19 ta’ Frar 2024
U se nibda b’xi ħaġa li forsi nħawwadkom. Ngħir għalikom u ma ngħirx għalikom.
Tgħiduli: “X’qed tgħid?” Ngħir għalikom għaliex, bħalma ntqal, għandkom ħafna faċilitajiet biex titgħallmu, mezzi biex titgħallmu u biex tistudjaw. Kif għadu kemm intqal, fi żmieni l-mużew kien xi mkien fejn tmur għall-affarijiet mejtin, ibbalzmati, biċċiet tal-ġebel, biċċiet tal-bebbux u affarijiet bħal dawn, u l-idea li l-mużew ikun ħaj kienet għadha ma bdietx.
Intom għandkom il-vantaġġ illi din l-idea li l-mużew huwa xi mkien ħaj, kemm mużew tal-istorja naturali, kemm mużew tal-arti, kwalunkwe mużew, illum il-ġurnata daħlet. U daħlet għaliex għandkom ħafna mezzi tat-teknoloġija moderna illi jgħinukom anki tirrelataw ma’ dawk l-affarijiet li qegħdin taraw wara l-ħġieġ jew li tmissu llum il-ġurnata, għax ħafna minnhom huma interactive, li inti qed taħdem magħhom. Dik hi importanti ħafna.
Però ma ngħirx għalikom, u ngħidu b’serjetà, għaliex intom għandkom sfida quddiemkom li nawgura minn qalbi li tirbħu ħalli jkollkom ħajja aħjar għada pitgħada.
U għaliex qed ngħid hekk? Għax id-dinja sejra mill-ħażin għall-agħar. U meta intom tistudjaw u taraw il-bniedem x’għamel għad-dinja, x’għamilna aħna l-ġenerazzjoni tagħna, ta’ qabilkom, se nħallulkom wirt li ma tantx hu sabiħ.
U qegħdin naraw hemm ġew, pereżempju, l-invażjoni tal-plastik fl-ibħra kollha. U mill-ibħra mbagħad għal ġol-ħut u mill-ħut, sfortunatament, anki fil-bnedmin li nieklu l-ħut. Jiġifieri hemmhekk hemm sfidi enormi illi wieħed irid jikber magħhom u nawgura li fostkom, tkomplu tistudjaw, joħorġu anki xi xjenzati li jkunu kapaċi anki jikkontribwixxu u jagħtu sehemhom ħalli dawn il-problemi li intom ħa tiffaċċjaw, issolvuhom.
U qed ngħid hekk, ifhmuni u b’dispjaċir ngħidu, mhux qed nitkellmu fuq problemi ta’ 100 sena oħra, 120, 200 sena oħra, problemi ta’ 30, 20, 25 sena oħra.
U fost il-problemi l-kbar, bħalma tafu għax intom żgur li ssegwu, hemm it-tibdil tal-klima. Meta nirrealizzaw li l-bniedem, li hu wieħed mill-iċken kreaturi fid-dinja, mhux dinosawru, il-bniedem, jikber sitt piedi kollox, irnexxielu jbiddel il-klima tad-dinja li qed ngħixu fiha.
Tgħiduli: “B’daqshekk?” B’daqshekk tafu xi jfisser? Ifisser illi m’aħniex ċerti għada pitgħada mill-istaġuni. M’aħniex ċerti minn kemm se jikbru wċuħ tar-raba’. M’aħniex ċerti x’se jiġri bit-temperaturi. Ħafna minnkom diġà kbar biżżejjed biex taraw l-aħbarijiet u taraw meta jkun hemm ħruq kbir ġewwa Spanja, pereżempju, temperaturi telgħin mhux is-soltu, xita tonqos kemm jista’ jkun u dawn l-effetti kollha li huma kollha minħabba t-tibdil tal-klima (climate change).
Tgħiduli: “Dan x’għandu x’jaqsam?” Għandu x’jaqsam għaliex jekk intom m’intomx se titilgħu u tbiddlu mentalità u tiżviluppaw mentalità li tikkontribwixxu biex tippruvaw tirranġaw dak li kissirna u li għamilna ħażin aħna, il-futur sfortunatament ma tantx hu sabiħ.
Tgħiduli: “Xi rridu nagħmlu?” Ħafna minnkom tafu u tisimgħu li waħda mill-akbar raġunijiet għat-tibdil tal-klima kien li dejjem ħraqna ż-żejt, ħraqna l-fjuwil, ħraqna l-faħam u ma tajniex kas x’qed nitfgħu fis-sema, fl-atmosfera.
Illum dak kollu ġej lura bl-effetti tiegħu fuqna u dan hu xi ħaġa illi jaffettwa d-dinja kollha. Għadna kemm rajna, hemmhekk naħseb rajtuh, dak il-granċ li wrewna. Għaliex granċ bħal dak jidħol fil-Mediterran? Għax it-temperatura tbiddlet. U tbiddlet minħabba t-tibdil fil-klima. Dawn huma affarijiet ċari li tifhmuhom u tifhmu x’inhuma, l-ewwel nett, ir-responsabbiltà ta’ min kisser, ta’ min farrak dawn is-sistemi, u l-obbligi tagħkom, li ħa tkunu ċ-ċittadini t’għada, li tagħmlu minn kollox biex dan treġġgħuh lura. U treġġgħuh lura b’sistemi – illum il-ġurnata, għall-grazzja t’Alla, ix-xjenza kibret, l-informazzjoni hija disponibbli ħafna, u min jaqbad dik il-linja, jistudja x-xjenza naturali u s-sciences u l-fiżika, għandu qasam enormi fejn jaħdem għada pitgħada, ovvjament flimkien ma’ networks sħaħ madwar id-dinja, ħalli dan kollu nreġġgħuh lura. Biex nerġgħu nġibu lura d-diossidu tal-karbonju, pereżempju, minn ġol-atmosfera. Mhux biss ma nitfgħux aktar, imma naraw kif inġibu lura dak li tfajna diġà.
