George Vella

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, waqt iċ-Ċerimonja ta’ Jum Għawdex u l-Għoti tal-Premju Ġieħ Għawdex, 28 ta’ Ottubru 2023.

Nirringrazzjakom talli għoġobkom tagħmlu din l-istedina sabiex għal darb’oħra ningħaqad magħkom għal din iċ-ċelebrazzjoni li nagħmlu kull sena.

Mitejn u ħamsa u għoxrin (225) sena ilu, l-Arċipriet Saverio Cassar irnexxielu jgħaqqad lill-Għawdxin wara għan ewlieni – li jiksbu l-ħelsien tal-gżira Għawdxija mill-ħakma Franċiża. Dan l-avveniment għadu sal-ġurnata tal-lum wieħed mill-aktar kapitoli ċentrali u importanti fl-istorja u l-ħolqien tal-identità Għawdxija.

Ir-rebħa tal-Għawdxin taħt it-tmexxija tal-Arċipriet Cassar baqgħet tiġi mfakkra fit-28 t’Ottubru mill-2005 ’l hawn. Fl-istess ġurnata beda jiġi wkoll iċċelebrat Jum Għawdex – Jum din il-gżira bi storja tant imlewna.

Dan huwa mument f’waqtu biex nagħrfu u nagħtu ġieħ lil dawk l-individwi fost il-komunità Għawdxija li b’għemilhom u b’ħidmiethom ikun irnexxielhom jispikkaw u jagħmlu ġieħ lil din il-gżira.

B’hekk indur mill-ewwel fuq iż-żewġ personalitajiet li ser jiġu ppremjati llejla, li huma s-Sur Lorrie Saliba u s-Sur Marlon Attard.

Is-Sur Lorrie Saliba m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni, speċjalment hawnhekk ġewwa Għawdex. Dan għaliex Lorrie minn dejjem kien attiv fil-komunità permezz tax-xogħol volontarju li huwa għamel f’diversi għaqdiet lokali.

Is-Sur Saliba huwa l-aktar magħruf permezz tal-attiviżmu kontinwu tiegħu fil-Victoria Scouts Group. Huwa laħaq Group Scout Leader fl-1999 u hemm serva lill-grupp għal tletin sena sħaħ propju sal-2020. Ix-xogħol ta’ Lorrie għen mhux ftit fit-tiswir u l-formazzjoni tal-karattru ta’ bosta żgħażagħ li ħafna minnhom illum saru ċittadini adulti fis-soċjetà tagħna.

Dawk li bħal Lorrie jagħżlu li jagħtu mill-ħin tagħhom għall-volontarjat jagħtuna eżempju ċar ta’ kif is-sens altruwistiku jista’ jservi ta’ ġid għal ħaddieħor.

Nemmen bis-sħiħ li l-volontarjat huwa wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-futur tal-poplu tagħna. Huwa għalhekk ferm importanti li nagħtu ġieħ u nuru l-apprezzament tagħna billi ngħinu lil dawk l-individwi li bħal Lorrie, b’dedikazzjoni u determinazzjoni kontinwa, jaħdmu għall-ġid tal-komunitajiet tagħhom. 

F’pajjiżna għandna kważi elfejn għaqda volontarja.

Diffiċli wieħed jimmaġina xi kwalità ta’ ħajja kien ikollna kieku dawn ma kinux jeżistu.

It-tieni premju ‘Ġieħ Għawdex’ ser ikun qiegħed jingħata lis-Sur Marlon Attard, atleta nazzjonali tal-Malta Shooting Sport Federation fid-dixxiplina Skeet.

Id-dixxiplina u t-taħriġ kontinwu huma wħud mill-kwalitajiet li jagħmlu lil Marlon atleta ddedikat għall-isport tiegħu. Tul il-karriera tiegħu s’issa, Marlon għamel ġieħ u unur lil pajjiżna diversi drabi permezz tal-ħiliet tiegħu u bis-suċċessi mhux żgħar li rnexxielu jikseb matul is-snin.

Biex atleta jikseb dan it-tip ta’ suċċess fuq livell daqshekk għoli, il-ħiliet naturali waħedhom biss mhumiex biżżejjed. Atleti bħal Marlon iqattgħu ħafna minn ħinhom jitħarrġu bl-għan li dejjem itejbu l-kapaċitajiet personali tagħhom u b’hekk jilħqu livelli ogħla f’ħilithom u l-wirjiet tagħhom.

