George Vella

Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Mozambique, Santos Álvaro, jippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tal-Mozambique, Santos Álvaro, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.

Il-President Vella rrefera għar-relazzjonijiet kordjali bejn Malta u l-Mozambique kif ukoll għar-rieda li jiġu esplorati opportunitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni fix-xhur li ġejjin. Il-President żied jgħid li Malta tagħti importanza kbira lill-Mozambique bħala sieħba reġjonali li magħha nistgħu nikkooperaw fiż-żamma tal-paċi u l-governanza tajba bħala l-bażi għall-iżvilupp. Irrefera għal-laqgħa tiegħu mal-President Nyusi f’Mejju tal-2023 fi New York, fil-marġini ta’ Sessjoni Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda ddedikata għall-persuni ċivili f’kunflitt armat li matulha ż-żewġ Presidenti għamlu l-indirizz tagħhom. Il-President Vella qal li Malta tilqa’ r-relazzjoni kostruttiva bejn il-Mozambique u l-Unjoni Ewropea bħala sħubija ta’ benefiċċju reċiproku u tappoġġja t-tiġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku li llum jissejjaħ il-“Ftehim ta’ Samoa”.

Il-Kummissarju Għoli spjega l-intenzjonijiet tiegħu li jintensifika r-relazzjonijiet tan-negozju u kummerċjali bejn iż-żewġ naħat u identifika l-kooperazzjoni fl-enerġija bħala opportunità b’potenzjal notevoli. Il-Kummissarju Għoli Álvaro spjega sensiela ta’ riformi li għaddejjin f’pajjiżu, li l-aktar jindirizzaw is-sigurtà, l-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku. Irrefera b’mod partikolari għall-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jitrażżnu t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni fir-reġjuni tat-Tramuntana, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ġirien.

Tkellmu wkoll dwar il-kooperazzjoni fil-Commonwealth, anki bi tħejjija għal-laqgħa li jmiss tal-Kapijiet tal-Gvern li ser tkun qed tospita Samoa f’Ottubru tal-2024.

Skip to content