George Vella

Il-President Vella jagħmel lekċer bit-titlu ‘Rethinking the Mediterranean’ fil-Kulleġġ tal-Ewropa

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

“Il-paċi fil-Mediterran hija wkoll prerekwiżit għall-istabbiltà globali,” stqarr il-President George Vella waqt il-lekċer li għamel bit-titlu ‘Rethinking the Mediterranean’ lill-istudenti tal-Kulleġġ tal-Ewropa u lill-parteċipanti tal-Akkademja Diplomatika tal-UE fi Bruges.

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi fir-reġjun, il-President Vella ffoka fuq il-Mediterran u x-xenarju tas-sigurtà fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Ewropa. Il-baħar tagħna, qal il-President Vella, “huwa tabilħaqq ġibjun tal-insigurtà”, u spjega li s-sigurtà fir-reġjun tiddgħajjef minħabba tliet theddidiet ewlenin: il-konflitti u l-insigurtà politika; it-theddid latenti għas-sigurtà bħall-inugwaljanzi ekonomiċi, il-migrazzjoni irregolari u t-traffikar ta’ bnedmin; u kwistjonijiet orizzontali bħalma huma t-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ilma u l-falliment tal-uċuħ tar-raba’, l-insigurtà tal-ikel u tal-enerġija u t-tniġġis tal-baħar.

Il-President Vella qal li hekk kif il-komunità internazzjonali qiegħda tissielet għal soluzzjonijiet, il-konsegwenzi umanitarji ta’ gwerra u konflitt insensati qegħdin dejjem jiżdiedu. “It-tbatija fiżika u psikoloġika u ċ-ċaqliq li dawn it-theddidiet qed ikomplu jikkawżaw fuq persuni ċivili innoċenti qed iħallu l-impatt tagħhom fuq il-ġenerazzjonijiet iżgħar tagħna,” qal il-President filwaqt li enfasizza li r-riżoluzzjoni tal-konflitti u l-isforzi ta’ medjazzjoni jridu jsiru l-prijorità kollettiva tagħna.

Waqt il-lekċer tiegħu, li kienet segwita minn sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, il-President saħaq fuq l-importanza li jiġi stabbilit qafas ta’ kooperazzjoni fuq l-istess livell mas-sħab reġjonali. Żied jgħid li l-kooperazzjoni multilaterali ma tistax tirnexxi qabel ma l-pajjiżi fil-Lvant Nofsani u r-reġjuni tal-Afrika ta’ Fuq iħossu li qed jiġu ttrattati b’mod ugwali, b’rispett, li qed jiġu stmati u li huma parti mid-djalogu aktar milli qed jiġu ddettati x’jagħmlu. “L-iskambji mal-kontropartijiet iridu jkunu dejjem xprunati minn ħerqa li nifhmu, billi niftħu l-orizzonti tagħna għall-opinjonijiet tal-parti l-oħra. Ma nistgħux nimponu l-ideat tagħna fuq ħaddieħor. Nistgħu naslu biex nifhmu biss permezz tad-djalogu bejn partijiet ugwali,” stqarr il-President.

Il-President Vella ħeġġeġ lill-istudenti jipparteċipaw b’mod attiv f’attivitajiet ċivili taż-żgħażagħ, filwaqt li jagħrfu li l-futur tagħna jinsab f’idejhom u rrefera għall-inizjattiva Young Mediterranean Voices fl-2016, li ġabret f’Malta 600 żagħżugħ u żagħżugħa mill-Mediterran. Il-President qal li ż-żgħażagħ tal-Mediterran għandhom rwol importanti biex jonqsu t-tensjonijiet u tinstab bażi komuni. Enfasizza wkoll li l-Kulleġġ tal-Ewropa jservi ta’ eżempju perfett ta’ dan il-prinċipju, billi jiġbor flimkien studenti minn madwar l-Ewropa kollha u lil hinn minnha biex jaqsmu l-esperjenzi, il-fehmiet u l-ideat tagħhom.

Il-President Vella ħeġġeġ lill-istudenti jbiddlu n-narrattiva u l-azzjoni preżenti u ma jibżgħux jitkellmu dwar il-paċi, anki meta dan ifisser li jmorru kontra l-kurrent. “Nappellalkom biex ma tkomplux bin-nuqqasijiet tal-ġenerazzjoni tiegħi. Agħmlu l-almu tagħkom, bħala diplomatiċi, professjonisti u dawk li jfasslu l-politika, biex tkunu vuċi għad-djalogu u l-fehim,” għalaq il-President.

Ritratti (OPR)

Skip to content