George Vella

Diskors mill-President ta’ Malta George Vella fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika, 13 ta’ Diċembru 2023.

Onorevoli Prim Ministru

Onorevoli Speaker

Onorevoli Ministri

Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni

Kollegi Presidenti Emeriti

Eċċellenzi

Mistednin Distinti

Dan huwa l-ħames diskors tiegħi fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ta’ meta pajjiżna sar Repubblika fl-1974. Jaħbat ukoll l-aħħar diskors tiegħi f’din l-okkażjoni. Il-Presidenza tiegħi tispiċċa f’April tas-sena d-dieħla.

Kif saret id-drawwa, diskorsi f’din l-okkażjoni dejjem taw titwila ġenerali fuq l-istat ta’ pajjiżna, fuq dak li jkun għaddej fostna, fuq dak li qiegħed jinkwetana, u fuq kollox dejjem kellu kliem ta’ inkoraġġiment għall-futur ta’ pajjiżna. Kif mistenni, kliem ta’ kritika fejn kienet meħtieġa ma naqsux.

Mill-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika, l-affarijiet jidhru xi ftit differenti minn kif forsi jarawhom in-nies fit-triq, jew kif jarawhom il-politiċi meta qegħdin iwettqu l-ħidma partiġġjana tagħhom.

Dan l-għarfien, sfortunatament, ħadd ma jista’ jkollu qabel jidħol fl-Uffiċċju tal-President, u allura wieħed jifhem għaliex bejn dak li wieħed ikun xtaq, u forsi anke wiegħed li se jwettaq, fil-bidu tal-Presidenza, mal-mogħdija taż-żmien jinstab li mhux daqshekk faċli li jitwettaq.

Mhux dan biss. Hemm ukoll l-iżviluppi li jseħħu matul dak iż-żmien, li ħadd ma jkun qiegħed jipprevedi; kemm żviluppi politiċi kif ukoll dawk ta’ natura oħra bħalma kienet il-pandemija tal-COVID-19. Minn dawn kellna qatigħ. Kienu żviluppi li xorbulna ħafna mill-ħin tagħna, ħafna mill-attenzjoni tagħna, u ħafna mill-enerġija tagħna. Żviluppi li kien jixirqilhom l-attenzjoni kollha, għaliex kellhom impatt politiku u soċjali mhux żgħir u kienu jitolbu li jiġu riżolti b’mod jew ieħor, u mingħajr tkaxkir tas-saqajn.

L-akbar theddida kienet l-epidemija tal-COVID-19. Illum bilkemm ma ngħidx li kważi nsejnieha, imma kulħadd jiftakar il-biża’ li ħakimna meta bdew iseħħu l-ewwel każijiet, u sibna ruħna nħarsu lejn futur li ma kienx qiegħed jindika ħlief dlam u inċertezza.

Il-mod kif irnexxielna bħala pajjiż norganizzaw ruħna, u nikkooperaw ma’, u nobdu lill-awtoritajiet, kien ta’ min ifaħħru, kif fil-fatt għamlu ħafna awtoritajiet barranin. Kien eżempju ċar li meta rridu ningħaqdu, kapaċi nsibu l-forza li nagħmlu dak li huwa fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.

Kien eżempju ċar li kapaċitajiet għandna, nies kompetenti u kapaċi għandna, u li l-qalb kbira tal-Maltin tispikka meta hemm bżonn nieħdu ħsieb xulxin, bħalma wrewna n-nurses u l-carers, li flimkien ma’ numru kbir ta’ ħaddiema oħra f’oqsma differenti għamlu aktar milli kien mistenni minnhom biex jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna, li l-familjari tagħhom ma kinux imħollija jkunu qrib tagħhom minħabba r-regolamenti li kienu ddaħħlu.

Qiegħed ngħid dan kollu għaliex, sfortunatament, min mhux midħla tas-soċjetà Maltija u jinforma ruħu biss minn dak li jiġi ppubblikat fuq ċertu media, jieħu l-impressjoni totalment opposta, u jaħseb li f’pajjiżna ma fadal xejn tajjeb; ma fadalx nies integri, ma fadalx nies kompetenti, u ħadd ma huwa affidabbli.

Dan qiegħed ngħidu mhux biex nidħol jew noħloq xi kontroversja, imma għaliex kulħadd jaf li l-verità hija oħra, u fuq kollox għaliex bħala Kap tal-Istat Malti nweġġa’ meta nara lil pajjiżna jiġi mżeblaħ b’dan il-mod speċjalment quddiem il-barranin.

