George Vella

Il-Kummissarju Għoli ta’ New Zealand, Tara Morton, tippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-Kummissarju Għoli ta’ New Zealand, Tara Morton, ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.

Il-President Vella rrefera għar-rabtiet li ilhom għal żmien twil ma’ New Zealand u l-impenn tagħha biex ittejjeb l-iskambji politiċi, soċjali u kummerċjali. Għad hemm potenzjal kbir għall-promozzjoni ta’ rabtiet tan-negozju u aktar flussi kummerċjali b’mod speċjali fl-oqsma tat-teknoloġija u l-ICT. Minn perspettiva reġjonali, Malta tappoġġja bis-sħiħ it-tisħiħ fir-relazzjonijiet bejn l-UE u New Zealand u hija sodisfatta li fl-2022 ġie konkluż Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles. Il-President Vella żied jgħid li ż-żewġ pajjiżi għandhom l-istess għanijiet f’fora multilaterali bħan-Nazzjonijiet Magħquda u l-Commonwealth, u semma b’mod partikolari t-tibdil fil-klima u s-sigurtà reġjonali.

Il-Kummissarju Għoli Morton enfasizzat l-apprezzament tagħha għall-appoġġ ta’ Malta għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u New Zealand u sostniet li dan ser iġib benefiċċji tanġibbli għaż-żewġ naħat. Hija ferħet lil Malta għall-pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà kbira li ħadet bħala Membru mhux elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll għall-Presidenza tal-OSCE.

Ġew diskussi l-iżviluppi internazzjonali b’enfasi partikolari fuq il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża.

Skip to content