Issir il-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali b’inizjattiva tal-President ta’ Malta – il-proċess se jitkompla
B’inizjattiva tal-President ta’ Malta George Vella saret il-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali. Din il-pjattaforma għal diskussjoni matura ġiet organizzata b’mod ibridu, kemm f’żewġ swali tal-Palazz Verdala kif ukoll permezz tal-midja soċjali.
Id-diskussjoni kienet xprunata minn numru ta’ personalitajiet minn diversi xejriet tal-ħajja inklużi l- Prof. Carmen Sammut, il-Prof. Simone Borg, il-Prof. Andrew Azzopardi, il-Perit David Xuereb, is- Sur Mario Fava, is-Sur Reno Bugeja u s-Sur Aleks Farrugia. Ipparteċipaw ukoll bosta individwi u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u entitajiet, kemm mis-swali tal-Palazz Verdala kif ukoll onlajn.
Fil-ftuħ tal-konferenza, il-President esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li t-tħabbir innifsu li kienet se tittieħed din l-inizjattiva qanqal diskussjoni pubblika. Filwaqt li spjega l-ħsieb tiegħu li dan ikun spazju fejn kulħadd ikun jista’ jsemma leħnu, il-President iddeskriva l-konferenza bħala l-bidu ta’ proċess li l-għan tiegħu huwa li, l-ewwel u qabel kollox, jirnexxielna nikxfu u niskopru dak kollu li jifridna, u niddiskutuh b’mod miftuħ bla preġudizzju, u b’għan kostruttiv.
Il-President esprima x-xenqa tiegħu li l-konferenza twassal għal qbil dwar liema huma l-kwistjonijiet li jifirduna, sabiex it-tieni pass ikun li nkunu umli biżżejjed biex naqblu kif nistgħu, flimkien, nagħmlu l-almu tagħna biex insewwu s-sitwazzjoni. “Biex ikollna l-għaqda nazzjonali ma jfissirx li jkollna qbil fuq kollox, iżda hemm fatturi li mingħajrhom l-għaqda ma tasal qatt. Dan nistgħu nagħmlu tajjeb għalih billi nfittxu u nsibu dak li diġà jgħaqqadna u nsaħħu dik ir-rabta”, qal il- President. “Jinkwetani ħafna l-fatt li qisna tlifna r-rispett lejn xulxin. Mingħajr rispett ma nistgħux napprezzaw lil xulxin biżżejjed. Ma nittollerawx opinjoni ta’ min ma jaqbilx magħna. Ma niddejqu xejn nużaw kliem dispreġġjattiv, u kultant mill-aktar faħxi, fuq il-midja soċjali biex nattakkaw lil ħaddieħor. Jinkwetani li qisna tlifna l-fiduċja f’xulxin; qisna tlifna l-fiduċja fl-istituzzjonijiet kollha.”
“L-ewwel pass dejjem diffiċli. Għalhekk, hemm bżonn inkunu flimkien f’dan il-proġett. Nibdew b’passi żgħar iżda b’determinazzjoni li, bil-mod il-mod, naslu. Jien inħoss li dan hu obbligu tagħna llum lejn dawk kollha ta’ rieda tajba li jinstabu mdejqin bis-sitwazzjoni; lejn dawk iċ-ċittadini onesti, għandna obbligu li noffrulhom soċjetà anqas maqsuma u iktar magħquda. L-istess obbligu għandna lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin – biex ngħaddulhom pajjiż aħjar minn dak li qegħdin fih aħna llum.” F’rimarki li għamel fl-għeluq tal-konferenza, wara li kien ta’ widen għall-interventi kollha li saru, il- President esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod tajjeb u rispettuż li bih saret id-diskussjoni, bl-ebda suġġett ma jkun tabù. Huwa wiegħed li dan il-proċess li nbeda, li mhux maħnuq mill-partiti politiċi, se jitkompla f’forma jew oħra. “Konvint li kollha kemm aħna nħobbu lil pajjiżna, kollha nixtiequ naraw lil pajjiżna aħjar milli hu llum. Jekk se nkomplu naħdmu flimkien – u nitlobkom u nistedinkom biex inkomplu naħdmu flimkien – jien konvint li nistgħu nagħmlu pajjiżna aħjar milli huwa llum.” Il-konferenza ġiet organizzata bil-kollaborazzjoni tal-Public Broadcasting Services, f’konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa fil-kuntest tal-imxija tal-COVID-19. Flimkien mal-Uffiċċju tal-President, is-servizz tax-xandir tal-Istat se jipproduċi programm ta’ segwitu fuq il-konferenza bl-isem ‘Seddaq il-Għaqda’, li se jixxandar fuq TVM nhar il-Ħadd, 7 ta’ Marzu 2021 fl-10.05pm, b’repetizzjoni fuq TVM2 nhar it-Tnejn, 8 ta’ Marzu 2021 fis-6.30pm.
Il-pubblikazzjoni ta’ dak li ħareġ mill-Konferenza tista’ tiġi aċċessata minn hawn
Tista taċċessa d-diskors tal-ftuħ tal-President George Vella waqt il-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali hawn
Tista taċċessa d-diskors tal-għeluq tal-President George Vella waqt il-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali hawn