Ħafna minnkom, bla dubju ta’ xejn, smajtu u xbajtu tisimgħu fuq enerġija alternattiva. Tgħiduli: “Dan l-għaġeb kollu għaliex?” Għax bħalma għedtilkom, għamilna sekli sħaħ naħarqu l-faħam, naħarqu ż-żejt u nniġġsu l-atmosfera li llum qed ikollha l-effett li ssaħħan id-dinja. U naħseb ħafna minnkom smajtu l-famużi laqgħat COP21/22/28 li huma l-laqgħat tal-pajjiżi biex jaraw x’se jagħmlu ħalli jwaqqfu dan it-tniġġis u jreġġgħu lura s-sitwazzjoni għal li kienet.
Tgħiduli: “Dan x’għandu x’jaqsam ma’ tal-lum li qegħdin naraw?” Iva, llum qegħdin taraw, qed iġibukom f’kuntatt, u hawnhekk nirringrazzja l-organizzaturi kollha, lill-Professur Deidun, il-Heritage Malta, il-Mużew, lil kulħadd, li jġibukom f’kuntatt ma’ din ir-realtà illi ladarba tqajmilkom l-interess, jiena nawgura li tkomplu tfittxu u tkomplu tistudjaw.
Ħafna minnkom qegħdin fl-istadju li ħa tagħżlu l-karrieri tagħkom. U veru illi jrid ikollna t-tobba, irid ikollna l-periti, irid ikollna l-ħassieba, imma importanti ħafna li jkollna x-xjenzati. Illum il-ġurnata, bħalma tafu, anki hemm kampanji kbar anki fin-naħa tal-qasam femminili, fil-bniet, biex jaqbdu dawk li jgħidulhom STEM subjects, fejn qed tieħu x-xjenzi. Għaliex veru li tajjeb illi nistudjaw il-letteratura u nistudjaw il-lingwi u nistudjaw matematika, imma x-xjenzi huma importanti għaliex wara kollox is-soluzzjonijiet għall-problemi li għandna, qegħdin fl-istudju tax-xjenzi.
U intom, bħalma tafu, illum il-ġurnata għalikom li tara robot bħal dak mhu xejn. Intom trabbejtu magħhom dawn. Intom trabbejtu bit-tablet f’idejkom, trabbejtu bil-mobile, trabbejtu bl-immersive technology. Dawn affarijiet illi għalija, biex ma ngħidx għal ta’ qabli, kienu jgħidu: “Dawn mirakli. Ma jistax ikun nara dak ikellmek jew inkella jifhem x’inti tgħidlu!” Imma dan għalikom huwa xi ħaġa illi trabbejtu bihom. U r-rata li biha ħa tkompli tiżviluppa x-xjenza, hija enormi.
Tgħiduli: “Aħna pajjiż żgħir”. Aħna matul is-snin ukoll mill-ftit li kellna kkontribwejna u konna magħrufin għal ċertu ideat li tfajna, li varajna fil-qasam tax-xjenza.
U għalhekk qed nagħmel dan l-appell. Qed nagħmlu għal studenti illi, kif qegħdin ngħidu, għada pitgħada, tagħżlu l-linja tagħkom. Min għandu d-dubji dwar x’karriera se jieħu, jiena nagħtikom il-parir li titkellmu mal-guidance teachers tagħkom ħalli taraw x’tistgħu tagħmlu. Però nista’ ngħidilkom waħda biss: hemm barra hemm qasam tax-xjenza sabiħ li qed jistenna lil min jaħdem fih ħalli jsib u jġib ir-riżultati. U jiena ma nistax nimmaġina aħjar milli individwu, minn student li jaqbad linja li jara li fiha hemm qasam fejn jaħdem u li qed ikollu anki fejn jimraħ u jesperimenta biex jagħmel riżultati għal pajjiżu.
Li nista’ ngħidilkom, l-aħħar punt, huwa dan: il-professjonijiet kollha jikkontribwixxu, kollha jagħtu s-sehem tagħhom għas-soċjetà, anki min jistudja l-arti, min jistudja l-lingwi, kollha. Però, fil-preżent, min isegwi jara illi l-akbar aċċent qiegħed fuq ix-xjenzati illi għandna bżonn ammont bla tarf fihom ħalli jkunu jistgħu jħabbtu moħħhom flimkien ħalli jsibu s-soluzzjonijiet għall-problemi li għandha d-dinja tagħna tal-lum.
Jiena niddejjaq nitkellem b’mod negattiv ma’ żgħażagħ bħalkom, illi għalikom il-ħajja għada… però rrid indaħħlilkom f’raskom ir-responsabbiltà illi f’erbat ijiem oħra tkunu kbirtu. Din ħa tgħaddi malajr u la tixjieħu tgħidu: “Dak kellu raġun li kien qed jgħid”. “Qisu lbieraħ”, tgħidu, “meta konna tfal l-iskola. Qisu lbieraħ”. Però minn hawn tridu tagħżlu x’se tagħmlu b’ħajjitkom. U jiena nemmen, u qed nitkellem issa anki bħala l-President ta’ dan il-pajjiż li tant inħobbu, illi għandu jkollna min jiddedika ruħu biex jgħin ħalli ma nħallux id-dinja tmur mill-ħażin għall-agħar.
Nirringrazzjakom.