Dażgur li mhux kulħadd bir-raġġiera. Dażgur li għandna ħafna x’nirranġaw ġewwa pajjiżna. Dażgur ukoll li hemm ħafna kontijiet li jridu jiġu magħluqa u mħallsa. Għalhekk għandna l-istrutturi regolatorji. Għalhekk għandna l-Qrati. Għalhekk għandna l-Ombudsman. Għalhekk għandna l-Awditur Ġenerali u l-pulizija. Dawn huma l-għodda li għandu pajjiż demokratiku biex kemm jista’ jkun iżomm il-ħarsien tal-liġi u jħares l-istat tad-dritt.

Meta tkellimt dwar l-għaqda nazzjonali, kien hemm min kien kritiku ħafna. Żgur ma rrifletta xejn tajjeb fuq pajjiżna, kemm politikament kif ukoll amministrattivament, li biex instab qbil dwar min jokkupa r-rwol kostituzzjonali ta’ Ombudsman, kellna nistennew kważi sena u nofs.

Nies kapaċi jimlew postijiet għolja f’pajjiżna għandna. Ejja nneħħu l-piki u l-irjus iebsa, u mill-ħafna eliġibbli, bl-ogħla interess ta’ pajjiżna quddiem għajnejna, nagħżlu min l-aktar naħsbu li kapaċi jagħmel ġieħ lil dik il-ħatra.

Qiegħed ngħid dan meta qegħdin biss tliet xhur u nofs mill-ħatra ta’ President tar-Repubblika li jmiss.

Qiegħed ngħidu wkoll frott id-diqa tiegħi li wara xogħol kbir li sar fil-ġbir u l-analiżi tas-suġġerimenti mill-pubbliku inġenerali u minn korpi kostitwiti, dwar tibdil mixtieq fil-Kostituzzjoni, inżammejt milli nkompli l-proċess biex tissejjaħ Konvenzjoni, għaliex minkejja l-attentati tiegħi kollha, ma kienx hemm rieda li jinstab qbil dwar dik il-persuna li kellha tmexxi din il-Konvenzjoni.

Kien sabiħ iż-żmien meta, minkejja n-nuqqas ta’ qbil, u diskussjonijiet infurmati fit-tul, għall-anqas wasalna biex għamilna tibdil kostituzzjonali importanti fejn jidħlu ħatriet ta’ Ġudikatura, separazzjoni ta’ poteri fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ħatriet tal-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll il-ħatra tal-President tar-Repubblika nnifsu, fost tibdil amministrattiv ieħor.

Il-President tar-Repubblika waħdu ma jagħmel xejn. Bħal kull funzjonarju għoli ieħor, jiddependi mill-kooperazzjoni ta’ ħafna entitajiet oħra. Il-poteri tiegħu huma limitati, imma sfortunatament, anke min suppost jaf aħjar, għal raġunijiet tiegħu, jistenna mingħand il-President azzjonijiet jew deċiżjonijiet li strettament ma jaqgħux taħt il-kompetenza tiegħu.

F’demokrazija ħajja, kulħadd għandu jkun suġġett għall-iskrutinju pubbliku, li jinkludi l-kritika. Imma l-kritika m’għandhiex tkun żebliħ tal-persuna jew twaqqigħ għaż-żufjett. Lanqas għandha tkun allegazzjonijiet mitfugħin bl-addoċċ, jew spekulazzjoni li sakemm ma tkunx libelluża, tibqa’ għaddejja. Tkun agħar meta din il-kritika distruttiva tkun immirata lejn min, minħabba n-natura tal-Uffiċċju tiegħu, huwa marbut li jżomm is-silenzju u ma jingaġġax f’polemiċi pubbliċi.

Hawnhekk irrid inħeġġeġ li nedukaw kemm nistgħu dwar l-użu tajjeb tal-media soċjali li għandna aċċess għaliha, u t-tagħlim li hemm bżonn biex inkunu kapaċi nagħrfu aħbarijiet foloz minn dawk veri. Għandna biżżejjed inkwiet madwarna biex ngħabbu rasna, milli noqogħdu ninħlew fuq qlajjiet u aħbarijiet foloz.

Dan huwa aspett importanti mill-edukazzjoni li rridu nagħtu lill-ġenerazzjonijiet li telgħin; ġenerazzjonijiet li diġà jgħixu fid-dinja diġitali; ġenerazzjonijiet li se jkollhom iħabbtu wiċċhom mad-dinja tal-intelliġenza artifiċjali; ġenerazzjonijiet li se jkun jeħtiġilhom jitgħallmu jħaddmuha u jieħdu l-benefiċċji tagħha, aktar milli jħossuhom megħluba minnha u jsiru skjavi tagħha.

Bħalma ġara fi żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi fil-passat, fejn kien hemm il-biża’ li dawn kienu se jkunu ta’ theddida għall-umanità, bil-għaqal u bil-preparazzjoni neċessarja, dawk li kienu mpinġija bħala theddidiet, inbidlu f’opportunitajiet u llum saru parti mill-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum tagħna.

