Mistednin Distinti,
Sa mill-ewwel ġimgħat minn meta dħalt għall-ewwel darba fir-residenza uffiċjali tal-Presidenza, ħassejt il-ħtieġa li ġrajjiet dan il-Palazz ikunu ferm aktar magħrufa, studjati u kkommemorati. Fassalna pjan ta’ ħidma biex fuq medda ta’ sena xprunajna riċerka fil-fond dwar l-oriġini tal-Palazz ta’ Sant’Anton u l-mod kif l-istorja u l-milja taż-żmien biddluh u għaddewh lilna fil-forma u l-istat li ngawduh illum.
Jiddispjaċini ngħid li apparti l-inventarju li jelenka l-għamara, il-pitturi, fided, u artikli oħra, kważi ma sibna xejn dwar l-istorja tal-Palazz bħala stationery jew dokumenti, jew dettalji ta’ dak li kien jiġri fil-Palazz matul is-snin.
Konxji tal-fatt li l-Palazz ta’ Sant’Anton hu wieħed minn tliet palazzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ogħla Uffiċċju tal-istat u li lkoll jaqdu funzjoni statali importanti, b’kollaborazzjoni ma’ TVM, xprunajna sensiela ta’ programmi qosra u edukattivi fuq medda ta’ tliet snin, b’kull sena dedikata lil palazz partikolari. Din is-sensiela, li tiġbor ftit anqas minn numru sabiħ ta’ 120 programm, ser tibqa’ riżors importanti għal dawk kollha li jfittxu aktar għarfien dwar it-tliet Palazzi tal-Uffiċċju tal-President.
Ftit tal-ġranet ilu, kelli l-okkażjoni li ninawgura x-xogħol estensiv ta’ restawr li sar fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, dak l-istess Palazz li nsejħulu l-Palazz tal-Gran Mastru minkejja li llum jaqdi l-funzjoni u l-ħtiġijiet tal-ogħla Uffiċċju tal-istat – dik tas-sede uffiċjali tal-President tar-Repubblika.
Jibqa’ l-fatt li dan il-ġojjell ta’ arkitettura u arti huwa wirt l-Ordni ta’ San Ġwann, u l-Gran Mastri ta’ dan l-Ordni li għal snin twal għamlu Malta darhom.
L-għarfien aktar fond tal-istorja, ta’ min aħna, u ta’ dak kollu li wasal għandna mill-ibgħad żminijiet, kien xprun importanti għal aktar riċerka tul il-Presidenza tiegħi. Iżda lil hinn mill-għarfien tal-istorja, il-ħidma ffokat ukoll fuq it-tifsira ta’ dan il-wirt kulturali, il-funzjoni tiegħu u t-tifsira jew sinifikat li nistgħu nisiltu minnu llum u l-apprezzament li kien jixraqlu jingħata.
Sant’Anton, flimkien mal-Palazzi Presidenzjali l-oħra, hu legat tal-Gran Mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Bla dubju ta’ xejn, il-Gran Mastru De Paule kien dak li kabbar u xettel dan il-Palazz bl-imsaġar tal-madwar, fejn ġenerazzjonijiet ta’ siġar li għadhom sal-lum iroddu l-larinġ u ċ-ċitru li kienu ta’ spiss rigal mogħti lil dinjitarji u renjanti. Ħassejt maż-żmien li l-Palazz ħtieġlu wkoll ikollu daħla dinjituża li torbot l-istorja tiegħu mal-preżent, u l-funzjoni li l-Palazz ta’ Sant’Anton qiegħed jaqdi bħala wieħed minn tliet Palazzi Presidenzjali.
Dan kien il-punt tat-tluq tal-proġett li qegħdin ninawguraw illum, lejliet tmiem il-Presidenza tiegħi. Hekk kif qed niċċelebraw l-oriġini tal-Palazz fil-figura tal-Gran Mastru Antoine De Paule u ħidmietu, qegħdin inroddu lil dan il-Palazz daħla dinjituża li tixhed l-istorja twila tiegħu li għadha tiġġedded sal-lum.
Kull president maħtur mill-1974, wiret, f’isem il-poplu Malti, dan il-wirt kulturali li għaraf ixettel dan il-Gran Mastru. Mil-lum, l-istorja ta’ dan il-Palazz ta’ Sant’Anton u l-identità tiegħu hekk kif imsawra mill-Gran Mastru Antoine De Paule, ser tibda tilqa’ lil dawk kollha li jgħaddu minn din id-daħla. Ser tibda tilqa’ lill-mistednin u d-dinjitarji, il-Maltin u l-barranin kollha li se jkun jeħtiġilhom iżuru dan il-Palazz.
Ilkoll ser jirfsu t-tarġa tal-istorja fil-preżent hekk kif jidħlu fir-residenza uffiċjali tal-Presidenza tar-Repubblika ta’ Malta. U ma’ kull pass, jerġgħu jġeddu l-pedament tal-istorja li fuqu jistrieħ il-preżent u li ser jibqa’ jixpruna l-futur.
Qabel nagħlaq, nixtieq nirringrazzja lill-membri tal-Bord tal-Għażla li għenuni nagħżel lill-iskultur Austin Camilleri, u d-disinn tal-Perit Andrew Sultana għat-twettiq ta’ dan il-proġett.
Dawn kienu l-mibki Fr Marius Zerafa, il-Perit Richard England u l-Perit Konrad Thake, u Dr Sandro Debono.
Ringrazzjament mistħoqq imur għall-ħaddiema kollha tal-Uffiċċju tiegħi, u l-ħaddiema ta’ Sant’Anton.
Prosit trid tingħata lill-kumpanija Hallmann, li ħadet ħsieb il-bini tal-proġett, u lill-ħaddiema kollha tagħhom li wettqu x-xogħol.
Heritage Malta u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali tal-kooperazzjoni tagħhom, speċjalment il-Perit David Zahra u ċ-Chairman is-Sur Mario Cutajar.
Ħajr partikolari lill-Poeta Lawreat Maria Grech Ganado li nisġet il-kliem li hemm minquxa fil-funtana.
Fl-aħħar nett, grazzi lil dawk kollha li b’xi mod kellhom parti biex proġett bħal dan jitwettaq.
Nispera li x-xogħol li sar jiġi apprezzat u ammirat minn kull min ikollu bżonn iżur dan il-Palazz.