Ħafna minnkom qed jirringrazzjawni talli kellkom aċċess għall-Palazz. Il-Palazz huwa tal-poplu, mhux tiegħi. Jiena min-naħa l-oħra nirringrazzjakom illi ġibtu attività daqshekk ta’ livell għoli u sabiħa hawnhekk biex kulħadd jaqsam il-ħsibijiet u jaqsam anki l-memorji ta’ dan il-personaġġ li qegħdin niftakru fih kemm bħala tabib u anki bħala poeta.
Jekk xejn hija xi ħaġa li tgħinna ħalli nkomplu nsaħħu l-argument, li għamiltu referenza għalih diġà, illi għandna nagħmlu minn kollox biex naħsbu biex insalvaw, biex insaħħu u nżommu l-ilsien tagħna li hu tant sabiħ u tant hu tajjeb biex jintuża ħalli jesprimu ruħhom kif esprimew ruħhom il-poeti matul iż-żmien kemm fil-letteratura u anki fil-poeżija.
U għalhekk nirringrazzjakom ta’ dak kollu li għamiltu. Nirringrazzja lil kull min kien involut biex organizza lejla bħal din u anki, kif għedtilkom diġà, tar-riċerka li saret u anki l-informazzjoni kollha illi ħarġet.
Bħalma nafu, sittin sena jgħaddu bħal ħolma u kultant il-memorja tal-ġrajjiet, jekk ma noqogħdux infakkruha, tnin maż-żmien u tintesa. Kultant terġa’ tiġi mfakkra bħalma qegħdin nagħmlu llum bil-poeżija u anki minn ħsus li jkunu ħerġin mill-qalb ta’ min jagħmel ir-riċerka illi jfittex lill-poeta, ifittex lill-awtur, jistudjah u anki mbagħad iġibu biex iwasslu għall-attenzjoni ta’ numri kbar ta’ nies.
Din hija xi ħaġa li nibqgħu nużaw ħa nibqgħu nfakkru u nwennsu lil xulxin meta naqraw dawn il-fatti u dawn l-istejjer.
Il-poeżija, bħalma tgħallmuni intom, tibqa’ safja u nadifa daqslikieku għadha kemm ħarġet minn qalb il-ħallieq tagħha, skont kemm tiġi espressa b’mod emozzjonali mill-poeta stess.
Imma tibqa’ dejjiema. Jgħaddi ż-żmien u nibqgħu nikkwotawhom u nibqgħu ninterpretawhom u nibqgħu anki nippruvaw nagħtuhom dik il-bixra li naħsbu li l-awtur meta kitibhom xtaq li jinstemgħu b’dak it-ton u b’dik it-tonalità.
Bħalma ntqal diġà, Rużar Briffa ħalliena sittin sena ilu – fi Frar tal-1963 – iżda l-legat tiegħu għadu ħaj.
Il-pinna tiegħu smajnieha minn ħafna poeżiji żgħar illi biċċiet minnhom inqraw bħalissa wkoll u hija xhieda dejjiema tal-ġmiel liriku, mimli bil-kompassjoni li kellu l-poeta għal min kien batut.
Mhux se noqgħod niftaħ fuq dan, intqal biżżejjed. Dr Vella Briffa qaralna l-emozzjonijiet tiegħu u r-reazzjonijiet tiegħu għal dak li kien għaddej minnu u wieħed hemmhekk jibda jifhem għaliex il-karattru li kellu u anki l-mod kif kien. Pjuttost tgħidlu bniedem qisu mdejjaq, qisu depressed. Però, kif intqal, kien poeta li kellu l-esperjenza mal-batut, kellu l-esperjenza ma’ min kien muġugħ, ma’ min kien imġarrab, ma’ min kien imwarrab.
Iżda aktar minn dan kollu, Rużar Briffa bħala poeta tixhed ġo fih il-bniedem li kien. Kien bniedem riżervat iżda, aktar minn kollox, kien uman. Kien bniedem riżervat imma uman.
