George Vella

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, fl-okkażjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat organizzat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, 5 ta’ Diċembru 2023.

Onorevoli Julia Farrugia, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur,

Dott. Noel Camilleri, Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Bi pjaċir qiegħed ningħaqad magħkom għal sena oħra sabiex nagħtu ġieħ u rikonoxximent lil dawk li taw kontribut siewi fil-qasam tal-volontarjat f’Malta.

Jiena u nħares madwari f’din is-sala, nista’ nara ħafna wċuħ minn madwar Malta u Għawdex, nies ta’ kull età u minn kull professjoni – iżda fuq kollox, nies li jifhmu u japprezzaw l-importanza li tagħti lura lis-soċjetà. Għal dawn in-nies, l-essenza tal-ħajja hi propju s-sodisfazzjon li sservi lil ħaddieħor – li tgħin u tagħmel il-ġid.

Dan huwa mument opportun biex nagħrfu u nroddu ħajr lil dawk l-individwi fost il-komunitajiet tagħna li b’għemilhom u ħidmiethom qegħdin iħallu impatt fil-komunità permezz tal-ġid li għamlu fi spirtu ġenwin ta’ solidarjetà u altruwiżmu.

Fl-istess waqt, ma rridx li b’xi mod inaqqsu l-mertu tan-numru kbir ta’ voluntiera oħra li mhumiex magħna llejla. Pajjiżna huwa xxurtjat li għandu lilkom u ta’ dan, nirringrazzjakom ilkoll. 

Sa mill-bidu ta’ din il-Presidenza – li issa qed toqrob lejn tmiemha – jiena ħassejt li għandi niffoka u nagħti importanza sħiħa lis-settur tal-volontarjat f’pajjiżna.

Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, tajjeb li nħarsu sew madwarna u naraw xi rwol jaqdi l-volontarjat, ħafna drabi fis-silenzju.

Bla dubju ta’ xejn, il-volontarjat kien, għadu u jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-futur tal-poplu tagħna.

Dan ngħidu għax nemmen bis-sħiħ li l-volontarjat jgħinna nibnu soċjetà iktar b’saħħitha.

Il-volontarjat jgħin ikattar is-sens t’għaqda, solidarjetà u inklużjoni. Jgħin ukoll ikabbar id-djalogu u t-tolleranza bejn gruppi differenti. Il-volontarjat għandu rwol ċentrali fl-isforz sabiex innaqqsu l-preġudizzju, il-faqar u l-esklużjoni soċjali. U f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi ekonomiċi, attivitajiet volontarji ħafna drabi jipprovdu sostenn kruċjali għal dawk il-membri fis-soċjetà tagħna li huma żvantaġġati.

Iktar minn hekk, il-volontarjat jista’ jkun sors u mutur għall-innovazzjoni soċjali – joħloq l-enerġija u l-kreattività tan-nies sabiex jinstabu soluzzjonijiet ġodda, ħafna drabi b’riżorsi limitati. 

Tul dawn l-aħħar ħames snin bħala President ta’ Malta u speċjalment fil-ħidma tiegħi u ta’ Miriam fil-Malta Community Chest Fund, kelli l-opportunità li nżomm kuntatt ma’ bosta għaqdiet volontarji. Stajt insegwi iktar mill-qrib ix-xogħol imprezzabbli li qed tagħmlu. Mijiet jekk mhux eluf ta’ servizzi differenti jiġu mogħtija kuljum b’xejn bis-saħħa tagħkom.

Hekk kif bħalissa l-preparamenti għall-Istrina mixjin ġmielhom, ma nistax ma nsemmix ix-xogħol imprezzabbli ta’ mijiet ta’ voluntiera li jgħinu lill-Malta Community Chest Fund. Mingħajrhom, dan l-avveniment annwali żgur ma jkunx possibbli.

Tajjeb li nsemmu kif il-voluntier jiddeċiedi minn jeddu biex iservi bl-iktar mod altruwistiku lil min hu fil-bżonn. Minflok jagħmel attività t’interess personali jew li tista’ tirrendilu l-flus, il-voluntier jagħżel li joffri t-talent u l-ħin tiegħu għall-ġid u l-benesseri ta’ ħaddieħor.

Kif diġà smajna, din is-sena l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat qiegħed jiċċelebra l-ħmistax-il sena mit-twaqqif tiegħu. F’isem il-Poplu Malti u Għawdxi, irrid nirringrazzja lill-Kunsill, mhux biss għax-xogħol importanti li jwettaq, iżda wkoll talli jagħti l-ispazji neċessarji lill-għaqdiet volontarji sabiex itejbu l-kwalità tal-volontarjat f’pajjiżna. Il-Kunsill jagħmel xogħol siewi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ideali li jiffaċilitaw l-involviment t’iktar nies f’dan il-qasam.

Minkejja l-firxa wiesgħa ta’ attivitajiet volontarji, għad hemm ħafna nies hemm barra li għadhom mhumiex partikularment interessati fil-possibilità li jidħlu fil-volontarjat u jagħtu daqqa t’id lil min hu fil-bżonn.

F’dan l-isfond, bi pjaċir ninnota li t-tema magħżula għal dan l-anniversarju tal-Kunsill hija “Giving Voice & Visibility to the Voluntary Sector”.

Naqbel u nemmen li għandna nkomplu nagħmlu mezz sabiex ngħollu kemm nistgħu l-profil tal-volontarjat f’pajjiżna u nħeġġu aktar nies jersqu eqreb lejn dan is-settur.

Kulħadd għandu sehem x’joffri; mill-kbir saż-żgħir.

Nieħu pjaċir – u huwa ta’ sodisfazzjon kbir – meta nara numru ta’ żgħażagħ jagħtu l-kontribut tagħhom b’mod mill-iżjed attiv fil-qasam tal-volontarjat. Irridu nkomplu naħdmu biex il-preżenza żagħżugħa fil-volontarjat mhux biss ma tonqosx, iżda tkompli tissaħħaħ fil-futur.

Hawnhekk irrid nagħmel punt importanti li anke l-anzjani tagħna jistgħu jkunu parteċipi fil-volontarjat.

Il-volontarjat mhux biss jilgħab rwol importanti immens biex intejbu l-livell t’anzjanità attiva, iżda anke sabiex jissaħħaħ is-sens ta’ solidarjetà interġenerazzjonali.

Hemm bżonn ukoll li l-involviment fis-settur tal-volontarjat ma jiqafx biss fuq il-livell tal-individwu. Il-parteċipazzjoni fil-volontarjat għandha tmur lil hinn minn hekk, u tinvolvi wkoll lill-kumpaniji fis-settur privat. Għalhekk nappella sabiex kumpaniji privati jieħdu sehem fil-volontarjat, mhux biss b’donazzjonijiet, imma iktar minn hekk, billi jaqsmu l-esperjenzi, il-kompetenza u l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom. Dawn kollha jistgħu jgħinu sabiex il-kapaċità tal-għaqdiet volontarji tkompli tissaħħaħ.

Mingħajr ma ntawwal iżjed, nixtieq nifraħ lir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat. F’isem il-poplu Malti u Għawdxi, nirringrazzja lil kull voluntier f’pajjiżna tal-kontribut kbir li tagħtu ta’ kuljum, fis-silenzju u mingħajr ftaħir. Fuq kollox grazzi talli tibqgħu tkunu ta’ eżempju ċar ta’ kif is-sens altruwistiku jista’ jservi ta’ ġid u għajnuna għal ħaddieħor.

Saħħa u grazzi

Skip to content