George Vella

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella waqt avveniment fi tmiem il-proġett ta’ restawr fis-Sala tat-Tron, 10 ta’ Lulju 2023.

Prof. Alfred Vella – Rettur tal-Università,

Mr Wilfred Kenely – CEO, RIDT, l-Università ta’ Malta,

Mistednin Distinti,

Matul is-snin tal-Presidenza tiegħi, għamilt wegħda miegħi nnifsi u man-nies ta’ madwari li, sa fejn nista’, insegwi kif ikun sejjer l-andament ta’ dak li forsi jista’ jitqies bħala fost l-aktar proġetti importanti ta’ restawr li għaddej bħalissa f’pajjiżna fejn għandu x’jaqsam il-wirt kulturali; qed nirreferi għar-restawr tal-Palazz u ta’ dak kollu li hemm ġo fih.  Minn din is-sala għaddejt bosta drabi, kemm waqt iż-żjarat spissi u regolari tiegħi – u nirringrazzja hawnhekk li kull meta kont niġi, kienu jdawruni u jispjegawli u nipprova nifhem eżatt x’inhu għaddej – kif ukoll meta għal xi ftit żmien kellna l-possibilità biex nagħmlu użu minn din is-sala meta pajjiżna laqa’ dinjitarji u mistednin li żaruna minn żmien għal żmien; meta kien hawn il-Papa u okkażjonijiet oħra fejn sfortunatament kellna nwaqqfu x-xogħol u nirringrazzja lil kull min kien involut li żarma l-iscaffolding, li żarmaw kollox, għamlu din is-sala aċċessibbli u mbagħad mill-għada nerġgħu bl-iscaffolding u nkomplu għaddejjin.  Tul dawk iż-żjarat kien ikolli l-okkażjoni ningħata ħjiel ta’ dak li kien għaddej fil-għoli fuq l-armar.  Illum ninsabu hawn biex niċċelebraw it-tmiem ta’ ħidma u impenn tar-restawr li twettaq.  U smajna dettalji tekniċi ħafna, interessanti, dwar dak kollu li kien għaddej.

Ir-rakkont tal-Assedju l-Kbir li pitter l-artist Taljan Matteo Perez d’Aleccio fi żmien il-Gran Mastru La Cassière hu ferm aktar minn opra tal-arti.  Hawnhekk, kif intqal diġà, għandna rakkont viżiv ta’ dak li seħħ ftit aktar minn 450 sena ilu fuq din l-art, aktarx imnebbaħ minn dawk li kien hemm minnhom li setgħu għexuh mill-qrib, jum wara jum, bil-qtigħ il-qalb li jġib miegħu assedju f’dawn iż-żminijiet imbiegħda u l-kuraġġ meħtieġ biex jintgħelbu l-isfidi.  Sfortunatament, kif intqal, kien hemm żmien fejn dan l-affresk li jagħtina r-rakkont tal-Assedju l-Kbir ġie wkoll moħbi kompletament. U llum irrid ngħid, kont naf li kien tgħatta però ma kontx qed nimmaġina li dan kien mgħotti għal kważi mitt sena, li hija xi ħaġa kbira ħafna. Kien moħbi u nbidel l-ambjent oriġinali tiegħu u ma baqa’ jidher xejn minnu moħbi wara panelling li ġie mtella’.  Għexieren ta’ snin wara, fil-bidu tas-seklu għoxrin, kellu jerġa’ jara d-dawl biex il-poplu Malti seta’ jgawdih mill-ġdid.

B’xorti tajba rrid ngħid, dan ġie mgħotti biss, u mhux mogħti passati żebgħa biex jitgħatta għalkollox, kif sar f’postijiet oħra bħalma sar fil-Palazz Verdala.  Hawnhekk probabbilment ma kienx hawn wisq laħam espost. Il-Verdala kien hemm wisq laħam espost u allura kien hemm ċertu skrupli. Hawnhekk ma kienx hawn.

