F’attività li saret għat-tieni sena konsekuttiva fil-Palazz Verdala b’turija ta’ apprezzament lill-missirijiet kollha, il-President ta’ Malta George Vella qal li minkejja li l-pandemija tal-COVID-19 tefgħet piżijiet ġodda fuq il-familji, għandha wkoll l-aspett pożittiv għax it-tnaqqis tar-ritmu tal-ħajja li ġabet magħha ta lill-ġenituri l-opportunità li jqattgħu aktar ħin bħala familja u ma’ wliedhom.
Din l-attività, fil-forma ta’ riċeviment bilqiegħda madwar l-imwejjed għal għadd limitat ta’ missirijiet minn madwar Malta u Għawdex – b’konformità mar-regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa kontra t-tixrid tal-imxija – saret ġimgħat wara li ġie ċċelebrat uffiċjalment Jum il-Missier minħabba li l-pariri tal-awtoritajiet ma kinux jippermettu li tiġi organizzata qabel b’dan il-mod.
Il-President, li kien akkumpanjat mis-Sra Vella, sellem lill-missirijiet li kellhom xogħolhom jew in-negozju tagħhom mhedded, bl-ansjetà kollha li dan iġib miegħu. Semma kif din l-ansjetà kompliet żdiedet minħabba l-fatt li ħafna ġenituri kellhom jibqgħu d-dar għax it-tfal ma kinux qed imorru l-iskola, filwaqt li huma stess kellhom jaħdmu mid-dar. Feraħ lil dawk kollha li saru missirijiet għall-ewwel darba din is-sena, u sellem lill-missirijiet li korrew jew ħallewna fl-istess perjodu. Fakkar b’mod partikolari f’dawk li mietu kaġun tal-pandemija u esprima s-solidarjetà ma’ qrabathom li ma setgħux jagħtuhom l-aħħar tislima minħabba ċ-ċirkustanzi.
Il-President qal li l-missirjiet mhux biss dawk naturali iżda wkoll dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iservu ta’ figura paterna, fosthom lil dawk li adottaw jew jiffosterjaw, u anke n-nanniet. Irrefera wkoll għall-missirijiet ikbar fl-età li jinsabu fid-djar tal-anzjani u faħħar ir-reżiljenza li wrew fl-aħħar sena u nofs: “It-titlu ta’ missier jiġbor fih dmirijiet u responsabbiltajiet. Fl-istess ħin, huwa privileġġ li tara l-ulied jikbru u jsibu triqthom. Li jiddefinixxi lill-missier mhux il-fatt li jkun il-missier naturali iżda x-xogħol li jagħmel biex ikabbar, biex jiggwida, biex jgħin lit-tfal li jkunu telgħin sabiex jitfa’ fihom dawk il-valuri ideat li jridu jikbru bihom u jużawhom għada pitgħada.”