Hawnhekk inħeġġeġ liż-żgħażagħ tagħna biex jimirħu fl-istudji tagħhom, u ma jħallu xejn ixekkilhom li jilħqu l-ħolm ta’ ħajjithom. Aħna poplu intelliġenti. Aħna poplu ħawtiel u kapaċi. Fejn ngħaddsu rasna naslu. Eżempji ta’ Maltin li għamlu isem madwar id-dinja għandna ħafna. Anke jekk forsi ċ-ċokon ta’ pajjiżna hemm min iħossu bħala xkiel u jiddeċiedi li jimraħ barra minn pajjiżna. Dan ukoll huwa pożittiv għaliex ikun qiegħed iġorr isem pajjiżna miegħu. Wieħed jittama biss li meta niġu fil-bżonn, insibu l-għajnuna ta’ dawn ħutna li jkunu akkwistaw esperjenzi kbar barra minn pajjiżna.

L-edukazzjoni hija l-aqwa investiment li qatt nistgħu nagħmlu fil-ġenerazzjonijiet li telgħin.

Id-dinja li deħlin fiha diġà hija dinja li se toffri ċertu sfidi u ċertu perikli li allaħares ma nkunux ippreparati għalihom. L-akbar sfida hija dik ambjentali, u l-effetti negattivi li se niffaċċjaw minħabba t-taqlib tal-klima kawża tal-ħsarat li għamilna lill-atmosfera ta’ madwarna, matul iż-żmien, bil-ħidma industrijali tagħna.

Din mhix sfida żgħira, imma sfida eżistenzjali. Diġà qegħdin naraw l-effetti tagħha, u rridu nagħmlu l-almu kollu tagħna jekk ma rridux li fi żmien ftit għexieren ta’ snin nibdew inġorru l-konsegwenzi ta’ għemilna. Din mhix ħsara li tirriżolvi ruħha b’dak li jagħmel jew ma jagħmilx pajjiż wieħed, kbir kemm hu kbir. Il-ħidma tal-bniedem niġġset l-atmosfera, u kull pajjiż madwar il-globu, kbir jew żgħir, se jbati l-konsegwenzi. Aħna wkoll irridu nerfgħu r-responsabbiltà tagħna, minkejja li aħna żgħar, u mal-bqija tal-pajjiżi tad-dinja nippruvaw indawru r-rotta.

Fil-kuntest globali, biċ-ċokon tagħna, aħna ftit li xejn niġġisna l-atmosfera, imma jekk nistgħu nnaqqsu dak il-ftit, nagħmlu tajjeb. F’din il-linja, importanti ħafna li nżidu kemm nistgħu l-ħolqien tal-enerġija minn sorsi hekk imsejħa rinnovabbli, bħax-xemx u r-riħ. Hija ħasra li pajjiżna huwa daqshekk żgħir u t-territorju li nistgħu nużaw huwa limitat ħafna. Kienet għalhekk għaqlija d-deċiżjoni li nagħmlu użu mill-wesgħat ħafna aktar kbar li pajjiżna għandu dritt fuqhom bil-liġi internazzjonali hekk imsejħa tal-Baħar, li tagħtina aċċess għall-firxa ħafna akbar fil-baħar ta’ madwarna magħrufa bħala ż-żona ekonomika esklussiva fejn nistgħu ninstallaw irdieden tar-riħ, jew meded ta’ pannelli fotovoltajċi, li jagħtuna l-elettriku bħala enerġija.

Dan huwa biss wieħed mill-aspetti ta’ dak li nistgħu nagħmlu biex insalvaw il-pjaneta. Kull ċenteżmu investit f’dawn il-miżuri huwa ċenteżmu investit fil-futur ta’ wliedna, u wlied uliedna.

Dan mill-ġdid jeħodni għall-bżonn ta’ edukazzjoni, din id-darba fil-qasam ambjentali, għalkemm fi sfond ta’ edukazzjoni aktar wiesgħa li tkopri l-oqsma kollha tal-ħajja, kemm mil-lat fiżiku, kif ukoll dak morali.

