Titnieda t-tieni edizzjoni tal-konferenza nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’
Il-konferenza nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’, fuq inizjattiva tal-konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika Lou Bondì u l-istatistiku u lettur universitarju Vincent Marmarà, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President, se ssir għat-tieni sena konsekuttiva – din is-sena fid-9 ta’ Ġunju fil-Palazz tal-Verdala. Marbut ma’ din il-konferenza se jerġa’ jsir studju xjentifiku fost il-poplu Malti dwar kif qed tevolvi l-identità nazzjonali Maltija.
Fit-tnedija ta’ din l-edizzjoni, il-President ta’ Malta, George Vella, qal biex nifhmu sew dak li se joħroġ mill-istħarriġ, tajjeb li nqisu l-kuntest, kemm lokali kif ukoll globali, li fih qed jitnieda dan l-istħarriġ. Il-President Vella għamel referenza fost oħrajn għall-elezzjoni ġenerali, għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta, għall-effetti tal-Pandemija, kif ukoll għall-istabbilità fil-livell internazzjonali li qed tkompli tiġi mheżża mill-Gwerra fl-Ukrajna. Żied li jkun interessanti ħafna li wieħed jara jekk dawn l-iżviluppi hux se jkollhom impatt fuq kif jaħsbuha ċ-ċittadini, u jekk hux se jkun hemm bidliet minn dak li ħareġ mill-istħarriġ tal-2021.
Il-President innota li ħafna mit-temi li se jiġu annalizati jorbtu mal-appell kostanti tiegħu għall-għaqda bejnietnsa. Spjega li l-intenzjoni tiegħu hija li permezz tal-istħarriġ jiġu identifikati dawk l-oqsma li għad fadlilna x’nagħmlu iktar dwarhom b’mod kollettiv, bil-għan li tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja, u mhux mill-aspett ekonomiku biss. Filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu sehem fil-Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon, il-President qal li din minnha nnifisha għandha tkun eżempju ta’ kif wieħed għandu jiddibatti bil-fatti f’idu, bla ma juża ton arroganti u jwaqqa’ l-opinjoni ta’ ħaddieħor.
Vincent Marmarà spjega li l-informazzjoni se tibda tinġabar mis-27 ta’ April 2022 minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq. Qal li l-interess prinċipali mhux li jsiru magħrufa l-opinjonijiet fuq ħaġa partikolari jew avvenimenti differenti, iżda li wieħed iħares aktar fil-fond lejn dak li jista’ jwassal għall-formazzjoni tal-prinċipju u l-opinjoni tal-poplu.
Lou Bondi ħabbar li d-diskussjoni fil-konferenza nazzjonali mistennija tmiss ma’ wħud mill-aktar materji importani li jiddefenixxu fejn qiegħed in-nazzjon illum – l-ambjent, is-saltna tad-dritt, l-għeruq tad-diviżjonijiet, il-korruzzjoni, il-fizjonomija tal-istat u oħrajn. Fost dawk li diġà kkonfermaw is-sehem tagħhom hemm il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Tista taċċessa id-diskors tal-President George Vella waqt il-Konferenza ‘L-istat tan-nazzjon’ min hawn
Tista taċċessa id-diskors tal-għeluq tal-President George Vella waqt il-Konferenza ‘L-istat tan-nazzjon’ min hawn
Jitħabbru r-riżultati tat-tieni stħarriġ xjentifiku dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’
Fil-bidu tat-tieni edizzjoni tal-konferenza nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’ fil-Palazz tal-Verdala, l-espert fl-istatistika u lettur fl-Università ta’ Malta Dr Vincent Marmarà qed jippreżenta r-riżultati tal-istħarriġ xjentifiku dwar kif qed tevolvi l-identità nazzjonali Maltija. L-istħarriġ sar bejn it-28 ta’ April u nofs Mejju li għadda minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq.
