George Vella

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, waqt attività mal-Komunità Maltija fl-Emirati Għarab Magħquda, Dubaj, 21 ta’ Ġunju 2023.

Eċċellenza Tiegħek l-Ambaxxatriċi Marija Camilleri Calleja,

Mistednin distinti,

Sinjuri,

L-ewwel nett, nibda billi nwassal ir-ringrazzjament tiegħi lilkom ilkoll li għoġobkom tingħaqdu magħna llejla. 

Nixtieq ukoll inrodd ħajr pubblikament lill-Ambaxxatur Camilleri Calleja tal-għajnuna li hi u l-kollegi kollha tagħha taw lili u lid-delegazzjoni kemm qabel ġejna hawnhekk, u anki issa matul din iż-żjara fl-Emirati Għarab Magħquda.

Bi pjaċir ngħid li din iż-żjara kienet waħda ta’ sodisfazzjon, li matulha kelli taħditiet pożittivi u kordjali ħafna mal-ogħla mexxejja f’Abu Dhabi u hawnhekk f’Dubaj.

Sinjuri,

Din tal-lejla hija okkażjoni li kemm jien u kemm Miriam dejjem nieħdu ferm gost nattendu, għax tlaqqagħna magħkom, il-membri tal-komunità Maltija barra minn xtutna.

Waqt dawn il-laqgħat informali, dejjem infittex li nwassal messaġġ sempliċi iżda importanti. Il-messaġġ huwa li minkejja d-distanzi, minkejja l-bogħod, intom tibqgħu parti mill-familja Maltija u Għawdxija tagħna.

Dan il-messaġġ kellna l-okkażjoni li nirrepetuh ftit ġimgħat ilu meta konna qegħdin inżuru komunitajiet oħra ġewwa l-Amerka, ġewwa New York, ġewwa l-Kanada u wassalna l-istess messaġġ.

Tul is-snin, speċjalment fil-funzjoni tiegħi bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin dak iż-żmien, dejjem segwejt mill-qrib kif u kemm kibret id-dijaspora Maltija fl-Emirati Għarab.

Tradizzjonalment aħna konna dejjem ngħidu: “Għax għandna l-Maltin ġewwa l-Amerka, il-Maltin ġewwa l-Kanada, il-Maltin ġewwa l-Awstralja”, però maż-żmien, aktar ma kien qed ikolli x’naqsam mal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra, kien qed jiġi rrealizzat illi għandna komunitajiet oħra ġodda li qegħdin jinbtu u jikbru f’pajjiżi oħra, fosthom fl-Ewropa – il-Lussemburgu u Brussell – u hawnhekk ġewwa l-pajjiżi tal-Emirati Għarab Magħquda.

Jien niftakar sew kif kont ninsisti biex, fi ħdan dan il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra, li tiegħu bħala Ministru kont ex officio Chairman, il-komunità Maltija fl-Emirati wkoll ikollha leħen u sehem attiv fil-kumitat.  

Nieħu gost ninnota li minn dak iż-żmien ’l hawn għad hemm rappreżentanza mill-Emirati sal-lum fuq dan il-Kunsill.  

Nitlobkom li tibqgħu tagħtu l-kontribut siewi tagħkom grazzi għal ideat u ħsibijiet ġodda li jirriflettu s-sitwazzjoni u l-isfidi partikolari tagħkom.

U hawnhekk irrid nagħmel differenza, għaliex ħafna mill-emigranti, ħafna min-nies fil-pajjiżi li semmejt: l-Awstralja, il-Kanada, l-Amerka, huma emigranti li marru u dawn ħajjithom se tkun hemmhekk u għandhom illum it-tieni u t-tielet ġenerazzjoni. Hawnhekk għandna taħlita. Hawnhekk għandna min iva iddeċieda li jibqa’, imma għandna wkoll min qiegħed hawn għal żmien limitat li jaf li se jerġa’ jmur lura Malta u allura jinteressah xi jkun għaddej ġewwa Malta għaliex, ovvjament, la jiġi lura wliedu se jsibu dawk il-kundizzjonijiet.

Jiena għalhekk nitlobkom li tibqgħu tagħtu kontribut fil-kumitat u anki twasslu, għaliex le, l-ideat tagħkom ta’ x’għandu jsir.

Sinjuri,

Hekk kif bdew jikbru n-numri tal-Maltin fl-Emirati, kien ċar li intom u min ġie qabilkom bdejtu tbiddlu x-xejra tal-emigrazzjoni minn Malta.

Ir-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi li wasslukom hawnhekk huma ferm differenti, kif qed ngħid, minn dawk li ġiegħlu lil mijiet, eluf anzi, ifittxu ħajja aħjar, sempliċiment minħabba ċ-ċirkostanzi li kien hemm ġewwa pajjiżna fiż-żminijiet ta’ bejn l-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjija.

Illum nistgħu ngħidu li kbirtu ġmielkom, u skont in-numri li għandna, hawn aktar minn 800 membru tal-komunità Maltija ġewwa l-Emirati.  

Bosta minnkom sabu opportunitajiet professjonali attraenti f’ħafna oqsma moderni u dinamiċi, bħalma huma l-avjazzjoni, l-amministrazzjoni, it-teknoloġija tal-informatika, is-servizzi finanzjarji u l-ospitalità, biex inkun qed insemmi biss ftit mis-setturi li naf li ħafna minnkom huma ingaġġati fihom.

