George Vella

Il-President George Vella f’laqgħa mal-President Taljan Sergio Mattarella fil-Palazz Quirinale

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella kellu laqgħa biex isellem lill-President tal-Italja Sergio Mattarella fil-Palazz Quirinale f’Ruma.

F’din l-okkażjoni, il-President ta’ Malta ġie onorat mill-President Mattarella bl-ogħla onorifiċenza internazzjonali mill-Istat Taljan “Gran Croce decorato di Gran Cordone” b’turija ta’ ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi u tal-kollaborazzjoni bejniethom.

Il-President Vella u l-President Mattarella rreferew għall-qrubija bejn Malta u l-Italja sa mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi wara l-Indipendenza fl-1964. Il-President Vella rrimarka li r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi hija l-aktar b’saħħitha fil-kuntatti bejn il-popli li baqgħu jissaħħu matul is-snin, kif ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ kummerċ u investiment.

Malta u l-Italja għandhom interessi konverġenti u objettivi komuni bħala protagonisti tad-diplomazija Mediterranja u, mill-2004 ’l quddiem, bħala membri attivi tal-Unjoni Ewropea. Il-Presidenti ddiskutew possibbiltajiet ta’ kif ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fuq livell internazzjonali jista’ jkompli jissaħħaħ. Irreferew għal sfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea fosthom it-tkabbir tagħha. Il-President Vella u l-President Mattarella qablu li d-dinja għandha bżonn l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari r-rwol tagħha għall-kisba tal-istabbiltà u l-paċi. Esprimew ix-xewqa li jkompli jikber r-rwol dejjem aktar b’saħħtu tal-Unjoni Ewropea fuq livell internazzjonali.

Tkellmu wkoll fit-tul fuq il-migrazzjoni irregolari, li tolqot liż-żewġ pajjiżi, u s-solidarjetà bejn il-membri tal-Unjoni Ewropea. Dwar il-gwerra fl-Ukrajna u dik bejn Iżrael u l-Ħamas, il-Presidenti esprimew it-tama li fl-aħħar mill-aħħar tirrenja paċi ġusta.

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni multilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, issemma fost l-oħrajn it-tibdil fil-klima, u kif dan qed ikollu effett dejjiemi fuq ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Għal din il-laqgħa fi tmiem il-Presidenza tiegħu, il-President Vella kien akkumpanjat mis-Sinjura Vella, u mid-delegazzjoni li tinkludi fost l-oħrajn lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg.

Skip to content