Dr Marmarà spjega li minn dan l-istudju ħareġ kemm ir-restrizzjonijiet tal-pandemija kienu qed iħallu effett fuq ħajjet in-nies, hekk kif din is-sena l-poplu stqarr li jinsab aktar kuntent mis-sena l-oħra. Mill-banda l-oħra, innota li l-inflazzjoni qiegħda wkoll tħalli impatt fuq il-poplu minħabba li kien hemm żieda fl-għadd ta’ nies li qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom illum hija agħar minn dik ta’ sena ilu. Matul il-preżentazzjoni tal-istħarriġ, Dr Marmarà rrimarka kemm is-sehem tal-familja huwa importanti, inkluż fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Ħareġ li l-poplu jemmen f’Alla imma ma jagħtix l-istess livell ta’ importanza lir-reliġjon, u li għandu għal qalbu ferm in-nazzjon Malti. Madanakollu, Dr Marmarà qal li l-poplu qed jassoċja lilu nnifsu mal-Ewropa aktar minn kemm kien sena ilu.
Fl-isfond li l-istħarriġ sar xahar wara l-elezzjoni ġenerali, Dr Marmarà qal li l-poplu jħoss li l-politika hija inqas importanti għalih u jikkunsidra inqas l-opinjoni tal-partit politiku qabel ifassal l-opinjoni tiegħu. Dr Marmarà rrimarka wkoll l-għatx li għandhom in-nies għall-festi tar-raħal, li jitqiesu bħala l-aktar ħaġa importanti mill-kultura Maltija.
Il-konsulent fil-komunikazzjoni strateġika, Lou Bondi, qal li r-riżultati tal-istħarriġ ta’ din is-sena jistgħu jitqabblu ma’ dawk tas-sena l-oħra. “Jekk din l-inizjattiva titkompla fis-snin li ġejjin, l-istampa ovvjament tkun dejjem iktar ċara. Fuq kollox ma’ kull sena se nsiru nafu aħjar u bil-fatti fejn sejjer dan in-nazzjon”, żied jgħid is-Sur Bondi.
Dwar it-temi magħżula għall-konferenza din is-sena, is-Sur Bondi qal li huma relevanti b’mod akut għall-istat tan-nazzjon: l-ambjent, il-medja, il-korruzzjoni, l-arkitettura tal-istat, u t-tendenza li nħarsu lejn ħafna materji fuq binarji opposti. Żied li ġħal darb’oħra, il-kelliema magħżula ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja biex id-diskussjoni tkun rikka u innovattiva u mhux waħda sterili bejn l-esperti.
Fil-ftuħ tal-konferenza nazzjonali ta’ ġurnata, il-President ta’ Malta George Vella rrimarka li t-taħriġ ta’ din is-sena ma jwarrabx dak li sirna nafu s-sena li għaddiet. “It-temi u s-suġġetti li se jiġu diskussi fis-sigħat li ġejjin, huma maħsuba li jibnu fuq dak li sirna nafu dwarna nfusna s-sena li għaddiet, sabiex ikollna stampa dejjem iktar ċara u kompluta”, żied jgħid il-President.
B’referenza għat-temi diskussi, il-President Vella qal li huma kurrenti u anke xi ftit provokattivi għax jolqtu direttament il-ħajja ta’ kuljum tagħna kemm bħala ċittadini individwali, iżda anke bħala poplu b’mod kollettiv. Il-President irrefera għal proġett ieħor tal-presidenza li jindirizza l-għaqda nazzjonali. Stqarr li l-intenzjoni tiegħu hija li permezz tal-istħarriġ jiġu identifikati dawk l-oqsma li għad fadal x’nagħmlu iktar dwarhom b’mod kollettiv, sabiex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja, u dan mhux mil-lat ekonomiku biss.
Indirizzat ukoll il-ftuħ tal-konferenza l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola. Il-konferenza nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’ qed issir għat-tieni sena konsekuttiva fuq l-inizjattiva tas-Sur Lou Bondi u ta’ Dr Vincent Marmarà, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President.
Il-programm tal-Konferenza jista jiġi aċċessat minn hawn
Il-preżentazzjoni tista tiġi aċċessata minn hawn
“Eżerċizzju li għen mhux ftit biex inkomplu nsiru nafu aktar fuq fejn sejrin bħala poplu” – il-President ta’ Malta
“Permezz tal-konferenza nazzjonali tal-lum, tajna ħarsa introspettiva lejna nfusna. Dan hu dejjem l-ewwel pass li wieħed għandu jieħu biex itejjeb lilu nnifsu”, qal il-President ta’ Malta George Vella fid-diskors tal-għeluq tiegħu waqt it-tieni edizzjoni tal-konferenza nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’.
