Fl-aħħar snin il-Malti beda jkun imfittex minn ħafna barranin li ġew jgħixu fuq gżejrietna. Qatt daqs dan l-aħħar deċennju ma kien hemm daqstant studenti barranin li jixtiequ jitgħallmu l-Malti, u għalhekk ma nistgħux ma nippruvawx nifhmu min huma dawn in-nies, għaliex qegħdin jitgħallmu lsienna u, fuq kollox, kif nistgħu ngħinuhom jibdew u jkomplu jistudjaw lingwa bħal tagħna.
L-immigrazzjoni lejn Malta żdiedet, partikolarment mindu pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea. Minkejja li ħafna minn dawn l-immigranti jkunu ilhom bosta snin hawnhekk, spiss jibqgħu jħossuhom barranin f’pajjiżna għax ma jkunux integraw fostna minkejja l-kurżità li jkollhom dwar Malta u l-kultura tagħha. Malajr jirrealizzaw illi l-kawża ta’ din l-iskumdità hija marbuta mal-fatt li jkunu għadhom ma bdewx jitgħallmu l-lingwa Maltija kif jixraq.
Fost ir-raġunijiet ewlenin għaliex jitgħallmu lsienna hemm dawk relatati mal-familja. Diversi barranin qegħdin f’relazzjoni ma’ ċittadini Maltin jew għandhom qraba ta’ nazzjonalità Maltija u ma jkunux jixtiequ jibqgħu maqtugħin mid-diskussjonijiet ta’ bejniethom. Bħal kelliema ta’ ilsna oħra, il-Maltin jużaw il-Malti biex jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom f’mumenti differenti. Għaldaqstant, il-ħila li l-barranin jifhmu l-Malti tgħinhom jipparteċipaw bla xkiel f’dawn il-waqtiet mill-ħajja ta’ kuljum. Jiġri wkoll li jekk uliedhom ikunu tgħallmu l-Malti tajjeb, ta’ ġenituri li huma jħossuhom inqas komdi meta wliedhom jużaw lingwa li ma jistgħux jifhmu fil-preżenza tagħhom.
Ix-xogħol u l-karriera huma raġunijiet oħrajn li spiss iwasslu lill-barranin biex jitgħallmu l-Malti għax, għal xi wħud, kwalifika fil-Malti tista’ tissarraf f’pożizzjoni u paga aħjar fil-kumpanija jew fl-aġenzija impjegati fiha. Mill-banda l-oħra, li l-ħaddiema ma jkunux jafu jitkellmu bil-Malti hija kwistjoni li toħloq nuqqas ta’ komunikazzjoni diretta bejn il-kollegi u l-klijenti, il-pazjenti u x-xerrejja.
Hemm numru ta’ barranin li jiddeċiedu jitgħallmu l-Malti għall-fini ta’ poliglottiżmu, inkluż f’pajjiżi uffiċjalment monolingwi. Fi kliem ieħor, dawn ikunu interessati jitgħallmu ħafna lingwi tad-dinja għaliex iqisuhom eżotiċi jew speċjali, u jagħżlu l-Malti bħala t-tielet jew ir-raba’ lingwa tagħhom. Hemm iżjed raġunijiet li jwassluhom jitgħallmu aktar lingwi, bħall-interess f’kulturi differenti minn tagħhom, ir-riċerka lingwistika, u bħala inċentiv biex jibqgħu attivi mentalment. Ta’ min isemmi li sa ftit ġenerazzjonijiet ilu, il-biċċa l-kbira tal-Maltin kienu jafu jitkellmu tliet lingwi, jekk mhux iżjed, sa minn età żgħira, u kienu jitgħallmuhom mid-dar, mill-iskola sekondarja, mit-televiżjoni, fl-università, jew mix-xogħol barra minn xtutna.
Il-barranin jitgħallmu l-Malti wkoll għax hu aċċessibbli permezz ta’ kliem li jixxiebah ma’ wħud mill-aktar lingwi mitkellmin fid-dinja. Fl-istess waqt jafu li l-Malti jista’ jservihom bħala tarġa għal lingwi Semitiċi, bħall-Għarbi, l-Ebrajk u l-Aramajk, li jużaw strutturi li ma jeżistux f’lingwi tal-Ewropa kontinentali. Is-sabiħ tal-Malti huwa li meta tkun taf titkellmu, jgħinek titgħallem ilsna bħaċ-Ċiniż, il-Ġappuniż u l-Korean għaliex dawn fihom ċerti strutturi, bħat-topikalizzazzjoni u l-forom tal-verbi, li l-kelliema tal-Malti midħla tagħhom.
Illum il-ġurnata jeżistu aktar riżorsi stampati u diġitali, bħal kotba, dizzjunarji u korsijiet wiċċ imb wiċċ jew online, li jistgħu jgħinu lill-barranin jitgħallmu l-Malti. Għad hemm ħafna xi jsir b’mod partikolari fejn jidħlu r-riċerka, ir-riżorsi grammatikali, u l-materjal organizzat f’livelli aktar gradati sabiex ngħinu aħjar l-istudenti barranin.
Meta lill-barranin inħeġġuhom jitgħallmu u jitkellmu bil-Malti nkunu qegħdin ngħinu lilna nfusna u nħarsu l-uniċità tagħna. Għalhekk, l-ikbar sforz b’risq il-kontinwità tal-Malti għandu jiġu, qabelxejn, mill-Maltin stess.
Ayrton-Didier Brincat huwa lingwista u għalliem tal-Malti għall-barranin. Dan l-artiklu hu parti mill-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti.
Id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta joffri 5 korsijiet online f’livelli differenti għal min jixtieq jitgħallem il-Malti bħala lsien barrani. Tista’ taqra aktar dwarhom minn hawn: www.um.edu.mt/arts/malti/korsijiet/malteseforeign