Il-President George Vella jenfasizza r-rispett reċiproku u l-apprezzament bejn Malta u r-Renju Unit
“Wara l-perjodu ta’ kolonizzazzjoni, hekk kif ir-Renju Unit u Malta qabdu toroq politiċi differenti kif għażlu li jagħmlu ċ-ċittadini tagħhom b’mod demokratiku, kemm fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Commonwealth, ir-rispett reċiproku u l-apprezzament tagħna baqgħu sodi daqs qatt qabel,” qal il-President ta’ Malta George Vella fil-ftuħ tal-“Malta – United Kingdom Cultural Symposium: Evoking Memories, Shaping Futures.”
Il-President Vella nnota li huwa rikonoxxut b’mod universali li Malta u r-Renju Unit għandhom affinità bejniethom li ħalliet marka li ma titħassarx fuq l-iżvilupp tas-soċjetà Maltija, fuq l-ilsien tagħna, il-kultura tagħna, ir-rabtiet tal-familja u diversi aspetti oħra li forsi s’issa għadhom ma ġewx esplorati u studjati kif suppost.
Fid-diskors ewlieni tiegħu waqt it-tielet simpożju fis-Sensiela ta’ Simpożji Kulturali tal-Presidenza, il-President fakkar il-kliem sabiħ li uża r-Re Karlu meta tkellem dwar Malta u l-affezzjoni li ommu, il-mibkija Reġina Eliżabetta II, kellha għal Malta matul is-snin hekk kif b’għożża kienet tirreferi għal Malta bħala l-“Gżira tal-Memorji Sbieħ” tagħha.
Is-Simpożju Kulturali dwar Malta u r-Renju Unit, organizzat mill-Uffiċċju tal-President, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit, esplora r-relazzjoni politika, kulturali u istituzzjonali bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan iffoka fuq il-Legat Mużikali Brittaniku fl-Identità Maltija, il-Moda Brittanika u l-Ilbies Malti, u l-Kċina Brittanika. Id-diskussjonijiet taw ħarsa wkoll lejn il-futur tar-relazzjoni u kif it-temi taż-żgħażagħ u l-ambjent għandhom jitmexxew ’il quddiem mill-Commonwealth.
Il-President Vella laqa’ l-enfasi li qed jagħmel ukoll dan is-Simpożju fuq l-impenn li l-Commonwealth tinżamm bħala forum politiku internazzjonali rilevanti għall-isfidi globali tal-lum, speċjalment għat-tibdil fil-klima. Il-President innota li s-Sensiela ta’ Simpożji Kulturali tal-Presidenza għandhom l-għan li jixħtu dawl fuq ir-relazzjonijiet kulturali multidimensjonali li pajjiżna għandu ma’ tant pajjiżi oħra. “Ir-Renju Unit huwa wieħed mill-akbar kontendenti. Onestament nemmnu li hemm potenzjal f’dawn ir-rabtiet storiċi li jista’ jgħinna nifformaw futur aħjar”, żied jgħid il-President.
Is-Simpożju beda b’indirizz introduttorju minn Cathy Ward, il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit għal Malta, li xeħtet dawl fuq dak li jagħmel ir-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u Malta waħda speċjali u unika. “Kullimkien tara rabtiet ċari tal-konnessjonijiet storiċi. Tista’ tara l-istorja komuni tagħna f’mużewijiet madwar Malta kollha. Għandna l-istess valuri u lesti niddefenduhom, inkluż bħala sħab fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,” irrimarkat il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit.
Fost il-kelliema waqt is-sessjoni introduttorja kien hemm Emmanuel Mallia, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit; Lord Ahmad ta’ Wimbledon, il-Ministru tal-Istat għal-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ Fuq, l-Asja t’Isfel u n-Nazzjonijiet Uniti fl-Uffiċċju għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth u l-Iżvilupp; u Ian Borg, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.