Dan il-proġett ta’ restawr ukoll kellu l-isfidi tiegħu.  Nista’ nobsor li kellu wkoll mumenti ta’ qtigħ il-qalb, kif ukoll mumenti ta’ sodisfazzjon, meta l-interventi li saru b’tant paċenzja u professjonalità, riċerka, ħsieb u metikolożità jħallu r-riżultat mixtieq. 

Nistgħu nibdew b’dawk tekniċi fejn ir-restawraturi li ħadmu fuq din l-opra tal-arti ħtiġilhom jifhmu b’mod ċar l-interventi, kif spjegatilna diġà, li saru matul iż-żminijiet mgħoddija.  Ħtiġilhom jifhmu wkoll x’fadal li għadu oriġinali u li seta’ jerġa’ jinkixef mingħajr ħsara biex b’hekk l-opra tal-arti terġa’ takkwista koerenza viżiva.  Dan kien sforz ta’ oħrajn matul iż-żmien hekk kif dan l-intervent ikompli jibni fuq dawk li saru qabel.

Dak li qegħdin nirrikonoxxu llum huwa riżultat tax-xogħol, tad-dedikazzjoni, u l-perseveranza ta’ grupp ta’ restawraturi li wħud minnhom studenti, kemm Maltin kif ukoll barranin, li ħadmu flimkien għal snin sħaħ fuq proġett hekk ambizzjuż.  Ninsab infurmat li dan il-proġett hu minn tal-ewwel li wettqet l-Università ta’ Malta.  Nawgura li jkun ukoll ieħor minn sensiela twila li tkompli fejn ir-riżorsi akkademiċi u intellettwali tant prezzjużi li għandu pajjiżna jagħtu kontribut ferm u ferm akbar, b’saħħtu, għat-tisħiħ tal-ġid komuni.

Iżda l-isfidi ma kinux dawn biss.  Proġett daqstant ikkumplikat bħal dan kien jinħtieġlu fondi u riżorsi ekonomiċi sostanzjali.  Hawnhekk xtaqt nirrikonoxxi l-apprezzament tiegħi għal dak kollu li l-RIDT – University of Malta Research Innovation and Development Trust – irnexxielha tiffinanzja u ssostni matul iż-żmien.  Bl-impenn tagħkom, l-Università ta’ Malta mhux qiegħda biss tagħti kontribut ta’ natura xjentifika, iżda wkoll qed tiffinanzja dan il-kontribut billi tinvesti fir-riċerka bil-għan li tagħti kontribut tanġibbli lis-soċjetà Maltija.  Kieku ma kienx għal dan l-impenn, forsi llum m’aħniex hawnhekk.  Ta’ dan nixtieq nuri r-rikonoxxenza u l-gratitudni tiegħi f’isem il-poplu Malti.

Hekk kif jidher li l-isfidi marbuta ma’ dan il-proġett issa ntgħelbu, u l-ħidma li saret ħalliet il-frott li ser nibdew ingawdu mill-ġdid illum, jonqos li nsaħħu l-apprezzament u nisħqu fuq ir-rikonoxximent għal dan il-wirt storiku hekk importanti.  Tajjeb li ma ninsewx li għandna r-responsabbiltà li nkomplu nindukrawh billi nsegwu l-istat ta’ konservazzjoni tiegħu.  Mhux ngħidu li dan issa rrestawrat u nħalluh hemmhekk, imma rridu nibżgħu għalih. Tajjeb ukoll li nkomplu bil-ħidma tant meħtieġa favur l-għarfien u l-apprezzament tiegħu.  Iżda tajjeb ukoll li nkomplu niggarantixxu li dan ikun jista’ jitgawda mill-poplu, f’kull forma possibbli, sabiex l-aċċess iwassal għal aktar għarfien u apprezzament tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna biex b’hekk ninvestu fil-ħarsien tant meħtieġ tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna.

Dan jinħtieġ proċess ta’ edukazzjoni, speċjalment fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, li jiġu aktar esposti għal dak kollu li għandu pajjiżna bħala wirt kulturali.

Dan għandu jkun parti importanti mill-formazzjoni tagħna bħala Maltin, li nkunu kburin bl-identità u l-kultura tagħna.

Nirringrazzjakom.

Skip to content