George Vella

Il-President George Vella jilqa’ lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-Palazz tal-Gran Mastru

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella laqa’ lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta. Il-President enfasizza r-rwol importanti tal-Parlament Ewropew fid-demokrazija parteċipattiva u l-enfasi li tingħata liċ-ċittadini permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi. Huwa esprima t-tama tiegħu li permezz tal-elezzjonijiet li ġejjin, iċ-ċittadini tal-UE jkollhom aktar aċċess għall-istituzzjoni tal-UE, u aktar influwenza fuqhom.

Ġie diskuss ir-rwol tal-Parlament Ewropew fl-indirizzar tal-iżviluppi reġjonali, b’enfasi partikolari fuq it-tkabbir u l-migrazzjoni.

Il-President Vella rringrazzja lil Dr Metsola għaż-żjara tagħha u għall-kooperazzjoni tagħha matul il-Presidenza tiegħu.

Il-President Metsola rringrazzjat lill-President Vella għas-servizz tiegħu lill-poplu ta’ Malta u Għawdex, għat-taħditiet li kellhom u l-gwida tiegħu, u għall-kooperazzjoni kbira mal-Parlament Ewropew.

Saħqet fuq l-importanza tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej, u tenniet l-appell tagħha lill-poplu ta’ Malta u Għawdex biex jivvota u jsemma leħnu meta jagħżel is-6 Membri tal-Parlament Ewropew.

Faħħret ukoll ir-restawr riċenti fil-Palazz tal-Gran Mastru, li sar permezz ta’ fondi tal-UE. “Dan huwa eżempju ieħor ta’ kif l-UE ġġib bidla pożittiva fis-soċjetajiet tagħna, billi tippreserva l-kultura u tippromwovi l-wirt tagħna,” qalet il-President Metsola.

Ritratti: 

Link għall-filmat: https://we.tl/t-kmBLTST4ic

Skip to content