Arnaud Bouvier (għalliem Franċiż)
Andrea Di Vita (kok Taljan)
Walid Nabhan (xjenzat Palestinjan)
Jessica Schulz (riċerkatriċi Żvediża)
Veronika Sytnyk (studenta tal-liġi)
Ema u Carla (studenti minn skola sekondarja)
X’hemm komuni bejniethom, apparti li mhumiex Maltin? Aktarx li ħafna minna lemħuhom – imqar għal ftit sekondi – jitkellmu bil-Malti fuq il-mezzi soċjali. Ilkoll għażlu li jitgħallmu lsienna għal diversi raġunijiet, imma l-aktar biex jintegraw aħjar fostna, fuq ix-xogħol, u fil-ħajja ta’ kuljum.
L-ilħna ta’ dawn l-ambaxxaturi tal-Malti huma parti minn kampanja nazzjonali mmirata biex tiċċelebra lsienna bħala l-aktar ħaġa li tgħaqqadna u tagħtina identità u biex, fl-istess ħin, tqanqal kuxjenza favur l-użu bilanċjat tal-Malti u l-Ingliż fl-oqsma varji tal-ħajja pubblika flimkien mal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, it-tielet ilsien uffiċjali ta’ pajjiżna.
Il-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’, imnedija mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u l-għaqdiet tal-Malti, qed tindirizza numru ta’ temi u bdiet bil-ħsieb li twarrab l-impressjoni li l-Malti huwa tal-Maltin biss. Ilsienna hu ta’ kull min jgħix Malta, ġej minn fejn ġej, imma mhux biss.
Il-Malti għadu ħaj fost diversi komunitajiet ta’ Maltin li jgħixu l-Ingilterra, l-Awstralja, l-Istati Uniti, il-Kanada, Brussell u l-Lussemburgu, fost l-oħrajn. Barra minn hekk, il-lingwa u l-letteratura Maltija huma mgħallmin lil hinn minn xtutna: fiċ-Ċentru tal-Malti fi Bremen, il-Ġermanja; fl-Inalco, l-istitut tal-lingwi u l-kulturi orjentali fi Franza; u fi gruppi oħra ta’ emigranti Maltin.
Matul is-snin, kien hawn għadd ġmielu ta’ studjużi barranin li wrew interess fi lsienna u li, bis-saħħa tal-kurżità li nissel fihom, studjawh u għarfu r-rikkezza fit-taħlit tiegħu. Sa minn żmien il-Kavallieri nsibu lil Hieronymus Megiser (Ġermaniż), Jean-François de Vion Thezan (Franċiż), Philip Skippon (Ingliż), u Francesc de Sentmenat-Torrelles (Katalan). Fil-bidu tal-ħakma Ingliża kien hemm ukoll Heinrich Gesenius (Ġermaniż), John Hookham Frere (Ingliż), James Somerville (Skoċċiż), George Percy Badger (Ingliż), u Christoph Friedrich Schlienz (Ġermaniż). Matul is-seklu għoxrin insibu lil Hans Stumme, Theodor Nöldeke u Bertha Kössler-Ilg (Ġermaniżi); Nahum Slouschz (Russu), Edmund Sutcliffe (Ingliż), Charles Louis Dessoulavy (Ingliż-Żvizzeru), May Butcher (Ingliża), Giuseppe Maria Barbera (Sqalli), Yukio Isigaki (Ġappuniż), Ahmed Talāt Sulaimān (Għarbi), Benedikt Isserlin (Ġermaniż), Geoffrey Hull (Awstraljan), Martine Vanhove (Franċiża), Svetislav L. Stojanovic (Serb), u Thomas Stolz (Ġermaniż). Dawn huma biss ftit, kemm nagħtu idea, għax il-lista tibqa’ sejra.
Biex titgħallem il-Malti, Jessica Schulz, waħda mill-ambaxxaturi li ħadet sehem f’din il-kampanja, użat il-kotba tal-grammatika biex tifhem aħjar kif taħdem il-lingwa. Ipprattikat il-pronunzja b’vuċi għolja bis-saħħa tas-smigħ u l-qari ta’ djalogi u stejjer. Waqt li kienet l-Iskozja titgħallem il-Malti, għaddiet ħafna ħin tisma’ l-lingwa fuq ir-radju u t-televiżjoni, l-aktar fil-programmi tat-tfal. Darba fil-ġimgħa kienet tattendi lezzjoni online, u minn lezzjoni għal oħra kienet tistudja kliem u espressjonijiet ġodda, tibni sentenzi bażiċi, u tipprattika l-konverżazzjoni spontanja.
Bħal Jessica hemm oħrajn li l-Malti għamluh tagħhom ukoll, studjawh bis-serjetà, u llum napprezzawhom mhux biss bħala ambaxxaturi tal-lingwa imma wkoll tal-letteratura Maltija. Walid Nabhan beda jikteb xogħol letterarju u fl-2017 saħansitra kiseb il-Premju Letterarju tal-UE b’rumanz bil-Malti, L-Eżodu taċ-Ċikonji. Ittraduċa wkoll għadd ta’ xogħlijiet mill-Malti għall-Għarbi. Bħalu, Yana Psaila qalbet mir-Russu għall-Malti xogħlijiet ta’ poeti Russi bħal Alexander Pushkin, Boris Pasternak u Yevgeny Yevtushenko. Qalbet ukoll mill-Malti għar-Russu għażla ta’ poeżiji ta’ Dun Karm, kif ukoll ir-rumanzi Sfidi u Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa ta’ Trevor Zahra. Fl-2014 ħarġet il-frażarju Russu-Malti.
Dawn in-nies jagħtuna tagħlima kbira: il-Malti hu lsien sabiħ u ta’ valur għax jirrifletti l-ġrajja storika ta’ pajjiżna. Jagħtuna wkoll parir għaqli li biex ilsienna jibqa’ ħaj u utli għall-ħajja ta’ kuljum, għandna nużawh f’oqsma tax-xogħol differenti u niżviluppaw it-terminoloġija meħtieġa. Għandna wkoll naraw li ngħadduh lil uliedna billi nkellmuhom, naqrawlhom u nkantawlhom bil-Malti. Meta nkellmuhom bl-Ingliż biss inkunu qed inċaħħduhom minn element importanti tal-identità tagħhom. Inkunu qed inwarrbu biċċa minna u ma ntellgħuhomx iħossu li l-Malti hu parti minnhom ukoll. Fl-aħħar nett, jagħmlulna stedina: biex meta jkellmuna bil-Malti, anke jekk ikun Malti bażiku jew mhux b’intonazzjoni perfetta, inweġbuhom bil-Malti u nkellmuhom bil-mod ħalli ngħinuhom jipprattikaw ilsienna f’kuntesti differenti u jintegraw aktar fostna.
Fi żmienna, b’xorti tajba, hawn ħafna barranin interessati ġenwinament li jitgħallmu l-Malti. Fost dawn insibu tobba, infermiera, carers u impjegati oħra li f’xogħolhom ikollhom kuntatt dirett mal-pubbliku. Il-korsijiet offruti, ewlenin fosthom mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università, huma inizjattivi tajbin. Minkejja dan, importanti li jiġu żviluppati aktar riżorsi diġitali għall-adulti barranin u li titfassal sistema ta’ ċertifikazzjoni mal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi biex jagħmlu l-qalb jitgħallmu lsienna b’mod standardizzat.
Joe Borg huwa lettur tal-Malti u s-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti. Dan l-artiklu hu parti mill-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti.