Insellmilkom.
Nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-Fondazzjoni OASI li għal sena oħra għoġobha tistedinni biex naqsam magħkom xi ftit ħsibijiet fuq suġġett daqstant importanti.
Waqt it-taħditiet li saru matul din il-konferenza, ħareġ biċ-ċar l-impatt negattiv fuq it-tfal ta’ dawk l-individwi li jsofru minn problemi relatati mal-vizzji.
Il-vizzju jaf jieħu forom differenti. Il-vizzju ma jinvolvix biss l-użu tas-sustanzi imma jista’ wkoll jinvolvi logħob tal-azzard, sess, l-użu tal-internet u tal-midja soċjali, fost oħrajn.
Il-vizzju jikkawża sfidi u diffikultajiet kbar fuq il-persuni li jsofru minn xi tip ta’ dipendenza jew xi ħaġa oħra. Però ħafna drabi, waqt li jkunu qegħdin imissu ma’ dan il-vizzju, dawn l-individwi jkunu wkoll qed ifittxu wens, xi forma ta’ wens, li jista’ jservi ta’ kenn mill-problemi u mill-inkwiet tal-ħajja ta’ kuljum.
Jien napprezza li hemm ħafna li għad irid isir fir-rigward tal-persuni li huma vittmi tad-dipendenza.
Fl-istess ħin, huwa importanti wkoll li nirrikonoxxu li l-imġiba li tirriżulta mill-vizzju jista’ jkollha wkoll impatt fuq dawk ta’ madwar il-vittmi stess, partikolarment fuq uliedhom.
F’dan l-isfond, ninnota b’sodisfazzjon li din il-konferenza ffukat fuq it-tema ta’ ‘It-Tfal u l-Addiction’ biex tinħoloq aktar kuxjenza fuq kif it-tfal jiġu affettwati meta jkollhom lil xi ħadd mill-familja li jsofru minn xi vizzju.
Hawn m’aħniex qegħdin nitkellmu fuq it-tfal li jistgħu jkunu qabdu l-vizzju huma stess. Sfortunatament dan qiegħed jiġri, u b’għafsa ta’ qalb ninnota li l-età ta’ dawk li jidħlu f’dipendenzi, skont l-istatistika li għandna, qiegħda dejjem tiżdied, u tinkludi anke tfal.
Irrispettivament minn kemm ikollna żmien, aħna dejjem xi ftit jew wisq niġu influwenzati min-nies li jrabbuna. Dawn l-influwenzi jinkludu mhux biss il-ġeni li jintirtu mill-ġenituri bijoloġiċi, iżda wkoll l-imġiba, id-drawwiet, il-valuri u l-istil ta’ komunikazzjoni li nitgħallmu minn dawk l-adulti li jrabbuna u jieħdu ħsiebna aħna u nikbru.
F’din il-konferenza rajna li l-mod kif iġibu ruħhom il-ġenituri għandu impatt qawwi fuq kif it-tfal jaħsbu u jħossuhom dwarhom infushom u anke fuq id-dinja ta’ madwarhom. Meta l-ġenituri jiżviluppaw jew ibatu minn xi vizzju, dan ikollu impatt fuq is-saħħa fiżika u anke dik emozzjonali tagħhom, u konsegwentement fuq il-kapaċità li jrabbu kif suppost lil uliedhom b’mod effettiv. Jekk xejn, hemm l-effett dirett tal-eżempju ħażin.
Il-vizzju mhux biss għandu effetti dejjiema fuq l-individwu li jkun waqa’ vittma – il-vizzju jaffettwa wkoll b’mod sinifikanti lill-maħbubin tagħhom, u kif diġà għedna, b’mod speċjali lil uliedhom fi kwalunkwe stadju tal-iżvilupp tagħhom.
Sfortunatament, huma ħafna dawk it-tfal li jikbru, u li qegħdin jikbru, f’ambjent fejn hemm preżenti l-problema tal-vizzju.
Tul din il-Presidenza, jien dejjem sħaqt li t-tfal tagħna huma l-fulkru fuq xiex jiddependi l-ġejjieni u l-iżvilupp ta’ pajjiżna. It-tfal huma bħal żerriegħa li maż-żmien, mogħtija l-attenzjoni u l-imħabba li jixirqilhom, trid fl-aħħar mill-aħħar, tieħu l-frott minnhom. Skont kif nieħdu ħsiebhom u kif inrabbuhom, dan jiddetermina x’tip ta’ adulti jsiru meta jikbru.
