Il-President ta’ Malta George Vella u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ddeskrivew iż-żjara tal-President Vella fil-Parlament Ewropew fi Brussell bħala storika minħabba l-fatt li l-Kap ta’ Stat u l-President tal-Parlament Ewropew huma t-tnejn Maltin. F’dan ir-rigward, it-tnejn esprimew sodisfazzjon li t-taħditiet setgħu jsiru bl-ilsien Malti.
Iż-żewġ presidenti kellhom taħditiet fuq l-irwol tal-Unjoni Ewropea fi sfidi reġjonali u internazzjonali fosthom il-gwerra fl-Ukrajna u l-immigrazzjoni irregolari. Iddiskutew fid-dettall l-aħħar avveniment fil-Lvant Nofsani. F’dan il-kuntest il-President Vella wassal it-tħassib serju tiegħu kif din is-sitwazzjoni qed ikollha konsegwenzi gravi ħafna fuq ħajjiet ċivili u wissa kontra ħerba li jista’ jkollha l-firxa ta’ dan il-kunflitt fir-reġjun kollu kemm hu.
Matul din il-laqgħa, ġew diskussi wkoll sfidi interni tal-Unjoni Ewropea bħalma huma t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u t-taħditiet dwar ir-riformi istituzzjonali li jinkludu wkoll reviżjonijiet tat-trattati.
F’kummenti wara l-laqgħa, il-President George Vella rringrazzja lill-President Metsola u l-istaff tagħha għall-ħidma tagħhom biex din il-laqgħa setgħet issir. Min-naħa tagħha l-President tal-Parlament Ewropew fissret il-pjaċir tagħha li tilqa’ fil-Parlament Ewropew lill-President u s-Sinjura Vella. Hija żiedet tgħid li flimkien mal-President Vella tkellmu dwar il-pożizzjoni u l-kontribut ta’ Malta madwar il-mejda tad-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Akkumpanjati mill-President Metsola, il-President u s-Sinjura Vella ltaqgħu mal-artista Maltija Ruth Bianco li spjegat ix-xogħol tagħha ‘Lines of Migration’ li jinsab għall-wiri fil-Parlament Ewropew.
Huma ltaqgħu wkoll ma’ Patri Marcellino Micallef, il-fundatur tas-Soup Kitchen OFM Valletta li hija rebbieħa għal Malta tal-Premju taċ-Ċittadin Ewropew ta’ din is-sena.
Aktar kmieni waranofsinhar, il-President Vella kellu udjenza mar-Re Philippe tal-Belġju fil-Kastell ta’ Laeken. Huma tkellmu primarjament dwar l-andament u l-potenzjal tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi speċjalment fl-oqsma kummerċjali, ta’ investiment, it-turiżmu u s-settur kulturali. Temi oħra li ġew diskussi jinkludu l-instabbiltà fil-Mediterran u l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna u l-COVID fuq il-komunità internazzjonali. Ir-Re Philippe wera interess partikolari fil-wirt kulturali uniku ta’ Malta b’mod partikolari fl-arazzi tal-Konkatidral ta’ San Ġwann li sar reċentement restawr estensiv fuqhom fil-Belġju.
Illejla l-President u s-Sinjura Vella se jiltaqgħu mal-Maltin li jgħixu l-Belġju u l-Lussemburgu, f’Dar Malta.
Ritratti (OPR)