Rigward dan l-aspett tal-aħħar, ma rridx ninftiehem morali fis-sens dejjaq ta’ xi reliġjon partikolari, imma regoli wiesgħa ta’ etika, ta’ Ċiviltà, u ta’ sens qawwi ċiviku. Regoli ta’ awtodixxiplina, u ta’ sens qawwi ta’ għarfien ta’ dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin. Regoli li jnisslu fl-individwu sens ta’ dover u, aktar minn hekk, sens ta’ rispett u tolleranza għal min għandu opinjonijiet differenti minn tagħna. Għandi f’moħħi edukazzjoni li mhux biss tagħti lill-individwu l-għarfien fil-lingwi, ix-xjenzi, il-filosofija u l-letteratura, imma fuq kollox li tgħinu jfassal direzzjoni ta’ ħajtu, filwaqt li jħaddan valuri u prinċipji li jiggwidaw lil dak li jkun matul ħajtu u waqt l-agħar maltempati li jista’ jiltaqa’ magħhom.

Dan it-tip ta’ edukazzjoni minn dejjem kien l-ideali, imma fid-dinja tal-lum, dawn il valuri, din il-boxxla għall-ħajja, saret ħafna aktar bżonjuża minħabba l-perikli, id-diffikultajiet u l-isfidi kbar li jiffaċċjaw ta’ kuljum iż-żgħażagħ tagħna.

X’jiswielna niċċelebraw l-istatus ta’ Repubblika ta’ pajjiżna, u niftaħru li issa ħadna rajna f’idejna, jekk ma jkollniex nies b’għaqal u dehen biżżejjed biex imexxu lil dan il-pajjiż fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi?

Fuq kollox nies li l-integrità tagħhom ma tkunx mittiefsa.

Il-korruzzjoni, kemm dik ippruvata, kif ukoll dik allegata, therri s-sinsla tad-demokrazija, u tgerrex lil min ikun jixtieq jipparteċipa fil-ħajja politika u pubblika.

Jien nieħu gost nara ħafna żgħażagħ fil-ħajja politika, imma ninstab ċert li qegħdin ingerrxu ħafna aktar talent minħabba l-mod partiġġjan estrem li bih immexxu l-politika tagħna. Issa li ngħata d-dritt tal-vot fl-età ta’ 16-il sena, inħoss li wasal iż-żmien li nibdew ngħallmu x’inhi u xi tfisser il-politika; mhux il-politika partiġġjana li nisimgħu fuqha kuljum, imma l-politika bħala arti u bħala xjenza, mgħallma bħala suġġett ma’ suġġetti oħra li jgħinu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.

Nemmen li jkun investiment għall-futur. Inkunu qegħdin ninvestu f’rappreżentanti tal-poplu, u amministraturi pubbliċi li jħarsu l-aħjar interessi ta’ pajjiżna, kemm lokalment kif ukoll meta jirrappreżentawna f’fora internazzjonali barra minn pajjiżna.

Minkejja t-tlellix kollu tal-ħajja, iż-żgħażagħ tagħna għandhom numru mhux żgħir ta’ problemi soċjali li jridu jiffaċċjaw huma u għaddejjin fil-ħajja ta’ kuljum. Insemmu l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-proprjetà, li għal ħafna miż-żgħażagħ tagħna jfisser snin u snin twal ta’ ħlasijiet ta’ interessi u kapital.

Għandna wkoll, sfortunatament, aktar instabbiltà fir-relazzjonijiet bejn il-koppji. Dan kollu qiegħed iġib konsegwenzi soċjali, legali u fuq is-saħħa mentali li każijiet sfortunati bħal dawn iġibu magħhom. Ma ninsiex insemmi b’enfasi partikolari l-effett li ċertu sitwazzjonijiet jaf ikollhom fuq it-tfal, jekk ikun hemm ulied.

Xejn anqas ta’ sfida hija t-tellieqa sfrenata biex jintlaħqu livelli ta’ ħajja aktar għoljin, li taf tħalli l-effetti negattivi tagħha fuq dawk li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-miri, li tajjeb jew ħażin, ikunu xtaqu li jilħqu.

Fuq kollox għandna ddur madwarna l-ħin kollu t-tentazzjoni tad-droga. Minkejja l-kontrolli kollha, id-droga, l-istess bħall-alkoħol, it-tabakk u l-logħob tal-azzard, għadha tinstab kullimkien, u l-agħar li qiegħed jiġrilna huwa li qed tiżviluppa mentalità li ċertu kwalità ta’ droga hija soċjalment aċċettata daqslikieku kienet tazza ilma.

Xi ftit minn dan li semmejt jaf ikun parti mill-kaġun għaliex sfortunatament sirna nisimgħu daqshekk spiss fuq każijiet ta’ ħsarat fis-saħħa mentali, kif ukoll ta’ wħud li jtemmu ħajjithom ħesrem.

Dan huwa biss wieħed mill-ħafna fatturi li qiegħed ikollhom effett negattiv fuq is-saħħa mentali tal-Maltin u l-Għawdxin.

