George Vella

Il-President George Vella huwa grat għall-ħidma tal-Ambaxxaturi u l-Kummissarji Għolja ta’ Malta u ddeskriva l-ħidma tagħhom bħala vokazzjoni

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella appella lill-Ambaxxaturi u l-Kummissarji Għolja ta’ Malta biex iżommu l-valuri u l-prinċipji fuq quddiem nett tal-ħidma tagħhom u matul it-teħid ta’ deċiżjonijiet li jkollhom jieħdu. “L-interessi tal-pajjiż jiġu l-ewwel u qabel kollox,” qal il-President Vella f’laqgħa mal-Ambaxxaturi u l-Kummissarji Għolja fil-Palazz tal-Verdala.

Il-President ħeġġiġhom biex jużaw il-kariga u l-kwalitajiet tagħhom biex, kif jippermettu ċ-ċirkostanzi, jiġġieldu l-inġustizzji globali u l-abbużi, u jkunu leħen għal min l-inqas li għandu setgħa. “Leħinna jaf huwa żgħir, iżda meta kien hemm bżonn jasal wassalnieh, u rajna riżultati,” żied jgħid il-President.

B’referenza għal dak li għaddej fl-Ukrajna u f’Gaża, il-President qal li fil-kuntest imqalleb tal-lum, hemm bżonn iktar minn qatt qabel li nitkellmu kontra l-aggressjoni u l-vjolenza fuq in-nies ċivili, ir-ritaljazzjoni bla proporzjon, u atti li jkissru u jxejnu l-liġijiet internazzjonali, inklużi dawk umanitarji. Il-President qal li rridu nsostnu li atti terroristiċi, ġejjin minn fejn ġejjin, huma dejjem kundannabbli bla ebda riżerva.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella radd ħajr lill-Ambaxxaturi u lill-Kummissarji Għolja għall-ħidma imprezzabbli li qed jagħmlu għall-ġid lejn Malta u għall-imħabba lejn pajjiżna. Il-President irrimarka li dan huwa mument distint u delikat ħafna fl-istorja diplomatika ta’ pajjiżna hekk kif qegħdin fit-tmun ta’ tnejn mill-ikbar istituzzjonijiet internazzjonali – in-Nazzjonijiet Magħquda u l-OSCE. “Il-poplu Malti u Għawdxi għandu jkun grat lejkom għad-dedikazzjoni, il-professjonalità u anki s-sens ta’ sagrifiċċju li tagħmlu biex iżżommu isem Malta fl-ogħla livelli ta’ stima u rispett. Ħafna drabi xogħolkom ma jagħtix riżultati ta’ malajr, iżda ġieli jgħaddu s-snin biex jidher ir-riżultat. Kważi kważi, iktar minn karriera, din tagħkom hija vokazzjoni,” stqarr il-President.

Hekk kif it-terminu tiegħu wasal biex jintemm, il-President Vella sellem għall-aħħar darba lill-Ambaxxaturi bħala l-President tar-Repubblika.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg irrimarka kif din is-sena hija waħda ta’ importanza kbira għal Malta mil-lenti ta’ diplomazija u politika barranija hekk kif pajjiżna ngħata l-fiduċja li jmexxi l-OSCE għal din is-sena. Barra minn hekk, din is-sena jkompli t-terminu tas-siġġu mhux permanenti fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. “Huwa minnu li dawn l-impenji jagħtu lil pajjiżna rwol akbar fix-xena internazzjonali, però x-xogħol tal-Ministeru ma bediex u ma jispiċċax mat-terminu tagħna f’dawn l-organizzazzjonijiet importanti, iżda jeħtieġ li nkomplu nintensifikaw il-ħidma sabiex inħallu legat u nibqgħu relevanti,” stqarr il-Ministru Borg. Il-Ministru esprima l-kunfidenza tiegħu fix-xogħol li qed isir anki mill-Ambaxxaturi fejn sostna li dawn huma l-mutur sabiex jixprunaw din il-ħidma u joħolqu inizjattivi ġodda biex ikomplu jinżammu r-relazzjonijiet ħajjin.

Ritratti: OPR

Skip to content