On. Prim Ministru,
On. Prim Imħallef,
On. Ministru għall-Ġustizzja,
Avukat tal-Istat,
Sinjuri Mħallfin,
Mistednin Distinti,
Insellmilkom u nilqagħkom għal din l-okkażjoni importanti kemm għall-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna, kif ukoll għat-tisħiħ tal-komunità fis-sens l-iktar wiesa’ tagħha.
Nilqa’ b’mod speċjali lilkom – Sinjuri Mħallfin ġodda – u nifirħilkom għal din il-ħatra prestiġjuża u mistħoqqa.
M’għandix dubju li intom, flimkien mal-familji u l-għeżież tagħkom, illum qed tħossu sens ta’ sodisfazzjon kbir wara snin twal ta’ studji u ħidma professjonali intensivi ħafna.
Illum tiftakru fis-sagrifiċċji li kontu tagħmlu bħala studenti biex teċċellaw mil-lat akkademiku, u f’sagrifiċċji oħra meta kbirtu iktar fil-professjoni tagħkom, biex twettqu unur lill-ġustizzja f’kulma tagħmlu.
Mil-lum ’il quddiem, il-ħidma tagħkom ser tkun waħda li ġġorr magħha ħafna iktar responsabbiltà.
Bil-ħidma u l-ġudizzju tagħkom ser ikomplu jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ kull min jinsab f’pajjiżna, bla ebda distinzjoni jew preferenzi.
Tgħallmuni intom li l-ġustizzja trid tkun waħda li ma tħares lejn wiċċ ħadd, bla ebda favur jew preġudizzju ta’ klassi, razza, reliġjon jew ġeneru.
Il-ġustizzja, biex titwettaq kif inhu xieraq, titlob ċirkostanzi ta’ indipendenza sħiħa, minn kull indħil, influwenza jew pressjoni esterna.
Inkun qiegħed nirreferi għall-ovvju li biex id-deċiżjonijiet tagħkom ikunu meħuda fis-sod, tridu tgawdu mil-libertà u mis-serenità meħtieġa għar-riflessjoni u l-ġudizzju.
Ma’ dawn ippermettuli norbot ukoll numru ta’ valuri meħtieġa, kemm fl-Awla tal-Qorti, kif ukoll barra mill-Qorti.
F’dawn il-ħatriet prestiġjużi ma nistgħux naġixxu mod waqt il-qadi ta’ dmirijietna u mod ieħor waqt l-hekk imsejjaħ ‘ħin privat’ tagħna.
Responsabbiltà, professjonalità u imparzjalità jridu jinżammu u jidhru dejjem u kullimkien.
Fuq kollox nappellalkom iżżommu dejjem, u tibżgħu, għall-integrità tagħkom.
Din tiġbor kollox fiha.
Fil-kariga futura tagħkom nawguralkom iżżommu fuq quddiem nett, u f’kull ħin, ir-rispett lejn il-pożizzjoni li ser tokkupaw, il-ħarsien tal-etika u fuq kollox l-onestà lejn il-ġurament tal-ħatra.
Ninsab konvint li m’intomx ser tonqsu milli żżommu dan kollu quddiem għajnejkom, hekk kif qegħdin tiftħu dan il-kapitlu ġdid f’ħajjitkom u tkomplu ssaħħu l-kredenzjali tal-ġustizzja ta’ pajjiżna.
Sinjuri Mħallfin, nifirħilkom u nħeġġiġkom tagħmlu dak kollu mistenni minnkom b’ħeġġa, bi professjonalità u fuq kollox b’għira għat-twettiq tal-ġustizzja.
Nawguralkom kull suċċess.