George Vella

Il-President George Vella jiltaqa’ ma’ Fra’ John T. Dunlap, Gran Mastru tal-Ordni Ospitalier Militari Sovran ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

L-impenji tal-President ta’ Malta George Vella fl-Italja ssoktaw is-Sibt filgħodu b’laqgħa uffiċjali ma’ Fra’ John T. Dunlap, Gran Mastru tal-Ordni Ospitalier Militari Sovran ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta fil-Palazzo Magistrale.

Il-President Vella u l-Gran Mastru Dunlap irreferew għar-relazzjonijiet eċċellenti u ta’ ħbiberija bejn Malta u l-Ordni, li huma bbażati fuq għeruq storiċi. Il-President Vella stqarr li din iż-żjara tikkommemora r-relazzjonijiet uniċi u storiċi bejn Malta u l-Ordni.

Il-President esprima t-tama li Malta u l-Ordni jikkooperaw aktar mill-qrib u b’mod viżibbli permezz ta’ proġetti prattiċi fil-gżejjer Maltin. “Dan jista’ jinvolvi proġetti ta’ natura umanitarja, iżda wkoll bil-għan li l-pubbliku jkun jista’ jgawdi aktar il-wirt arkitettoniku tal-Ordni f’Malta,” stqarr il-President.

Din il-laqgħa ssegwi ż-żjara f’Malta tal-Gran Mastru Dunlap f’Ġunju tas-sena li għaddiet.

L-impenji tal-President, is-Sinjura Vella u d-delegazzjoni Maltija f’Ruma kienu jinkludu wkoll quddiesa ċċelebrata mill-Kardinal Mario Grech fil-Bażilika ta’ San Lorenzo in Damaso. Il-Kardinal Grech radd ħajr lill-President Vella għall-ħidma tiegħu fl-aħħar ħames snin. “Inti għallimtna bil-kelma u bl-eżempju biex ma nitfgħux ġebel lejn xulxin anke meta ħadd ieħor iħaġġarna,” stqarr il-Kardinal Grech, waqt li awgura li dan l-istil ta’ ħajja non-vjolenti jmexxina fl-imġiba tagħna ma’ xulxin kemm fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum kif ukoll fil-ħajja politika u fir-relazzjonijiet internazzjonali.

Wara l-quddiesa l-President u s-Sinjura Vella qattgħu ftit ħin ma’ membri tal-komunità Maltija f’Ruma.

Skip to content