Il-President jenfasizza l-potenzjal li tiġġedded ir-rabta storika bejn Malta u l-Ordni ta’ Malta
L-Ordni Sovran ta’ Malta u r-Repubblika ta’ Malta għad għandhom potenzjal kbir biex iġeddu r-rabta storika bejniethom u, għal darba oħra, jaħdmu flimkien biex iġeddu u jżommu ħajja l-preżenza tal-Ordni f’Malta, qal il-President ta’ Malta George Vella fil-ftuħ tat-tieni simpożju mis-Sensiela ta’ Simpożji Kulturali tal-Presidenza.
Is-simpożju, bit-tema ‘Malta and the Sovereign Order of Malta: Historical Relations, Future Histories’, sar f’forma ibrida fil-Palazz ta’ Sant’Anton u permezz ta’ servizz ta’ vidjokonferenza, u xxandar ukoll dirett fuq il-paġna uffiċjali tal-President ta’ Malta fuq Facebook. L-Ordni Sovran ta’ Malta kien is-suġġett ta’ diversi karti u intervisti, diskussjonijiet u konverżazzjonijiet li jfittxu li jesploraw ir-relazzjoni politika, kulturali, u istituzzjonali bejn Malta u l-Ordni ta’ Malta, waqt li jiffokaw fuq l-istorja tar-relazzjonijiet diplomatiċi u l-istorja tal-Ordni wara t-tluq tiegħu minn Malta fl-1798, il-patrimonju artistiku u kulturali tal-Ordni ta’ Malta llum, kif ukoll il-funzjoni, ir-rwol, u l-iskop tal-Ordni ta’ Malta. Is-Sensiela ta’ Simpożji Kulturali tal-Presidenza għandha l-għan li tibda konverżazzjonijiet dwar id-diplomazija kulturali u tat kontribut ukoll għat-trawwim ta’ relazzjonijiet aħjar bejn l-Istati fl-ogħla Uffiċċju tal-Istat.
Il-President fakkar li, meta kien imexxi Malta, l-Ordni ta’ San Ġwann ta lill-pajjiż l-identità tiegħu ta’ fortizza bil-kostruzzjoni kontinwa ta’ swar li mhux talli żammew ‘il bogħod lill-għadu, iżda talli żammew fiż-żgur it-teżori tal-patrimonju kulturali li kienu, u għadhom illum il-ġurnata, tant għeżież għal dawn il-gżejjer. L-Ordni mexxa wkoll lil Malta fl-iżviluppi kulturali u artistiċi popolari li kienu qed iseħħu fl-Ewropa kontinentali. Ħafna mill-patrimonju arkitettoniku, kulturali, u artistiku ta’ Malta tħalla lill-pajjiż mill-Ordni ta’ San Ġwann. Ir-rabta tal-Ordni ma’ Malta, fil-fatt, wasslet biex isem Malta jingħata proprju lill-Ordni Ospitalier ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm biex sar l-Ordni ta’ Malta. Huwa dan il-legat, qal il-President, li jorbot Nazzjon ma’ Ordni flimkien fl-iktar relazzjonijiet b’saħħithom għal li ġej.
“Huwa b’dan il-ħsieb li nilqa’ dan is-simpożju bħala mument ta’ riflessjoni,” qal il-President. “Fil-fatt, l-istorja tal-Ordni ta’ San Ġwann għandha r-rilevanza u s-sinifikat fundamentali tagħha, tant li għadha tiġi sostnuta, mgħożża, u ċċelebrata sal-ġurnata tal-lum.”
Is-simpożju beda b’messaġġ ta’ merħba mill-Ambaxxatur tal-Ordni Sovran ta’ Malta għar-Repubblika ta’ Malta, Augusto Ruffo di Calabria, u minn Sandro Debono, Konsulent tal-President dwar l-Affarijiet Kulturali. Fost il-kelliema hemm l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ordni Sovran ta’ Malta, George Buttigieg. Ġew intervistati l-mistednin speċjali Douglas Graf Saurma-Jeltsch, membru tal-bord eżekuttiv tal-Malteser Hilfsdienst fil-Ġermanja u li kien l-ambaxxatur tal-Ordni Sovran ta’ Malta fil-Litwanja, kif ukoll Dominique Prince de La Rochefoucauld-Montbel, Bailiff Grand Cross tal-Unur u d-Devozzjoni fl-Ubbidjenza.