Akkost li ninstema’ ripetittiv, nisħaq li għandna nedukaw mhux biss għall-karriera, imma nedukaw għall-ħajja; biex inkunu kapaċi naffrontaw dak li l-ħajja titfgħalna quddiemna; biex inkunu nafu nħobbu, nafu nagħdru, u nafu nistennew.

B’hekk biss ikollna ċittadini ta’ stoffa, ċittadini li jagħrfu l-bżonn ta’ ħidma onesta biex wieħed jilħaq l-għanijiet tiegħu, u ta’ kompetenzi li jkunu neċessarji biex jokkupaw pożizzjonijiet li jkunu ta’ responsabbiltà.

Għażilt li nagħti din l-importanza kollha liż-żgħażagħ, f’din l-okkażjoni, għaliex iridu jkunu huma li jiffaċċjaw u jfittxu li jsolvu l-problemi li għandu pajjiżna. L-unika għodda u l-uniku riżors li għandu pajjiżna huwa dak uman.

Wasal iż-żmien li nistaqsu lilna nfusna b’responsabbiltà: “Malta fejn sejra?” Jew aħjar: “Malta fejn se noħduha fil-futur?”

Fuq il-problemi tal-ambjent u t-taqlib tal-klima diġà tkellimt. Ħasra li minkejja twissijiet minn kwartieri differenti matul dawn l-aħħar snin, il-kostruzzjoni xorta baqgħet għaddejja toħnoq partijiet kbar mill-ispazji limitati li fadlilna. Aktar kontrolli u aktar ħarsien tar-regolamenti li diġà jeżistu jgħinu mhux ftit biex insalvaw dak li fadal.

Daqstant urġenti huwa d-diskors dwar iż-żieda tal-popolazzjoni f’pajjiżna, u r-rabta li din kellha, u għad għandha, mal-iżvilupp tal-ekonomija f’pajjiżna. Nafu li 30 fil-mija tal-popolazzjoni f’pajjiżna huma hekk imsejħa ‘barranin’, li wħud minnhom ilhom numru ta’ snin fostna, u li għalhekk il-kelma ‘barranin’ qajla tirrifletti l-istatus veru tagħhom. Il-miġja tagħhom fostna kienet għażla tagħna u bżonn għall-iżvilupp tal-ekonomija. X’inhu l-futur? Se nkomplu nżidu l-barranin fostna biex inkomplu nżidu l-prodott gross domestiku, jew se nsibu mezzi kif nipproduċu prodotti u nagħtu servizzi li jkollhom valur ogħla, u għalhekk inżidu l-prodott gross domestiku bla ma jkollna bżonn żieda fil-ħaddiema?

Hawn jidħol l-użu għaqli ta’ dak kollu li toffrilna t-teknoloġija avvanzata, u l-użu kkontrollat tal-intelliġenza artifiċjali. Dan ma jsirx fl-ajru, imma bħala parti minn pjan li jagħrbel x’jista’ joffri l-futur, u jindikalna liema toroq irridu nieħdu biex naraw lil pajjiżna miexi dejjem ’il quddiem.

Ikun xi jkun dan il-pjan, wieħed ma jarax li l-barranin fostna se jisparixxu ħesrem. Sakemm qegħdin hawn irridu nirrikonoxxu li l-popolazzjoni tagħna tħalltet, u għalhekk irridu nedukaw ruħna li ngħixu flimkien f’soċjetà multikulturali, bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha li jġibu sitwazzjonijiet bħal dawn, u li rajna jiżviluppaw f’ħafna pajjiżi ħbieb u ġirien tagħna.

Pajjiżi li jgħaddu minn dawn l-esperjenzi, mhux biss jipprattikaw it-tolleranza, imma wkoll iwettqu pjanijiet konkreti biex isseħħ l-integrazzjoni ta’ dawn il-barranin fis-soċjetà inġenerali. Dan nagħmluh mhux biss billi nħeġġuhom jitgħallmu l-lingwa, jew billi nagħtuhom postijiet fejn jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom, imma u fuq kollox billi niddefenduhom minn min jisfruttahom, iqarraq bihom, jisolħilhom kull sold li jista’ minn buthom, u jakkomodahom f’postijiet li mhux dehen li joqogħdu fihom in-nies.

L-integrazzjoni tfisser ħafna aktar minn hekk. Tfisser li filwaqt li ngħożżu u nħarsu d-drawwiet, il-kultura, l-ilsien tagħna u dak kollu li jagħmilna Maltin, nuru rispett u nuru mhux biss tolleranza, imma naċċettaw id-drawwiet u nieħdu ħsieb il-bżonnijiet ta’ dawn ħutna li veru ġew pajjiżna biex jaqilgħu x’jieklu, imma li fl-istess ħin tawna servizzi li kienu essenzjali biex l-ekonomija tagħna mxiet ’il quddiem.