Il-kuntatt mal-morda, li ħafna mill-mard tagħhom ma kienx hawn fejqan għalih dak iż-żmien, u semmejna l-lebbra, żammu saqajh mal-art, u l-esperjenzi tiegħu barra minn pajjiżna, speċjalment mal-lebbrużi, ħallew timbru fuq is-sentimenti tiegħu li baqa’ jġorr għal snin twal, kif jirrifletti mill-ewwel fil-poeżija fl-Indja meta jitkellem fuq l-għajta ħadranija ta’ mitt lebbruż u wieħed illi hija xi ħaġa li tibqa’ tipprova tifhem xi jrid jgħid biha għaliex baqa’ jħossha ġo widnejh u baqa’ jaraha f’għajnejh.
Il-pinna tiegħu tagħtina ħjiel ċar ta’ dak li kien il-karattru riservat tiegħu wkoll għaliex l-għalqa semantika tiegħu hi miżgħuda bi kliem li jixhed it-telqa, is-skiet, u anki t-twarrib. Xi wħud, bħal ngħidu aħna Patri Ġużè Delia, iddeskrivewh bħala “… ta’ sentimenti kbar, dejjem mimli mogħdrija lejn għajru u dejjem lest biex jaqdi lil kulħadd. Kellu qalb li taf tassew tħobb.” Oħrajn iddeskrivewh bħala “bniedem magħluq fih innifsu, riservat fil-kliem u mnikket… rari jidħak, jew aħjar jitbissem u kien jagħti l-impressjoni… ta’ bniedem li għandu ħafna x’jaħseb imma ftit xi jgħid.”
Jiena l-esperjenza tiegħi personali tiegħu kienet illi aħna konna studenti tal-mediċina dak iż-żmien u Rużar Briffa kien id-dermatologu li kien jgħallimna fil-kors tal-Mediċina u jiġifieri l-lectures kien jagħmilhomlna fil-bini ta’ ħdejn il-Conference Centre, hemm isfel, fejn konna nagħmlu l-anatomija, il-fiżjoloġija u anki d-dermatoloġija. Meta kien jgħallimna kien diġà ma jħossux f’tiegħu. Jien niftakru dejjem bħala bniedem xipli, dejjem pulit, dejjem sieq fuq sieq bilqiegħda, però mnikket u anki pjuttost ta’ bixra serja ħafna. Imma forsi, dak iż-żmien li konna nafuh aħna, forsi minħabba li kien diġà muġugħ, għaliex jiena qed nitkellem… aħna gradwajna fl-1964, fl-1963 kien diġà miet, u meta kien qed jagħmlilna l-lectures kien ilu sentejn diġà marid qabel miet.
Naf li kien isib diffikultà biex ikellimna, u xi drabi kien ġieli talab lil xi wħud minna jaqraw in-noti li jkun ipprepara għal-lecture. Minflok jaqrah hu, iġegħelna naqrawhom u kien jippreferi li jerfa’ l-vuċi għal xi mistoqsijiet li kien ikollna wara li jkunu qraw il-lecture tiegħu. U naf li dejjem kien iżomm tazza ilma ħdejh u jixrobha boqqa boqqa biex ikun jista’ jitkellem għaliex griżmejh kienu diġà qed jagħtuh it-trouble li kellu.
Iżda aktar minn dak li qal fuqu ħaddieħor, u l-mod kif iddeskrivewh, hu dak li qal Rużar Briffa stess fuq il-poeżija tiegħu stess li xtaqt naqsam magħkom. Fid-daħla tal-ġabra ta’ poeżiji li ppubblika fl-1960, hu stqarr li “Qatt ma kelli l-ħsieb li nistampa dawn il-poeżiji fi ktieb… u ktibthom għalija…”. U jiena naf ukoll, forsi l-memorja tiegħi tiżbalja, imma jien niftakar li kien iħobb ħafna jmur fil-break ta’ nofsinhar il-Barrakka, joqgħod hemmhekk, u anki jħażżeż xi poeżija li tiġih f’rasu dak il-ħin fuq xi borża tal-pastizzi li jkun għadu kemm xtara meta kien imur jieħu dak il-break meta kien impjegat mal-Gvern.
Rużar, inżid ngħid ukoll bis-saħħa ta’ dawk ta’ madwaru li kkonvinċewh jagħmel dan, fetħilna l-bieb ta’ ruħu u stedinna nittawlu ġo fiha permezz tal-poeżija.
