George Vella

“Il-volontarjat jgħinna nibnu soċjetà iktar b’saħħitha” – Il-President ta’ Malta waqt il-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella qal li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, tajjeb li nħarsu sew madwarna u naraw xi rwol jaqdi l-volontarjat, ħafna drabi fis-silenzju, b’nies li jifhmu u japprezzaw l-importanza li jagħtu lura lis-soċjetà. “Il-volontarjat kien, għadu u jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-futur tal-poplu tagħna. Dan ngħidu għax nemmen bis-sħiħ li l-volontarjat jgħinna nibnu soċjetà iktar b’saħħitha,” qal il-President Vella waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2023.

“Mill-bidu ta’ din il-Presidenza, li issa qed toqrob lejn tmiemha, jiena ħassejt li għandi niffoka u nagħti importanza sħiħa lis-settur tal-volontarjat f’pajjiżna għaliex jgħin ikattar is-sens t’għaqda, solidarjetà u inklużjoni, ikabbar id-djalogu u t-tolleranza, u huwa ċentrali biex innaqqsu l-preġudizzju, il-faqar u l-esklużjoni soċjali,” qal il-President ta’ Malta waqt li semma l-kuntatt li hu u Miriam kellhom ma’ bosta għaqdiet volontarji li qed jagħmlu xogħol imprezzabbli.

Waqt li feraħ lir-rebbieħa u rringrazzja lil kull voluntier, il-President radd ħajr lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat li qiegħed jiċċelebra l-ħmistax-il sena mit-twaqqif tiegħu. Dr Vella qal li l-Kunsill ħoloq ambjent li jiffaċilita l-involviment ta’ iktar nies f’dan il-qasam u nnota b’sodisfazzjon it-tema magħżula għal dan l-anniversarju, ‘Giving voice and visibility to the voluntary sector’.

“Naqbel u nemmen li għandna nkomplu nagħmlu mezz sabiex ngħollu kemm nistgħu l-profil tal-volontarjat f’pajjiżna u nħeġġu iktar nies, fosthom tfal u anzjani, jersqu eqreb lejn dan is-settur,” qal il-President ta’ Malta.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fissret il-volontarjat bħala teżor nazzjonali li rridu ngħożżuh waqt li rreferiet għax-xogħol siewi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat tul l-aħħar 15-il sena.

Ir-rebbieħa huma:

Voluntier tas-sena: Noel Aquilina, Malta Wheelchair Basketball Association

Voluntier Żagħżugħ/a tas-sena: Marius Barbara, Karibu! Malta

Organizzazzjoni Volontarja tas-sena: Down Syndrome Association Malta

Premju Victor Calvagna – tfal fil-volontarjat: Jake Vella nominat mill-Malta Sports Journalists Association

Premju Speċjali għal ħidma volontarja minn individwu fil-komunità: Fr Hilary Tagliaferro

Skip to content