George Vella

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-75 Anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji, 7 ta’ Lulju 2023

Sur Paul Abela, President tal-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji,

Sur Philip Fenech, Deputat President,

Sinjura Abigail Mamo, CEO,

Sinjuri,

Huwa ta’ pjaċir għalija li qiegħed hawn magħkom niċċelebraw dan l-anniversarju importanti għall-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji. 

Ħamsa u sebgħin (75) sena ta’ storja mhux biss tal-istess Kamra iżda wkoll ta’ pajjiżna.  Fil-fatt, nistgħu ngħidu li l-mixja tal-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji tul iż-żminijiet hija riflessa fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta.

Kif diġà smajna, il-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji ġiet imwaqqfa fl-1948 taħt l-isem ta’ General Retailers Union.  Kienet għadha kif intemmet it-Tieni Gwerra Dinjija.  Fost ħafna tifrik u faqar f’pajjiżna, in-negozjant Malti, li kien żgħir u bla vuċi, ħass il-ħtieġa tal-għaqda sabiex ikollu sistema li taqbeż għalih, tgħinu jikber u, aktar importanti, li jiġi mifhum u apprezzat aħjar minn dawk li jfasslu l-politika ekonomika u kummerċjali ta’ pajjiżna. 

Dan kien qed iseħħ ukoll fl-isfond ta’ qawmien politiku f’Malta sabiex pajjiżna isir aktar indipendenti mill-barrani u jimxi lil hinn minn ekonomija bbażata fuq dħul minn bażi ta’ fortizza militari.  Kien żmien ta’ bidliet kbar li eventwalment wassal għall-kisbiet kollha li pajjiżna jiftaħar bihom u jgawdi minnhom il-ġurnata tal-lum.

Din l-evoluzzjoni seħħet ukoll, sa ċertu punt, f’dik li ħafna minna jafuha bħala l-General Retailers and Traders Union (GRTU), li matul is-snin saret imsieħeb soċjali ewlieni li hu rappreżentat f’diversi fora nazzjonali.  Fl-2020, il-GRTU biddlet isimha għall-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji, u dan sar biex tirrifletti b’mod aktar inklussiv il-membri tagħha.  Illum dawn jgħoddu mas-sebat elef li jirrappreżentaw madwar tnax-il elf negozju differenti.

Numri li nieħu gost nisma’ bihom għax minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, hawn ħafna Maltin bi spirtu intraprenditorjali u li lesti jieħdu riskju u jinvestu fihom infushom kif ukoll f’Malta stess.  Dan ma jseħħx mingħajr l-uġigħ ta’ ras tiegħu, u minn hawn insellem lil dawk l-eluf ta’ negozji żgħar li minkejja l-għawġ kollu ta’ dawn l-aħħar snin, kienu bil-għaqal biżżejjed li żammew fil-wiċċ u qed jerġgħu jieħdu r-ruħ.

Sinjuri,

Sa ċertu punt, il-bidliet u l-isfidi fuq livell globali u nazzjonali li wasslu għall-ħolqien tal-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji, qed jerġa’ jirrepeti ruħu.  Minn kriżi finanzjarja, għall-Brexit u, fl-istess waqt, pandemija globali li ġabet id-dinja għarkopptejha f’kull aspett tal-ħajja.  F’Malta konna xortina tajba, u bil-għaqal biżżejjed, li bl-għajnuna diretta mill-Istat, evitajna ħafna fallimenti ta’ negozji u telf ta’ impjiegi. 

Iżda hekk kif ħsibna li l-kbir għadda, u li kollox kien se jiġi għan-normal, tfaqqa’ gwerra fil-kontinent tagħna li għadha għaddejja fl-Ukrajna sal-lum, filwaqt li ħolqot kriżi fil-qasam tal-enerġija u fil-provvisti tal-ikel li wasslu għal inflazzjoni qawwija.  Dawn, flimkien maż-żieda konsiderevoli fil-prezzijiet tat-trasport bil-baħar ikkawżat min-nuqqas ta’ kontejners, ħolqu aktar instabilità li taffettwa b’mod dirett lin-negozji ż-żgħar.

Apprezzajt ħafna li tul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji żammitni infurmat, waqt laqgħat regolari li kellna, dwar dawn il-kwistjonijiet kollha li jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozjanti tagħna.  Naf kemm ħafna mill-membri tagħkom jinkwetaw dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema ta’ kwalità.  Nifhem li l-ekonomija ta’ pajjiżna u r-rata tat-tkabbir tagħha titlob injezzjoni qawwija ta’ ħaddiema barranin sabiex tiġi sostnuta.

Irrid nieħu din l-okkażjoni sabiex mill-ġdid nerġa’ nisħaq il-punt dwar l-importanza tas-sostenibbiltà.  F’dawn l-aħħar snin, kien hawn qawmien dwar il-ħarsien ambjentali mhux f’biss f’Malta iżda wkoll fl-Unjoni Ewropea u fuq livell globali permezz tal-Ġnus Magħquda. 

B’mod parallel, u irrispettivament mid-daqs, l-industrija wkoll qed tadotta metodi magħrufa bħala ESG (Environmental, Social, Governance) fejn kull tip ta’ negozju jagħżel li jibdel il-metodoloġiji tax-xogħol u jinvesti fi proċeduri diġitali li mhux biss isaħħu s-sostenibbiltà, iżda wkoll l-effiċjenza tal-operat tagħhom.

Nemmen għalhekk li nistgħu naħdmu b’mudelli ekonomiċi b’mod transversali li filwaqt li jħallu l-ekonomija tikber, jgħinu fil-protezzjoni tal-ambjent u jaraw li jsaħħu wkoll il-livell soċjali.  Biex isir dan, kulħadd irid jaħdem id f’id, fejn ir-riżorsi jinqasmu u jkun hemm aktar konverġenza f’kull qasam.

Naf li dawn il-punti ħarġu b’mod ċar fl-istħarriġ SME Barometer li għamlet il-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji.  Huwa għalhekk neċessarju li l-Kamra tibqa’ sservi fir-rwol tagħha bħala medjatur bejn in-negozjant u dawk li jfasslu l-politika.  Li tibqa’ tgħallem lin-negozjanti żgħar dwar metodi ġodda u li jistgħu jkunu effettivi u miżuri li huma obbligati jimplimentaw. Li tagħti aktar viżibilità lill-prodotti kollha lokali u li tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jagħmel użu minn dak kollu li hu Malti, bil-konvinzjoni li hu ta’ kwalità daqs dak barrani. 

Tajjeb ukoll li l-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji tkompli sservi ta’ vuċi għall-membri tagħha kull fejn hi rappreżentata.  Ma ninsewx li n-Negozji ż-Żgħar u Medji, f’ħafna każi, huma negozji familjari li bis-saħħa tal-għajnuniet varji tal-Kamra, kemm f’aspetti ta’ riżorsi umani kif ukoll ta’ prattiċi tajbin, jiżguraw li dawn in-negozji jibqgħu b’saħħithom u b’hekk jintirtu mill-ġenerazzjoni li jmiss.

Nagħlaq billi nifraħ mill-ġdid lill-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji għal dan l-anniversarju importanti, u nawgura lilkom u lill-membri tagħkom aktar ħidma sfiqa għat-tisħiħ ekonomiku soċjali u ambjentali ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Grazzi.

Skip to content