Jiena xtaqt ukoll li hawnhekk nagħmel aċċenn żgħir għal meta konna qegħdin nitkellmu fuq id-dwejjaq li seta’ żviluppa. Wieħed irid jara l-kuntest soċjali ta’ dak iż-żmien. Ma kinitx ħaġa rari li jara lil ħutu jmutu. Komunissima kienet. Jiena meta kont nipprattika, ġieli kelli min jgħidli: “Jiena f’ġimgħa ħaduli ġixt itfal Sinjur. It-Tnejn mietli wieħed u s-Sibt mietli l-ieħor”, għaliex ir-rata tal-mewt tat-tfal kienet iktar minn tletin fil-mija, jiġifieri kienet ammont fenomenali illi kontinwament tara min għaddej għaċ-ċimiterju bit-tebut żgħir abjad f’idejh biex imorru jidfnu. Jiġifieri kienet xi ħaġa komuni. Però mbagħad ovvjament jiddependi l-individwu kif jolqtu dak illi jkun ra.
Għaddew sittin sena minn mindu ħalliena iżda din il-bieba, din ix-xatba metaforika, għadha miftuħa permezz tal-poeżija.
Il-ktieb li għadna kemm iċċelebrajna u li qegħdin invaraw illum jagħtina aktar dawl dwar dak li forsi ma konniex nagħrfu mill-ewwel kull meta nerġgħu niskopru mill-ġdid il-poeżija u bħal kull pubblikazzjoni ta’ stoffa, tqajjem ferm aktar mistoqsijiet minn dawk li jirnexxielha twieġeb.
Tfakkarna, l-ewwel nett, kif il-poeta hu qabel kollox uman, bniedem li ġarrab l-istess tiġrib bħalma nġarrbu aħna lkoll. U fil-każ ta’ Rużar Briffa, li kien tabib tal-ġilda, dermatologu, li spiss kellu l-esperjenza tal-marid u l-muġugħ, iwasslilna wkoll it-tiġrib tal-bniedem.
U hawnhekk meta tisma’ lil Dr Vella Briffa jaqra s-siltiet tiegħu ta’ ġewwa l-Indja rridu nifhmu illi l-lebbra kienet marda kerha immens. Sa żmienu kien għadu anki hemm id-dritt li tarrestahom, li riedu jibqgħu bilfors ġewwa l-isptar, u kien wieħed minn dawk li ħadmu biex illibera kemm jista’ jkun il-pazjenti Maltin minn dak it-trattament inuman, biex ngħid hekk. Però ma kienx hawn mediċini, jgħallimna Dr Vella Briffa. Maż-żmien bdew ġejjin ċertu mediċini li bdew jagħtu tama u bdew anki jagħmlu l-marda inqas infettiva u allura iktar kien hemm iċ-ċans li lill-pazjenti jħalluhom jimirħu, iktar kellhom libertà milli kellhom qabel.
Il-poeżija tiegħu wkoll tfakkarna u tibqa’ tnemnem bħal fjamma dejjiema minkejja li l-awtur jkun ilu li ħalla d-dinja.
Tfakkarna wkoll li l-apprezzament tal-letteratura Maltija, inkluż il-poeżija, jagħtina dawl u għarfien dwar il-ħajja li ngħixu minn jum għal jum, u kemm dan l-apprezzament għadu nieqes, kemm jista’ jkun ta’ ġid u kemm jista’ jkun ta’ xprun u gwida tul ħajjitna.
Filwaqt li għal darb’oħra nifraħ lill-awtur għal din il-pubblikazzjoni, intenni l-impenn tiegħi għall-ħarsien u t-tkattir ta’ dak kollu li hu marbut mal-lingwa Maltija, lejn dawk li jħaddnuha u li jsawru minnha letteratura u poeżija, filwaqt li nħeġġeġ għal aktar apprezzament ta’ dak kollu li hu Malti, l-ewwel u qabel kollox il-lingwa Maltija u l-forom ta’ espressjoni kollha tagħha.
Nirringrazzjakom talli attendejtu.