On. Ministru għal Għawdex,
On. Membri Parlamentari,
Monsinjur Vella Gauci,
Mistednin Distinti,
Nibda l-ewwel nett billi ngħid prosit lis-Surmast, Dr John Galea, u anki lill-Banda La Stella għall-għażla tal-biċċiet li semmgħulna u anki għall-mod kif ġew eżegwiti.
Bħas-soltu, nilqa’ bi pjaċir okkażjoni bħal din li biha nfakkru l-kisba tal-istatus ta’ Repubblika ta’ pajjiżna, hawnhekk ġewwa Għawdex.
Dan huwa r-raba’ diskors tiegħi f’dan il-kuntest u nirringrazzjakom ta’ din l-istedina.
Kif drajtuni nagħmel, ser nuża dawn il-ftit minuti biex flimkien nirriflettu dwar it-tifsira ta’ din l-okkorrenza, u nixtarru wkoll l-isfidi li għelibna tul is-snin, u dawk li għandna quddiemna.
Meta nħarsu lura lejn dawn it-48 sena bħala Repubblika, jinbtu ċari f’moħħna d-diversi miljiet li laħaq pajjiżna kemm mil-lat politiku, kif ukoll dawk ekonomiċi u soċjali.
Forsi mhux dejjem qbilna f’kollox bħala poplu, iżda ħaġa waħda hija ċerta: Qatt ma qtajna qalbna, u qatt ma ħarisna lura.
Ostakli kellna bħal kull pajjiż fl-istess ċirkostanzi tagħna, iżda l-proċess ta’ żvilupp u tibdil kien dejjem wieħed ibbażat fuq il-prinċipji tad-demokrazija u sens għoli ħafna ta’ responsabbiltà.
Apparti stabilità u tisħiħ fuq livell nazzjonali, Malta sabet ukoll post rispettat u stmat fuq livell internazzjonali. U hawnhekk nixtieq nagħmel aċċenn għad-diskors mirqum, studjat u preparat tal-Monsinjur li għandu ħafna mistoqsijiet li jinbxu u kien ikun ideali hawnhekk li wieħed jiddibatti u jidħol iktar fil-fond fuq dawn il-mistoqsijiet. Mhux il-każ, però ċert li dawk il-mistoqsijiet m’għandhomx jibqgħu mdendlin u mhux risposti għaliex fihom ħafna x’wieħed jomgħod u fuqiex wieħed jirrifletti.
Iżda ċ-ċokon tagħna u anki l-preġudizzji li għandna, mhux talli ma tellfuniex, talli b’għaqal u prinċipji ġenwini dawwarnieh favurina f’ħafna okkażjonijiet. Bnejna relazzjonijiet b’saħħithom ħafna ma’ pajjiżi ferm ikbar, u oħrajn iżgħar, uħud ġirien tagħna u oħrajn ferm iktar ’il bogħod, fuq bażi ta’ rispett u benefiċċju reċiproku.
Dan il-profil b’saħħtu fuq livell globali ser ikompli jimmatura, nisperaw, fix-xhur li ġejjin hekk kif Malta ser tokkupa post prominenti fl-ogħla istituzzjoni multilaterali, dak tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda minn Jannar li ġej.
It-temi u l-isfidi li ser nindirizzaw huma wiesgħa u importanti ħafna.
Ewlenin fosthom hemm il-gwerra li qed naraw tiżvolġi fl-Ukrajna. Dawn huma xhur ibsin ħafna minħabba l-klima iebsa tax-xitwa u ċ-ċaħda li ħafna mill-Ukreni għandhom minn kull kumdità.
Nieħu din l-opportunità biex inrodd ħajr lill-Għawdxin għall-bosta inizjattivi li ħadtu biex tgħinu lill-poplu Ukren, kemm dawk li kellhom jitilqu minħabba l-invażjoni u sabu ruħhom fostna, kemm Malta u kemm Għawdex, u anki dawk li baqgħu l-Ukrajna jisfidaw b’kuraġġ kbir l-aggressjoni Russa.
