George Vella

Il-President George Vella jżur il-fabbrika Toly Products Ltd.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella żar il-kumpanija Toly Products Ltd fiż-żona industrijali ta’ Bulebel.

Wara li flimkien mas-Sinjura Vella ddawwar ma’ żoni differenti fil-fabbrika u segwa mill-qrib il-proċess ta’ manifattura u rfinar ta’ prodotti tal-irtokk u ta’ prodotti oħra, il-President tkellem dwar kif il-pandemija tal-Covid-19 laqtet ukoll mill-qrib is-settur tal-manifattura.

Il-President saħaq li minkejja żviluppi kbar fl-ekonomija Maltija, is-settur tal-manifattura xorta żamm l-importanza tiegħu.

Fid-diskors tiegħu, il-President innota li d-determinazzjoni u l-motivazzjoni tal-management u tal-ħaddiema wasslu biex l-operat ikompli għaddej anke fi żminijiet ta’ sfida.

Huwa fisser li llum il-ġurnata biex is-settur jibqa’ relevanti u attraenti, jeħtieġ li jkompli jikber u jevolvi u hawnhekk qal li l-importanza li l-kumpanija Toly tagħti lill-innovazzjoni hija ta’ min jammiraha.

Il-President qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalih li jisma’ kliem ta’ tifħir fuq kemm il-ħaddiem Malti kapaċi jadatta u jiffaċċja sfidi differenti.

Il-President temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ għal investiment kontinwu fil-ħaddiema, kemm Maltin u barranin, fuq bażi ta’ aċċess ugwali ta’ opportunitajiet u kundizzjonijiet offruti lilhom.

Skip to content