George Vella

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, fl-okkażjoni ta’ avveniment mal-komunità Maltija fi Brussell, 7 ta’ Novembru 2023.

Eċċellenza Marlene Bonnici,

Eċċellenza Clint Tanti,

Mistednin Distinti,

F’isem Miriam u d-delegazzjoni tiegħi nirringrazzjakom talli għoġobkom tingħaqdu magħna llejla għal din l-okkażjoni sabiħa.

Naf li fostkom hawn ukoll xi wħud li ġew saħansitra mil-Lussemburgu biex jipparteċipaw f’din l-okkażjoni – lil dawn insellmilhom u nirringrazzjahom talli ħadu din it-triq kollha.

Din hija l-ewwel darba tiegħi fi Brussell bħala Kap ta’ Stat, għalkemm kif tistgħu tobsru ġejt għexieren ta’ drabi f’kapaċitajiet oħra fil-passat mill-1992 lil hawn.

Illum qed nieħu pjaċir nerġa’ niġi f’din il-binja li min jaf kemm kelli laqgħat fiha meta kont Ministru tal-Affarijiet Barranin, u daqstant ieħor għandi pjaċir nara ħafna wċuħ familjari.

Fil-kuntest li qegħdin fih, ikun xieraq li nibda b’radd ta’ ħajr billi nirringrazzja lill-funzjonarji tagħna kollha fiż-żewġ rappreżentanzi diplomatiċi tagħna, mill-kbir saż-żgħir, għall-ħidma li twettqu ta’ kuljum b’tant professjonalità f’isem Malta.

Jiena li ħdimt mill-viċin magħkom nista’ ngħid b’konvinzjoni kemm il-professjonalità, is-serjetà, u d-dedikazzjoni tagħkom ta’ kuljum dejjem tirbaħ aktar rispett u l-ammirazzjoni tal-kollegi tagħkom fl-Istituzzjonijiet Ewropej u f’Ambaxxati oħrajn.

Bla dubju ta’ xejn, il-ħidma tagħkom fl-interess ewlieni ta’ Malta titlob minnkom ħinijiet twal, attenzjoni għad-dettall, u aġġornamenti kontinwi ma’ żviluppi Ewropej u internazzjonali. Ninsab ċert ukoll, doża kbira ta’ sagrifiċċju personali ma tonqosx.

Dan kollu taħsbux li huwa mitluf jew li mhux apprezzat.

Ħafna mill-interlokuturi tiegħi, Kapijiet ta’ Stat barranin, isaqsuni mhux l-ewwel darba… imma kif in-nies tagħkom jirnexxilhom ilaħħqu ma’ pajjiżi oħrajn, ferm akbar fin-numri u fir-riżorsi?

It-tweġiba tiegħi dejjem tkun li dan hu kollu mertu tal-uffiċjali tagħna, il-fibra professjonali tagħhom u l-formazzjoni ħabrieka tagħhom.

M’hemmx għalfejn ngħidilkom jiena, intom ta’ ġieħ u ta’ unur għal pajjiżna u ta’ dan ngħidilkom ‘grazzi’ minn qalbi f’isem il-Poplu Malti u Għawdxi kollu. Kif ngħidu bl-Ingliż: “keep it up!”.

Illejla fostna hawn ukoll bosta Maltin u Għawdxin li jagħmlu parti mill-komunità fil-Belġju li mhux neċessarjament jaħdmu fil-qasam tad-diplomazija.

Skont il-figuri li għandi jidher li d-dijaspora Maltija ġol-Belġju hi ta’ madwar 1,300.

Minn popolazzjoni ta’ nofs miljun, m’hawnx post fid-dinja fejn ma ssibx il-Maltin u l-Għawdxin. Allaħares konna akbar!

Niftakar sew li fil-kapaċità tiegħi ta’ Ministru, kont insistejt li l-Maltin fil-Belġju, flimkien ma’ dawk fil-Lussemburgu, jingħataw leħen ukoll fuq il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra.