Ser indur issa għall-kuntest lokali, fejn tul din is-sena li għaddiet, l-isfidi wkoll ma naqsux.
Tafu kemm hu suġġett għal qalbi l-ambjent. U tafu sew ukoll, kemm nisħaq fuq il-ħarsien tal-ambjent uniku u tipiku ta’ din il-gżira sabiħa ta’ Għawdex.
Fl-okkażjoni tat-13 ta’ Diċembru, mill-Palazz tal-Belt, tkellimt fit-tul fuq dan is-suġġett bl-għan li tkompli tikber is-sensittività tal-poplu kollu fuq kif l-ambjent la huwa infinit fiżikament u lanqas etern. Jekk ma nibżgħux għalih dan se jispiċċa jew se jitħassar.
Dak li qed jinqered bis-siment u t-tarmak mhux ser inkunu nistgħu nġibuh lura żgur.
Mhux għall-għelieqi, il-ġonna u l-arja pura biss qed nirreferi. Qed nirreferi għal kollox.
Is-serħan tal-moħħ u l-hena li ambjent sabiħ u seren jaf iġib miegħu, dan jintilef ukoll iktar ma jmur lura l-ambjent.
Mill-ambjent ta’ madwarna tiddependi l-kwalità tal-ħajja vera tagħna u ta’ wliedna – mhux mill-kostruzzjoni ta’ bini materjali, ħafna minnu anonimu u bla karattru.
Fil-kuntest speċifiku ta’ Għawdex inżid it-tħassib tiegħi dwar kif it-tnaqqir tal-ġmiel naturali jista’ wkoll jirriżulta f’nuqqasijiet tal-kwalità tal-prodott turistiku għaliex Għawdex ifittxuh mhux biss il-Maltin, imma anki t-turisti. U jfittxuh għax għandu ċertu karatteristiċi. Jekk dawn se jintilfu, ir-risposta ta’ x’se jiġri hija ċara ħafna.
Is-seħer ta’ din il-gżira Għawdxija rridu nibżgħu għalih, għax miegħu jaf jintilef ħafna iktar.
Ma’ din tal-ambjent nixtieq insemmi temi oħra li jinkwetaw lili, daqskemm jinkwetaw lill-Poplu Malti u Għawdxi, speċjalment dawk marbuta mal-qasam soċjali.
Tul il-ħajja professjonali tiegħi bħala tabib tal-familja, rajt u missejt b’idejja l-għawġ tal-ħajja.
Iktar riċentement, mill-firxa wiesgħa tal-ħidma li tagħmel il-Presidenza f’dawn l-oqsma soċjali, iktar u iktar sirt konxju ta’ dawn it-tbatijiet kbar u mifruxa li hawn f’pajjiżna.
Ilkoll għaddejna minn xi esperjenza ta’ mard gravi jew saħansitra terminali fil-familji tagħna jew fost il-ħbieb. Il-problemi u r-riperkussjonijiet, anki finanzjarji, huma kbar u mhux dejjem tinstab soluzzjoni faċli għalihom.
Mill-banda l-oħra hawn diffikultajiet, li forsi ma narawhomx dejjem fid-dawl tax-xemx, imma jkunu mistura jew moħbija.
Drabi oħra nagħmlu tabirruħna li mhux qed nindunaw bihom. Forsi ma jkunx jaqblilna li nindunaw jew ngħidu li narawhom. Jista’ jkun għax nibżgħu mill-konsegwenzi, jew għax sempliċement inċedu għal sens ta’ apatija.
