Eċċellenza,
President tal-Akkademja tal-Malti,
Mistednin distinti,
L-ewwel nett nibda billi nifraħ lis-Sur Charles Casha għal dan l-unur prestiġjuż li jagħti rikonoxximent lilek, Sur Casha, għall-ħidma tiegħek b’risq il-letteratura Maltija u lsienna, il-Malti.
Għal darb’oħra nifraħlek! Dan ir-rikonoxximent jiżdied ma’ bosta oħrajn li ngħatajt, li magħhom hemm ukoll il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika li ngħatat lilek mill-predeċessuri tiegħi fl-2012. Ma naħsibx li għandi għalfejn inżid aktar ma’ dak li smajna s’issa u ntqal s’issa u mar-riflessjonijiet li l-kelliema ta’ qabli taw huma u jispjegawlna dwarek matul din il-lejla.
Nistqarr li lis-Sur Casha nafu xi ftit permezz tal-kitba tiegħu. Ma rridx ngħid li jien wieħed li naqra ħafna bil-Malti imma li jiġini f’moħħi ovvjament huwa l-karattru, li għamilna ħafna referenza għalih, ta’ Fra Mudest, li kulħadd sema’ bih. Dan huwa wieħed mill-ħafna karattri u persunaġġi li jgħammru fil-letteratura li ħarġet mill-pinna tas-Sur Casha. Interessanti kif fil-fatt Charles isib l-ispirazzjoni tiegħu, kif spjegalna issa, mill-persunaġġi li jiltaqa’ magħhom minn żmien għal żmien. Josservahom, jistudjahom u mbagħad jiddeskrivihom fil-kotba tan-noti li jġorr miegħu u minnhom jislet il-karattru mixtieq.
Il-pinna tas-Sur Casha ddur mal-umanità, mas-sitwazzjonijiet u l-karattri ferm attwali għal żmienna. Jagħtik l-impressjoni li mnebbaħ mill-osservazzjonijiet dwar il-ħajja ta’ kuljum u għaldaqstant nistgħu nqisuha bħala riflessjoni dwar l-imġiba tal-bnedmin stess.
Ma nistax ma nqabbilx il-pinna ta’ Casha mal-pinzell ta’ xi pittur. Flok il-ktieb tal-iskizzi li jġorru magħhom il-pitturi, Casha jġorr miegħu l-ktieb tan-noti li spiss ikun xi djarju li qatt ma ntuża għall-iskop oriġinali tiegħu, u li fih iżomm għall-futur l-iskizzi, in-noti u l-osservazzjonijiet li jagħmel ta’ dawk li jkun iltaqa’ magħhom fil-mixja tal-ħajja ta’ kuljum.
Flok il-pinzell jew il-kuluri, is-Sur Casha għandu l-pinna li permezz tagħha jgħaddi mill-ispirazzjoni għall-kitba u minn hemm għar-ritratt – il-portrait – impitter bil-kuluri tal-kelma Maltija. Oliver Friggieri jiddeskrivih tajjeb ferm.
L-impenn tiegħek Sur Casha, jgħidilna l-mibki Oliver Friggieri, hu dak li tagħti l-ħajja lill-karattri ta’ kitbietek. U hawnhekk nixtieq nikkwota lill-maħbub Friggieri:
“Personaġġi differenti jsawru dinja mlewna u mżewqa li fiha Casha dejjem jirnexxilu jixħet il-karatteristika ewlenija tiegħu: ta’ awtur li jżewweġ il-ġrajja u l-kummenti. Huwa jikteb b’rispett, kważi bi mħabba, lejn il-karattri tiegħu, u jpinġi l-kuntest bid-devozzjoni ta’ ‘ritrattista’”.
Kultant ukoll fir-rumanzi tiegħu stess, jitfaċċa l-awtur innifsu hekk kif jissieħeb mad-dinja fittizja li joħloq hu stess, imnebbħa mir-realtà ta’ kuljum.
U bħall-pittur, biex inkomplu bl-analoġija, li jpitter ir-ritratt tiegħu nnifsu fil-kwadru li jkun għadu kemm sawwar, li ħafna jagħmluha, is-Sur Casha jingħaqad mal-persunaġġi li jgħammru fit-tila immaġinarja li hi l-letteratura fejn il-karattri jieħdu l-għamla u s-sura tal-ideal tal-awtur bl-istess mod li l-pittur jagħti l-ħajja lill-persunaġġi li jgħammru fit-tila magħżula għall-kwadru li jpitter.
Iżda kif smajna wkoll, is-Sur Casha huwa wkoll għalliem.
Is-Sur Casha pprattika l-professjoni ta’ edukatur għal ftit anqas minn erbgħin sena. Matulhom m’għandix dubju li ltaqa’ ma’ bosta u bosta ġenerazzjonijiet ta’ studenti, waħda ssegwi lill-oħra.
Nismagħhom jgħidu li għalliem titwieled. Però li tkun għalliem hija vokazzjoni. Sejħa. Għaliex l-għalliem hu wieħed mill-pilastri li fuqu tistrieħ is-soċjetà tal-futur.
Bħalma s-Sur Casha sawrilna l-karattri tal-kitbiet tiegħu mir-realtà li ltaqa’ magħha ta’ kuljum, ma rridux ninsew kemm sawwar karattri ta’ studenti f’valuri li ma jinbidlux mal-moda jew maż-żmien għaliex għas-Sur Casha, hekk kif għandu jkun, li timxi maż-żminijiet ma jfissirx li tkisser il-valuri tajbin u fundamentali, imma tibqa’ żżomm il-valuri tiegħek.
Jalla l-pinna tas-Sur Casha tkompli tagħtina l-pinzellati tal-karattri ħajjin li jgħammru fil-letteratura tiegħu hekk kif imnebbħa minn dawk li ta’ kuljum jiltaqa’ magħhom.
Jalla wkoll li l-karattri, li fforma bħala edukatur, tal-istudenti tiegħu jkomplu jħaddnu l-valuri li tgħallmu mingħandu, imnebbħa mill-istess rispett u mħabba li nnota Oliver Friggieri lejn il-karattri li jgħammru f’kitbietu.
Għal darb’oħra u mill-ġdid nifraħlek u nawguralek Sur Casha!
Grazzi ħafna.