Dan kont għamiltu bl-intenzjoni li l-interessi u r-realtajiet – ħa nsejħilhom ‘moderni’ u differenti – tagħkom kellhom jingħataw widen daqs dawk ta’ dijaspori oħra aktar tradizzjonali u b’saħħithom li nsibu f’bosta bliet fl-Awstralja, l-Istati Uniti u anki l-Kanada… frott ta’ mewġiet ta’ migrazzjoni għal għanijiet differenti fil-passat.

Kif wieħed kien jistenna, in-numri u d-demografija tad-dijaspora nbidlu kompletament hekk kif Malta saret membru tal-UE fl-2004.

Mill-2004 ’l quddiem numru kbir ta’ Maltin, ħafna minnhom professjonisti żgħażagħ, ħallew Malta biex jibdew karriera mal-istituzzjonijiet li jinsabu hawnhekk.

Dan fisser ukoll li għall-ewwel darba għadd ġmielu ta’ tfal Maltin bdew jitwieldu u jattendu l-iskola ġewwa l-Belġju u l-Lussemburgu. B’hekk qed nesperjenzaw fenomenu ġdid ta’ Maltin tat-tieni ġenerazzjoni li twieldu u għexu ħajjithom kollha f’dawn il-pajjiżi.

Bid-differenza li f’dawn il-każi, il-possibilità li l-ġenituri jiġu lura Malta huwa kbir ħafna. Mhux bħal fil-każ ta’ emigranti tal-passat lejn l-Amerka, il-Kanada u l-Awstralja.

Kif ġara bnadi oħra, ser jibda jidħol il-ħsieb ta’ kif tista’ tinżamm ħajja l-identità Maltija f’dawn iż-żgħar, aktar u aktar jekk ’il quddiem se jkollhom bżonn jintegraw u jgħixu f’pajjiżna.  

L-użu tal-ilsien Malti jiġini mal-ewwel f’moħħi.

F’dan il-kuntest ninnota bi pjaċir kif ħafna mit-tfal ta’ dawn il-professjonisti li jaħdmu ma’ waħda mill-istituzzjonijiet jattendu l-Iskola Ewropea, fejn għandhom il-possibilità li jitgħallmu u jipprattikaw il-Malti.

Infatti, jiena u Miriam ser inkunu qed inżuru waħda minn dawn l-iskejjel nhar il-Ħamis, l-ewwel nett biex niltaqgħu mat-tfal u mal-għalliema tal-Malti, iżda wkoll bħala rikonoxximent tal-istatus tal-ilsien Malti fis-sistema edukattiva tal-Unjoni Ewropea.

L-Ambaxxata ta’ Malta fi Brussell qed tagħmel l-almu tagħha biex tippromwovi l-użu tal-Malti permezz ta’ bosta inizjattivi bħalma huma librerija u donazzjonijiet ta’ kotba bil-Malti u okkażjonijiet letterarji b’awturi u kittieba Maltin. Dan hu ta’ min jinkoraġġih u jfaħħru.

F’ħafna postijiet li żort, tkellimt dwar kif mat-tfal, lil hinn mill-grammatika u l-lingwistika tal-ilsien Malti, ikun ideali li ngħallmuhom ukoll dwar l-oriġini u l-iżvilupp tal-lingwa tul l-istorja ta’ pajjiżna. 

Nuruhom kif l-ilsien Malti huwa riflessjoni tal-wirt storiku varjat tagħna, l-influwenzi li tħallew fuq pajjiżna mal-milja taż-żmien u fuq kollox, kif dan l-ilsien huwa uniku għalina.

M’iniex ser intawwal aktar, għax nixtieq li kemm jista’ jkun ikollna l-ħin li Miriam u jien niltaqgħu u nitkellmu magħkom b’mod inqas formali.

Qabel nagħlaq, nerġa’ ntennilkom ir-ringrazzjament tiegħi, u nappellalkom biex tkomplu tkunu xhieda u eżempju xieraq għal pajjiżna f’kulma tagħmlu.

Intom tirrappreżentaw lil Malta f’kull ħin.

Nieħdu pjaċir narawkom ta’ spiss Malta biex iżżommu l-għeruq tagħkom ħajjin, u nilqgħukom dejjem b’dirgħajna miftuħin… però… nitolbukom iġġibux magħkom il-klima u t-temp tal-Belġju!

Grazzi talli ġejtu u talli smajtuni.

Skip to content