Fost dawn insemmi l-abbużi u l-vjolenza domestika, li sfortunatament nisimgħu tant stejjer tal-waħx fuqha, il-vizzji qerrieda ta’ xorb alkoħoliku u drogi, u dak insidjuż ħafna tal-logħob tal-azzard. Barra dawn imbagħad għandna l-hate speech fuq il-midja soċjali, xi ħaġa moderna li nafu xi tfisser, u l-bullying fiżiku jew virtwali speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Il-lista ta’ dawn l-isfidi hija twila u iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed tkompli tevolvi, speċjalment minħabba l-użu tal-mezzi moderni tal-komunikazzjoni. Ħadd minna m’għandu soluzzjoni għal dan kollu li qed insemmi. Iżda lkoll għandna responsabbiltà u sehem x’nagħtu u l-appell tiegħi kemm lill-vittmi, u lil qrabathom huwa li jitkellmu u jfittxu l-għajnuna. B’hekk biss nistgħu nattakkaw dawn il-vizzji.
Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet iridu jkomplu jagħmlu l-almu tagħhom li l-mezzi u l-għodod li għandhom biex jittaffew dawn il-pjagi soċjali jintużaw b’mod effiċjenti, bid-dinjità mistħoqqa u bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.
Il-ġustizzja soċjali trid titgawda minn kulħadd. Dan huwa dritt, mhux pjaċir, jew qed nagħmlu kumpliment lil xi ħadd. Kulħadd għandu dritt għall-ġustizzja soċjali – il-Malti, l-Għawdxi, u anki l-barrani.
Jinkwetani ħafna l-fatt ta’ kemm għadna nsibuha bi tqila bħala poplu li nimplimentaw l-integrazzjoni tal-barranin fostna – għamel aċċenn għaliha anki l-Monsinjur.
Min għal raġuni, u min għal oħra – bosta barranin għażlu jew spiċċaw f’pajjiżna bla ħsieb.
Din hija realtà li Malta, bħal kull pajjiż ieħor, hija milquta minnha u mhija qatt ser tevita. Dan il-fenomenu sfortunatament irridu nippreparaw li se jikber u mhux se jisparixxi.
Hemm bżonn li nifhmu u ndaħħlu b’mod iktar ċentrali t-tagħlim fuq il-multikulturaliżmu f’pajjiżna, fit-tfal tagħna, sa mill-ewwel snin tal-iskejjel tagħna.
M’għandu jkun hemm l-ebda lok għal imġiba jew kliem razzist jew ksenofobiku fis-soċjetà tagħna u hemm bżonn nedukaw lilna nfusna, l-ewwel u qabel kollox. U jien ma ngħidx li din diffikultà għax il-poplu Malti fl-istorja tiegħu kollha dejjem kien espost għall-barrani. Dejjem kellu l-barranin miegħu u dejjem għaraf jgħix mal-barrani. Forsi fiċ-ċirkostanzi tal-lum, in-numri huma ħafna ikbar, imma l-fatt huwa li kellna l-esperjenzi matul is-sekli li ngħixu mal-barrani u nintegraw mal-barrani.
Qabel nagħlaq, ippermettuli nagħmel referenza għad-diskussjoni li għaddejja bħalissa f’pajjiżna.
Nerġa’ ntenni t-tama tiegħi li bid-diskussjonijiet li għaddejjin, tinstab soluzzjoni li biha jiġu indirizzati l-punti kollha li qegħdin jiġu espressi mill-esponenti differenti f’dan id-dibattitu.
Nagħlaq dawn il-kelmtejn b’sejħa lil kull wieħed u waħda minnkom biex, minkejja d-differenzi u d-diverġenzi, inkomplu nfittxu l-għaqda ta’ bejnietna u nħabirku għall-paċi madwarna u lil hinn.
Jekk ma jkollniex il-paċi bejnietna, il-paċi li rrefera għaliha l-Monsinjur nistgħu ma nitkellmux fuqha. Għaliex ma nistgħux inxerrdu l-paċi jekk aħna ma jkollniex il-paċi bejnietna nfusna.
Ejjew inkomplu nħarsu ’l quddiem b’mod kostruttiv u b’saqajna mal-art.
Ejjew nibqgħu niġbdu ħabel wieħed biex insaħħu l-ġid komuni u niksbu riżultati dejjiema, bħala Poplu wieħed u magħqud.
Viva Malta Repubblika.