Tista’ tgħid li intom ukoll komunità żgħira fl-età u allura drajna nassoċjaw ċertu enerġija u ċertu motivazzjoni mal-preżenza tagħkom f’dan il-pajjiż. 

Tajjeb li apparti fix-xogħol u l-karrieri tagħkom, fejn qegħdin tħallu isem u reputazzjoni tajbin ferm, dawn il-kwalitajiet jiġu wkoll imsarrfa biex tinżamm ħajja r-rabta tagħkom ma’ Malta, permezz ta’ attivitajiet jew inizjattivi ta’ bejnietkom.

U rrid ngħidilkom li fil-laqgħat li kelli, isemmu lill-komunità Maltija u jirreferu għall-Maltin b’ċertu rispett, b’ċertu tifħir, li kif qalet l-Ambaxxatriċi diġà, lilna jagħmilna proud li nkunu qegħdin nisimgħu mexxejja ta’ pajjiżi bħal dawn ifaħħru lill-komunità Maltija u l-kontribut li taw f’oqsma differenti, fil-mediċina u f’kollox.

Il-ħajja hawnhekk, mill-ftit li taqra fuqha u anki tibda tara l-mod kif għaddejjin l-affarijiet, tidher li hija mgħaġġla sew, però jkun sabiħ li ssibu ħin li intom tibqgħu tiltaqgħu b’mod informali u tfakkru t-tradizzjonijiet u r-rikorrenzi li baqgħu b’saħħithom f’Malta u Għawdex.

Kif ġa saret referenza mill-Ambaxxatur, ma nistax ma nsemmix l-użu tal-ilsien Malti. Nifhem li hawnhekk ftit ikun hemm iċ-ċans li tużawh, ovvjament mal-barranin, imma fl-istess ħin tużawh fil-ħidma tagħkom fuq il-post tax-xogħol fejn tiltaqgħu forsi ma’ xi Maltin oħra. Nixtieq li dan ma jitwarrabx, aktar u aktar imma imbagħad mill-ħajja privata tagħkom fejn tiltaqgħu ġewwa d-dar u mal-ħbieb Maltin tagħkom.

Irrid ngħid li kull meta jisimgħuk titkellem, tgħallmuni intom għax għaddejtu minnu bla dubju, il-ħin kollu jistaqsu u jaraw u jkunu affaxxinati li jaraw li l-lingwa tagħna, l-ilsien tagħna, jixbah ħafna l-lingwa tagħhom.

Hawnhekk qed nara numru sabiħ ta’ tfal, u nistedinkom li anki magħhom jekk jista’ jkun, fejn tistgħu, ma twarrbux il-Malti. Mhux qed ngħid li tagħmluh l-aktar oġġett importanti għal ħajjithom, għaliex ovvjament għandhom affarijiet oħra, però jien naħseb li hija okkażjoni tad-deheb li wieħed jiżra’ għall-inqas il-lingwa ġewwa moħħhom. Jekk imbagħad għada pitgħada tinteressahom, inħalluhom ifittxu biex jitgħallmu aktar u jistħarrġu aktar fuqha.

Irrid ngħid li tkun tassew ħasra jekk, kif qed naraw jiġri fi bnadi oħra fejn il-komunità waslet fit-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni, bħalma semmejt diġà ġewwa l-Amerka u l-Awstralja u postijiet oħra, l-użu tal-Malti jibda jintilef ma’ dawn it-tfal iż-żgħar. 

Illum hawn ħafna mezzi, speċjalment dawk diġitali, li jagħtu aċċess għall-Malti miktub, u anki wieħed jista’ jara fuq stazzjonijiet tar-radju u programmi televiżivi oħra li, bħalma tafu, illum faċli tikkomunika magħhom irrispettivament minn kemm hemm bogħod.

Intom tafu aktar minni kemm hawn diversità qawwija fl-Emirati, b’aktar minn 200 nazzjonalità preżenti mid-dinja kollha. 

Nappellalkom tagħmlu l-almu tagħkom biex isem Malta jkompli jissemma bl-akbar rispett kemm mar-rappreżentanti u l-kollegi tagħkom kif ukoll ma’ sħabkom minn madwar id-dinja kollha.

Nagħlaq billi mill-ġdid nixtiqilkom kull suċċess fix-xogħol tagħkom u nixtieq li dejjem tkomplu tkabbru l-għerf u l-kompetenzi tagħkom. Kif inhu l-karattru tagħna l-Maltin, nawguralkom li tgħaddu dak kollu li tafu fuq ix-xogħol tagħkom b’qalbkom u b’ruħkom kollha.

Nawgura wkoll li wħud minnkom, jekk mhux kollha, fl-aħħar mill-aħħar terġgħu tiġu lura pajjiżna fejn il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jgawdi mill-esperjenzi u l-professjonalità li tkunu ksibtu u kabbartu f’dawn is-snin twal ’il bogħod minn xtutna.

Ftakru li lkoll kemm intom, fuq il-post tax-xogħol, fil-ħin liberu tagħkom u fil-mod ta’ kif iġġibu ruħkom ma’ ta’ madwarkom, tkunu qed twasslu mhux biss il-valuri tagħkom bħala individwi, iżda wkoll dawk ta’ Malta bħala art twelidkom.

Il-lejl it-tajjeb lil kulħadd u nirringrazzjakom li smajtuni.

Skip to content