George Vella

Il-Professur Alfred Vella, il-Professur Victor Axiak u s-Sinjura Mary Gaerty huma r-rebbieħa tal-Premju Buonamico 2023

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-Professur Alfred Vella, il-Professur Victor Axiak u s-Sinjura Mary Gaerty huma r-rebbieħa tas-seba’ edizzjoni tal-Premju Buonamico li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella. Il-Premju Buonamico, organizzat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, jagħti ġieħ lil personalitajiet li permezz tal-ħidma tagħhom ikunu taw kontribut mhux żgħir fil-qasam tal-ħarsien u l-konservazzjoni tal-ambjent.

Fid-diskors tiegħu, il-President George Vella stqarr li l-aktar element komuni bejn it-tliet rebbieħa huwa l-insistenza tagħhom fuq l-importanza tal-edukazzjoni. “Permezz tal-ħidma edukattiva tagħhom, ġenerazzjonijiet ġodda ser ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fl-ikbar sfida li qegħdin inħabbtu wiċċna magħha bħalissa, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali, dik tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Sfida li l-konsegwenzi tagħha diġà qegħdin inħossuhom,” qal il-President, filwaqt li wissa li jekk ma nreġġgħux il-ħsara lura, uliedna u wlied uliedna, ser jiffaċċjaw sfidi u taqlib kbir.

F’dan l-isfond, il-President sostna li għandna kemm jista’ jkun inkomplu nitkellmu fuq is-sostenibbiltà u fuq kemm din hija importanti sabiex l-ambjent ta’ madwarna jiġi mħares u sostnut. Is-sostenibbiltà, qal il-President, għandha tkun rispettata u mħaddna f’kull livell tas-soċjetà tagħna, f’kull ħin u kull mument.

Għalkemm huwa tajjeb li nagħtu kas u nippremjaw l-irwol importanti tal-individwu fis-soċjetà, il-President qal li għandna bl-istess mod nisħqu fuq l-importanza tat-twaqqif u l-ħarsien tas-sistemi regolatorji li suppost iħarsu u jipproteġu s-sostenibbiltà ambjentali f’pajjiżna. Il-President wissa li “hemm bżonn liġijiet stretti, u ħarsien bis-serjetà. Kull abbuż u kull traskuraġni jridu jinqatgħu. Nifhem li l-iżvilupp tal-bini huwa bżonnjuż iżda dan m’għandu qatt isir għad-detriment tal-ambjent naturali.” Appella biex l-awtoritajiet konċernati kollha jkunu dejjem aktar viġilanti u jipproteġu aħjar il-wirt ambjentali li fadlilna.

Il-President tenna li hemm bżonn ħarsien strett tar-regolamenti, u deċiżjonijiet favur il-ħarsien tal-ambjent meħuda bis-serjetà għaliex dak li neqirdu llum jispiċċa għalkollox, filwaqt li dak li nindukraw ser jibqa’ jagħti l-frott. Dak li ser ngħattu bil-bini u t-tarmak inkunu tlifnieh għal dejjem. Qal li fiċ-ċokon ta’ artna m’hemmx lok fejn nieħdu żbalji.

Ritratti: OPR

Skip to content