Sfortunatament dan mhux dejjem japplika għal dawk li jaslu pajjiżna bħala immigranti irregolari. Din hija storja u realtà differenti. Strettament huma mhumiex il-problema… huma r-riżultat tal-problemi li hemm fil-pajjiżi li jkunu telqu minnhom, kif ukoll ir-riżultat tan-nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jilħqu ftehim dwar ir-responsabbiltajiet li għandna bħala Unjoni lejn dawn l-imsieken li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni, u d-diffikultà li jsibu l-Istati Membri biex ipoġġu fil-prattika d-diskors li dejjem isir dwar ‘solidarjetà’ li ħafna drabi jibqa’ fuq il-karta.

Din hija realtà li ġġegħelna nirriflettu bis-serjetà dwar ir-responsabbiltajiet li nġorru mal-bqija tal-Ewropa u pajjiżi oħra tal-Punent, dwar l-investiment li missu ilu li sar biex jiġi assigurat futur aħjar fil-kontinent Afrikan.

B’integrazzjoni nifhem li ninkludu partijiet mill-kulturi u d-drawwiet ta’ barranin li jkunu ssetiljaw fostna bla ma bl-ebda mod nipperikolaw li nitilfu dak kollu li jagħmilna Maltin… l-identità tagħna, il-kultura tagħna, id-drawwiet tagħna u, fuq kollox, l-ilsien tagħna.

Dwar dan tal-aħħar irrid ngħid b’ċertu sodisfazzjon li mill-bidu tal-Presidenza tiegħi bdejt nitkellem spiss dwar l-użu tal-Malti tajjeb, u dwar l-użu tajjeb tal-Malti. Bil-mod il-mod din il-kampanja bdiet taqbad ir-ritmu, u llum ngħid b’sodisfazzjon li nħoss li nħolqot ċertu kuxjenza, u spiss u f’ħafna okkażjonijiet nisma’ u nara min iħeġġeġ jew jieħu miżuri biex dan il-messaġġ jitpoġġa fil-prattika.

Kelli l-esperjenza wkoll li nara t-tfal tal-Maltin li jaħdmu fi Brussell jingħataw il-fakultà li jistudjaw il-Malti, fost lingwi oħra, bħala parti mill-kurrikulu tat-tagħlim tagħhom fl-iskejjel fi Brussell.

Ilsienna prezzjuż wisq biex nittraskurawh u ma nagħtuhx il-ħarsien li jixraqlu.

Minbarra l-kwantità ta’ kostruzzjoni, u d-densità tal-popolazzjoni, pajjiżna qiegħed jiffaċċja wkoll il-problema tat-traffiku, li minkejja l-miljuni kbar minfuqa biex ġiet żviluppata l-infrastruttura fit-toroq, sfortunatament xorta ma nstabitx soluzzjoni għad-diffikultajiet u d-dewmien li nesperjenzaw kuljum fit-toroq tagħna. Il-problema hija n-numru ta’ vetturi fit-toroq, li jkomplu jiżdiedu b’ammonti regolari kuljum.

Hemm bżonn ta’ pjan olistiku li jinkludi edukazzjoni dwar id-drawwiet tagħna ta’ kif nivvjaġġaw, riċerka dwar mezzi oħra ta’ trasport individwali kif ukoll kollettiv li nistgħu niżviluppaw, ħinijiet għal ċertu vetturi goffi, u possibbilment kontrolli fuq il-ħinijiet ta’ parking f’ċertu lokalitajiet.

Sfida oħra li jridu jħaddnu b’għożża ż-żgħażagħ tagħna biex jassiguraw futur seren għal pajjiżna hija dik li jħarsu l-istat tad-dritt. Dan huwa obbligu li joħroġ mill-vokazzjoni demokratika ta’ pajjiżna u mill-impenn li għandna li nħarsu dawn l-obbligi għax hekk mistenni minna minn organizzazzjonijiet internazzjonali li aħna membri fihom.

Irridu nassiguraw li nsaħħu l-istrutturi kostituzzjonali kollha li jagħtuna wens u serħan tal-moħħ, u li jistgħu jservu ta’ deterrent, kif ukoll li jkunu kapaċi jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex isir il-ħaqq ma’ kull min jiżbalja jew jabbuża. Irridu naraw li l-ġustizzja ssir u jitwettaq il-ħaqq kull fejn ikun ippruvat li jkun sar nuqqas.

Bħalma semmejt il-każ tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia fl-ewwel diskors tiegħi, hekk ukoll ħassejt li f’dan id-diskors inħeġġeġ biex dak li fadal isir f’dan il-każ biex jingħalaq il-kapitlu ġudizzjarju, isir mill-aktar fis biex kull min kien responsabbli jitħallas ta’ għemilu.