Bis-saħħa tal-ambizzjoni u s-suċċessi tagħhom, huma jkunu qegħdin inebbħu lil mijiet ta’ tfal u żgħażagħ sabiex huma wkoll forsi jsegwu l-ħolm u l-miri tagħhom, mhux biss fl-isport iżda fil-ħajja inġenerali.

Nieħu din l-opportunità biex inwassal l-apprezzament tiegħi lill-Ministeru għal Għawdex, ir-Reġjun Għawdex, u iċ-Circolo Gozitano talli sena wara l-oħra jibqgħu jaħdmu sabiex dawn l-individwi Għawdxin li huma ta’ ġid siewi u ta’ eżempju ħaj għas-soċjetà tagħna jiġu ppremjati u jingħataw il-ġieħ li jistħoqqilhom.

Illum qegħdin naraw kif kull individwu jista’ jagħmel differenza. Kull individwu għandu l-potenzjal li jagħti kontribut sabiex is-soċjetà u l-komunitajiet tagħna dejjem ikomplu jtejbu l-kundizzjonijiet materjali u ta’ għajxien tagħhom.

Tajjeb, però, li nirriflettu ftit ukoll fuq kif l-ebda individwu ma jgħix waħdu ġewwa bozza. Kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu li aħna prodott tal-ambjent ta’ madwarna u flimkien mal-bqija tas-soċjetà ngħixu flimkien, u b’għemilna anke ninfluwenzaw l-ambjent ta’ madwarna.

Huwa għalhekk ferm importanti li nżommu f’moħħna l-impatt li jħalli l-ambjent ta’ madwarna fuq kull wieħed u waħda minna li ngħixu fih.

Qed nirreferi hawnhekk għall-bilanċ meħtieġ bejn l-ambjent naturali u l-ambjent mibni jew żviluppat.

Impatt mhux żgħir kemm fuq il-ħajja fiżika tagħna, u aktar u aktar fuq is-saħħa mentali tagħna.

Tafu kemm għandi għal qalbi l-ambjent u kif dejjem nitkellem fuq kemm għandna nkunu iżjed konxji tal-ħtieġa li nħarsu l-ambjent naturali, li l-gżejjer tagħna huma mogħnija bih.

Nifhem li l-iżvilupp tal-ambjent huwa bżonjuż, iżda dan m’għandu qatt isir għad dannu tal-ambjent naturali.

Tul din il-Presidenza, kelli l-opportunità li nżomm kuntatt ma’ bosta għaqdiet u individwi Għawdxin.

Smajt dwar it-tħassib ta’ ħafna minnkom fir-rigward tal-‘assedju’ li jinsab fih Għawdex minħabba żvilupp li jagħti l-impressjoni li huwa eċċessiv.

Naf li bħali, bosta fostkom tinsabu mħassba kif ċentri storiċi u urbani, il-periferiji tal-lokalitajiet u l-kampanja ġewwa Għawdex – saħansitra x-xtut – qed ikomplu jiġu milquta minn dan l-iżvilupp.

Il-ħarsien tal-ambjent naturali huwa bżonjuż mhux biss biex jiġu mħarsa l-karatteristiċi tipiċi tal-ambjent li nsibu f’Għawdex, iżda wkoll għas-saħħa fiżika u mentali tan-nies f’Għawdex stess.

Bla dubju ta’ xejn, l-ambjent ta’ madwarna għandu sehem sħiħ fl-iżvilupp tal-komunità Għawdxija.

Għawdex sabiħ għalina għax għandu ambjent uniku.

Għalhekk, tajjeb li niżguraw li dan inħarsuh, għall-ġid u l-ħajja aħjar ta’ wliedna u tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Mingħajr ma’ ntawwal aktar, nagħlaq billi mill-ġdid nifraħ lis-Sur Lorrie Saliba u lis-Sur Marlon Attard għar-rikonoxximent mistħoqq li ngħataw illum, kif ukoll lill-President u lill-membri taċ-Circolo Gozitano tal-impenn nobbli tagħhom li jżommu l-kultura u l-istorja f’Għawdex ħajjin.

Ejjew naraw li l-eżempju tas-Sur Saliba u s-Sur Attard fl-oqsma tal-volontarjat u l-isports jgħinu biex irawmu ċittadini li bil-ħidma tagħhom jagħmlu isem tajjeb u ġieħ lill-maħbub Għawdex tagħna.

Grazzi.

Skip to content