Ambjent fejn hemm il-vizzju jaffettwa ħażin ħafna lit-tfal li jistgħu jispiċċaw isofru minn trawma jew problemi relatati mas-saħħa mentali, jew agħar minn hekk, jekk kemm-il darba jitħajru jaqbdu l-vizzju huma stess.
Il-problemi relatati mal-impatt fuq it-tfal li huma esposti għall-vizzju għandhom jiġu indirizzati mill-iktar fis.
Inkunu qed nitilfu opportunità tad-deheb jekk ma nħarsux lejn dan il-fenomenu minn bosta angoli sabiex inkunu nistgħu nifhmu tassew u aħjar l-impatt tal-vizzju fuq it-tfal u biex, konsegwentement, inkunu nistgħu noffru lil dawn it-tfal is-sostenn kollu li għandhom bżonn.
Sinjuri,
Jiena nemmen bis-sħiħ li l-involviment tas-soċjetà ċivili – b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi – huwa importanti sabiex nindirizzaw l-impatt tal-vizzju ta’ qraba u ħbieb fuq it-tfal.
L-attivitajiet numerużi u l-kisbiet ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-ġlieda kontra l-problemi kkawżati mill-vizzju huma xhieda tal-impenn u tal-involviment tagħhom biex jippromwovu l-prevenzjoni tal-abbuż u jgħinu anke lil dawk li għandhom bżonn jindirizzaw il-ħsarat relatati mal-vizzju.
Jiena nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-Fondazzjoni OASI tax-xogħol siewi li qed jagħmlu fil-qasam tar-riabilitazzjoni. L-impenn tagħkom favur il-ħajja ħielsa mix-xkiel tad-dipendenza tagħti tama ta’ futur aħjar lil bosta nies li jfittxu l-għajnuna professjonali tagħkom.
Kif nafu tajjeb, l-impatt tal-vizzju jmur lil hinn mill-klassi, mir-razza jew mil-livell ta’ edukazzjoni. Minħabba dan, jien dejjem nisħaq li l-prevenzjoni tal-addiction teħtieġ sforz kollettiv sabiex din l-isfida tiġi megħluba b’mod komprensiv. Ma nistgħu nħallu lill-ebda membru tas-soċjetà tagħna waħdu jew waħedha f’mumenti ta’ diffikultà hekk kbira.
Huwa għalhekk importanti li, bħala soċjetà, nuru aktar empatija u napprezzaw li l-ħajja toffri sfidi lil kulħadd, b’mod differenti. Kemm jista’ jkun, irridu nevitaw kliem ta’ disprezz li jwaqqa’ d-dinjità tal-persuna. Soċjetà li hi kapaċi tagħder u tħenn hija tassew il-pedament ta’ kull suċċess li pajjiż jista’ jikseb u ċertifikat ta’ soċjetà matura.
U għalhekk irrid inħeġġeġ ukoll minn hawnhekk lill-awtoritajiet konċernati sabiex jassiguraw li l-ħidma tagħhom favur il-ġustizzja soċjali tkompli tissaħħaħ billi jkomplu jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom kull meta jkun hemm bżonn.
Il-qafas legali jrid ikompli jservi bħala sostenn għal dawk li għandhom bżonn il-kura, u fl-istess waqt ikun ta’ deterrent għal oħrajn li b’xi mod jagħmlu, jew jitħajru jagħmlu, profitt mid-dgħufija u l-vulnerabilità ta’ ħaddieħor.
Jiena konvint, fuq kollox, li għandna naħdmu iktar sabiex inħejju iktar inizjattivi edukattivi u implimentazzjoni ta’ programmi għall-ġid ta’ dawk li jsofru minn dipendenza fuq il-vizzju.
Nagħlaq dawn il-kelmtejn qosra billi nisħaq dwar l-importanza li nrawmu soċjetà inklussiva u li turi empatija u li lesta tilqa’ bi ħġarha u tieħu ħsieb lil dawk ħutna li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ dipendenza. Irridu nkomplu naħdmu sabiex nibnu ambjent soċjali dejjem iżjed inklussiv li jħares is-saħħa kemm ta’ min hu vittma tal-vizzju, iżda wkoll tal-maħbubin tagħhom, b’mod speċjali lil uliedhom.
Nirringrazzjakom tax-xogħol tagħkom.
Grazzi.