Il-kapitlu uman u l-pwieni tal-familjari u l-qraba mhuma se jingħalqu qatt. Għalihom biss il-konsolazzjoni li għall-anqas ikun sar ħaqq ma’ kull min kien responsabbli għal dan il-qtil faħxi.

Dan kollu wliedna jridu jagħmluh filwaqt li ma jneħħux minn quddiem għajnejhom li pajjiżna, għalkemm gżira, mhux iżolat jew maqtugħ mid-dinja ta’ madwarna.

Sfortunatament, ir-realtà ta’ madwarna ma hija sabiħa xejn. Jekk nagħtu ħarsa lejn il-viċinat immedjat tagħna fil-Mediterran, naraw kif aħna mdawrin minn perikli, theddid u problemi li jew diġà qegħdin nesperjenzawhom issa, jew qegħdin ibaqbqu jew iberrqu biċ-ċans li jiżbruffaw fil-futur mhux ’il bogħod.

Għandna madwarna ċirkostanzi li jekk jeskalaw jew jinxterdu, jaf ikollhom effett mhux biss fuq il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tagħna, imma saħansitra fuq livell globali. Għandna wkoll, sa minn sena u nofs ilu, gwerra ħarxa għaddejja fil-qalba tal-Ewropa, li sal-lum ħadd ma jaf kif se tispiċċa.

Fejn tidħol politika Mediterranja, hemm qasam kbir li nistgħu, u għandna l-obbligu, naħdmu fih. Għandna storja twila ta’ involviment, u nħoss li din il-vokazzjoni għandha tibqa’ fost l-għanijiet ewlenin tal-politika barranija tagħna.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi kien hemm min staqsa jekk l-istatus Newtrali ta’ pajjiżna għadux jagħmel sens f’dan ix-xenarju. Aktar minn hekk, kien hemm min staqsa wkoll jekk dan kienx xkiel għalina issa li qegħdin nokkupaw siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.

Pajjiżna mhux l-ewwel pajjiż newtrali li qatt kien fil-Kunsill tas-Sigurtà. Bħalissa hemm ukoll l-Iżvizzera, u ftit qabilna kien hemm l-Irlanda. In-newtralità ma xxekkel xejn mill-ħidma sfiqa li pajjiż f’dak il-forum internazzjonali jista’ jagħmel, kif fil-fatt qiegħed jagħmel pajjiżna.

Jiena nemmen li l-istatus ta’ Newtralità, imħaddem kif suppost u żviluppat f’ħidma attiva favur il-paċi, kif minqux fil-Kostituzzjoni tagħna, huwa għodda siewja f’idejn min irid jaħdem biex iġib il-ġustizzja u l-paċi; f’idejn min irid ifittex il-ftehim, b’mezzi paċifiċi u diplomatiċi, u huwa ferm differenti minn kif jinterpretawh xi wħud, li jpinġuh bħala xi pożizzjonament politiku li jġiegħlek toqgħod b’idejk marbuta, tħares in-naħa l-oħra, anke meta tara l-ħażin iseħħ madwarek.

Dan l-istatus ta’ newtralità ma fixkilniex biex pajjiżna ħadem kif ħadem u ta kontribut mhux żgħir fiż-żewġ ċirkostanzi inkwetanti ħafna li esperjenzajna u għadna għaddejjin minnhom; l-invażjoni għall-ebda raġuni tal-Ukrajna mir-Russja, u l-ġlied li għaddej bejn Iżrael u l-Ħamas. Fejn kien hemm bżonn nikkundannaw, ikkundannajna; fejn kien hemm bżonn niddefendu, iddefendejna; u fejn kien hemm bżonn nimponu sanzjonijiet, imponejna; dejjem skont il-parametri tal-Kostituzzjoni tagħna.

Għalhekk inħoss bil-kuxjenza kollha li m’għandix inħalli okkażjoni bħal din tgħaddi bla ma nikkundanna bla ebda riżerva l-qtil ta’ nies innoċenti, jagħmlu min jagħmlu. Nagħmel it-talba sinċiera tiegħi biex min bħalissa għandu s-saħħa f’idejh, iwaqqaf il-massakru li għaddej ta’ nies innoċenti, b’mod partikolari tfal.

Iż-żejjed kollu żejjed.

Jekk qatt kien hemm prova ta’ kemm in-Newtralità ta’ pajjiżna mhijiex xkiel għall-ħidma tagħna fil-qasam internazzjonali, biżżejjed insemmi s-suċċess diplomatiku miksub mid-diplomatiċi Maltin fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li rnexxielhom isibu appoġġ dwar Riżoluzzjoni li wasslet biex fost miżuri oħra, ikun hemm waqfien qasir fil-ġlied bejn Iżrael u l-Ħamas. Fuq dan is-suġġett, il-Kunsill tas-Sigurtà qatt ma rnexxielu jgħaddi Riżoluzzjoni maqbula mill-2016 ’il hawn.