Fost l-osservazzjonijiet tiegħu, il-President innota l-ewwel u qabel kollox li l-familja hija fattur fundamentali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, anke fid-deċiżjonijiet li nieħdu.
Stqarr li l-istħarriġ wera li l-Malti llum kuntent li ħeles mir-restrizzjonijiet tal-pandemija u jinsab iktar kuntent mis-sena l-oħra. Dan filwaqt li issa li għaddiet l-elezzjoni, il-politika tidher li hija inqas importanti, filwaqt li qed jinħass il-piż tal-inflazzjoni.
Innota wkoll kemm għadha b’saħħitha l-fidi f’Alla, iżda mhux neċessarjament ir-reliġjon. Jidher ukoll li l-Malti huwa iktar komdu bil-multikulturaliżmu.
Waqt is-sessjoni kemxejn imqanqla dwar l-ambjent, il-President qal li smajna kif hemm bżonn li jinstabu bilanċ u kompromess, u kif l-ambjent jaf ikun fattur li jgħaqqad u mhux biss jifred. Kien hemm appell ċar li mmorru lil hinn mill-buzzwords, u li jiġu indirizzati b’mod konkret, żbalji u deċiżjonijet ħziena u li jiġu riveduti liġijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-settur.
Waqt it-taħdidiet marbuta mal-media, il-President stqarr li apprezza aktar kemm dan ir-raba’ pilastru tad-demokrazija huwa kruċjali għas-saltna tad-dritt, fuq l-importanza tal-fattwalità tal-aħbar, u kemm donnha nibtet prattika informali li kulħadd sar ġurnalist illum.
Il-President qal li punt li laqtu kien kif il-ġurnalist għandu jkun hu stess li jagħmel l-aġenda, u mhux jagħti lill-pubbliku dak li jixtieq jisma’. Hawnhekk fisser kif il-ġurnaliżmu indipendenti veru li qed kulma jmur jiċkien u qal li ħareġ ċar kemm għad fadal x’isir f’dan il-qasam.
Dwar il-qasam edukattiv, b’mod partikolari, kien hemm enfasi fuq il-ħsieb kritiku taż-żgħażagħ tagħna. Punt ieħor interessanti li tqajjem kien dwar kemm il-Maltin iħossuhom Ewropej. Hawnhekk il-President fakkar li Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea b’formazzjoni Mediterranja b’saħħitha.
Fil-kuntest tal-istituzzjonijiet, il-President semma li dawn huma l-qofol tad-distinzjoni bejn stat u gvern. Huwa rrefera wkoll għall-proposta li ċ-ċermen tal-Awtorità tax-Xandir jiġi maħtur b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-parlament u mhux biss b’konsultazzjoni. Il-President qal li jekk dan iseħħ, ikun hemm bżonn ta’ anti-deadlock mechanism inkella il-proċess jaf jeħel.
Dwar ir-riforma kostituzzjonali, il-President spjega li l-pass li jmiss huwa li jkun hemm qbil dwar persuna li tgawdi l-fiduċja tal-gvern u tal-Oppożizzjoni li tkun tista’ tmexxi l-Konvenzjoni Kostituzzjonali.
Il-President stqarr ukoll li hu ma jaqbilx li l-Maltin imorru għand il-politiċi biex jikkorrompuh, jew biex jieħdu dak li mhuwiex tagħhom. Huwa qal li tajjeb li l-poplu jsemma’ leħnu wkoll f’diskussjoni bħal din.
Irrimarka wkoll il-bżonn ta’ ċittadinanza attiva ’l bogħod mill-partiti, u l-punt li ħareġ mid-diskussjoni jekk bdejniex insiru inqas interessati fil-politika.
Il-President ta’ Malta kkonkluda billi rringrazzja lill-kelliema u lill-esperti kollha li taw sehemhom u wasslu ħsibijiethom matul din il-konferenza. Qal li fuq kollox, dan huwa l-għan aħħari tagħna lkoll, “li wieħed li jagħti kontribut tanġibbli għat-titjib ta’ ħajjitna lkoll”.
Indirizzaw ukoll il-konferenza ‘L-istat tan-nazzjon’, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.