu mħarsa l-karatteristiċi tipiċi tal-ambjent li nsibu f’pajjiżna. Il-ħarsien tal-ambjent huwa essenzjali fuq kollox għas-saħħa fiżika u anki għas-saħħa mentali tagħna l-Maltin u l-Għawdxin li ngħixu f’dan l-ambjent. Illum nafu sewwa x’impatt għandu l-ambjent fuq saħħitna u fuq is-saħħa mentali tagħna.
Bla dubju ta’ xejn, l-ambjent ta’ madwarna għandu wkoll sehem sħiħ fl-iżvilupp ġenerali tal-komunitajiet tagħna. Għalhekk, tajjeb li niżguraw li dan inħarsuh b’mod mill-iktar sostenibbli, għall-ġid ta’ wliedna u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Spazji ħodor, playing fields, siġar, inqas traffiku, dawl naturali u ħafna fatturi oħra, jgħinu biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar.
Nappella għalhekk mill-ġdid sabiex l-awtoritajiet konċernati kollha jkunu dejjem iktar viġilanti u jipproteġu aħjar il-wirt ambjentali li fadlilna.
Mhux biżżejjed li jkollna r-regolamenti u l-liġijiet, imma rridu naraw li dawn jiġu mħarsa u jiġu implimentati kif xieraq.
Liġijiet għandna ħafna. Il-kuxjenza suppost li matul dawn is-snin żviluppajnieha.
Li hemm bżonn, u nerġa’ nirrepeti, huwa ħarsien strett tar-regolamenti, u deċiżjonijiet favur il-ħarsien tal-ambjent meħuda bis-serjetà u li ma nħarsu lejn wiċċ ħadd.
Dak li neqirdu llum jispiċċa għalkollox, filwaqt li dak li nindukraw ser jibqa’ jagħti l-frott. Dak li ser ngħattu bil-bini u t-tarmak inkunu tlifnieh għal dejjem.
Fiċ-ċokon ta’ artna ma hemmx lok fejn nieħdu żbalji bħal dawn.
Dan huwa obbligu morali tagħna lkoll, jiġifieri li nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għalina, għal uliedna u għal ulied uliedna.
Dan mhux kapriċċ, imma dan huwa dover tagħna lkoll.
Qabel nagħlaq, nixtieq nirringrazzja lill-ERA mhux biss għax-xogħol siewi li twettaq, iżda wkoll talli għarfet il-valur u l-bżonn li jinħoloq dan il-premju li jonora persuni li taw kontribut sostanzjali fejn jidħlu l-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt naturali ta’ pajjiżna.
Nagħlaq billi mill-ġdid nifraħ lill-Professur Vella, lill-Professur Axiak u lis-Sinjura Gaerty għal dan il-premju, u f’isem il-Poplu Malti, nirringrazzjakom għall-kontribut siewi li tajtu lil pajjiżna permezz tax-xogħol u d-dedikazzjoni tagħkom.
Nirringrazzjakom.