Ħasra li ma jistax jinstab qbil dwar waqfien mill-ġlied.

Insemmi wkoll dak li seħħ dan l-aħħar fejn pajjiżna saħansitra ġie mitlub biex jieħu r-riedni f’idejh tal-akbar organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, għas-sena 2024.

M’għandniex bżonn provi aktar minn hekk ta’ kemm in-newtralità tagħna mhix ta’ xkiel.

Il-ħasra hija li d-dinja qisha taħseb aktar f’termini ta’ gwerra milli ta’ paċi. Fattur inkwetanti ħafna huwa l-manifattura, it-tixrid u l-bejgħ ta’ armamenti u munizzjon, li għandu importanza kbira fl-ekonomiji ta’ pajjiżi, kbar u żgħar, li jimmanifatturaw l-armi.

Żgur mhux l-iskop ta’ dan id-diskors li nagħmel elenku ta’ dak li għaddejt minnu matul din il-Presidenza: is-sabiħ u l-ikrah. Hemm mumenti fejn aħjar ninsew, imma żgur li ma nistax ma nirreġistrax is-sodisfazzjon kbir li jien u marti Miriam kellna meta kellna l-okkażjoni unika li nilqgħu ġewwa pajjiżna lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.

Okkażjoni sabiħa u ta’ sodisfazzjon kienet il-konferenza msejħa ‘Arraiolos’, fejn kelli l-pjaċir nilqa’ tnax-il President Ewropew f’pajjiżna biex niddiskutu suġġetti ta’ interess komuni.

Irrid insemmi wkoll l-esperjenzi sbieħ li kelli kull meta żort lil ħutna Maltin u Għawdxin li jgħixu barra minn pajjiżna, kemm dawk emigranti, kif ukoll dawk li qegħdin għal żmien iqsar jagħmlu esperjenza ta’ xogħol jew studju.

Fost dawn il-komunitajiet Maltin ta’ barra wieħed iħoss il-ġibda, l-imħabba u r-rabta mat-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna.

Esperjenza li żgur se tibqa’ minquxa f’moħħi u f’moħħ marti Miriam hija dik tal-Malta Community Chest Fund Foundation, li laqqgħatna mar-realtajiet tal-ħajja, bil-pwieni, id-dwejjaq u l-ferħ li, sfortunatament, ħafna nies jgħaddu minnhom f’episodji partikolari ta’ ħajjithom.

Qabel nagħlaq dan id-diskors, irrid nifraħ lil dawk kollha li se jirċievu dekorazzjoni dalgħodu. Dan huwa l-mezz kif ir-Repubblika ta’ Malta tirringrazzjakom għal dak li għamiltu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi, min f’qasam u min f’ieħor.

Dan huwa rikonoxximent mistħoqq. Il-poplu Malti u Għawdxi jgħidilkom proset u grazzi.

Jien nispera li jkolli okkażjoni oħra li nesprimi ħsibijieti qabel inħalli din il-kariga tliet xhur u nofs oħra, imma ħassejt li m’għandix inħalli din l-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ta’ meta pajjiżna ddikjara ruħu Repubblika tgħaddi, bla ma nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu għall-fatt li fl-2019 tani din l-okkażjoni unika li bħala Kap tal-Istat Malti, inkompli nservih għal ftit snin oħra.

Għalija kien unur u privileġġ, imma fuq kollox dover, li nkompli nservi lill-poplu tagħna u lill-għażiż pajjiżna għal ħames snin oħra.

Kien hemm żminijiet diffiċli li fihom apprezzajt immens il-kliem ta’ faraġ u ta’ inkoraġġiment, bħalma weġġajt u tnikkitt bi kliem ta’ tmaqdir u żebliħ li ma kienx ġustifikat.

Fuq kollox apprezzajt l-appoġġ kontinwu, professjonali u dedikat tal-istaff tal-Uffiċċju tiegħi matul dawn is-snin kollha, li matulhom ħadmu taħt ċirkostanzi diffiċli u li kienu dejjem hemm biex jagħtuni pariri u jgħinuni fit-teħid tad-deċiżjonijiet li kelli nieħu.

B’mod partikolari, irrid nirringrazzja lill-membri tal-familja tiegħi li fihom dejjem sibt il-wens u l-faraġ, u fuq kollox lil marti Miriam li flimkien qsamna din l-esperjenza ta’ servizz għall-poplu Malti u Għawdxi.

Viva Malta Repubblika.

Skip to content